Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 1: 1-8
L-Evanġelju skont San Mark 1: 1-8
[Mk:1:1] Il-Bidu ta’ l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla.
[Mk:1:2] Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta,
‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr
tiegħi biex iħejji triqtek.
[Mk:1:3] Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu,’
[Mk:1:4] hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.
[Mk:1:5] U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.
[Mk:1:6] Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ.
[Mk:1:7] U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.
[Mk:1:8] Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Il-ħajja ta’ Ġwanni l-Battista kienet imqanqla minn żelu u passjoni waħda dik li jipponta lejn Kristu u lejn il-miġja tas-Saltna tiegħu. L-Iskrittura tgħidilna li Ġwanni kien mimli bl-Ispirtu s-Santu sa minn ġuf ommu. Din insibuha f’Luqa 1: 15 u vers 41. Kien mimli bl-Ispirtu s-Santu minn Kristu nnifsu li Marija kienet għadha kemm nislet fil-ġuf tagħha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
U inti ħerqan biex tisma’ l-Kelma t’Alla u biex tinbidel permezz tagħha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu?
Il-Magħmudija ta’ Ġwanni kienet magħmudija t’Indiema li wieħed idur lura mid-dnub u li jilbes il-ħajja ġdida skont il-Kelma t’Alla. Ġwanni qal li l-Messija kien se jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u bin-nar. In-nar fi żminijiet bibbliċi kien assoċjat m’Alla u mal-azzjoni tiegħu fid-dinja jew fil-ħajja tal-poplu tiegħu. Xi drabi Alla mmanifesta l-preżenza tiegħu bl-użu tan-nar bħal meta deher lil Mosè taħt forma ta’ għollieq jaqbad. L-immaġini tan-nar kienet użata wkoll biex tisimbolizza l-glorja t’Alla, il-preżenza li tipproteġihom, il-qdusija tiegħu, il-ġudizzju ġust tiegħu u r-rabja tiegħu lejn id-dnub. Hija wkoll użata b’referenza għall-Ispirtu s-Santu fit-Testment il-Ġdid.
Ħsieb għal Qalbek …
In-nar t’Alla jippurifika u jnaddafna u anke jqanqal fina biża’ qaddis lejn Alla u rispett lejn il-Kelma tiegħu fina.
U inti tixtieq tkun tħeġġeġ b’nar qaddis għal Alla u għal meta jerġa’ jiġi l-Mulej Ġesu’ fil-glorja tiegħu?
Il-Magħmudija tagħna li rċevejna f’Ġesu’ bl-ilma u bl-Ispirtu s-Santu tirriżulta fi twelid ġdid għalina u li aħna dħalna fis-Saltna t’Alla bħala wliedu għeżież. Ġesu’ huwa dejjem lest li jagħtina n-nar tal-Ispirtu tiegħu ħalli aħna nkunu mimlija bil-ferħ u l-verita’ tal-Evanġelju, f’dinja li għandha bżonn iddisprat tad-dawl u l-verita’ t’Alla. Il-Kelma tiegħu għandha l-qawwa li tibdel u titrasforma l-ħajja tagħna ħalli aħna nkunu wkoll dawl li jipponta lejn Kristu. Bħal Ġwanni l-Battista aħna wkoll imsejħa biex nagħtu xhieda tad-dawl u l-verita’ ta’ Ġesu’ Kristu.
U inti tiggwida lil oħrajn biex jaslu għand Kristu bil-mod kif inti tgħix, titkellem u taġixxi?
Itlob …
Mulej Ġesu’ ħeġġeġ lil qalbi bin-nar qaddis tiegħek ħalli qatt ma jonqosni l-ferħ u l-liberta’ tas-Saltna tiegħek.
Għażiża Marija, agħmel li jien flimkien miegħek u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu nkun xhieda tal-verita’ tal-Evanġelju għal kull min jgħix madwari. Ammen.