🌻 Hija vokazzjoni: għall-qdusija; għall-imħabba bħal ta’ Kristu.
🌻 Meta nitgħammdu, Alla jsejħilna (vokazzjoni tfisser sejħa) biex ngħixu l-qdusija li Kristu jaqsam magħna għax inkunu dħalna fih. Ħajjitna għandha tkun ta’ wlied Alla u mhux ta’ wlied Adam. “Kunu qaddisin, għax qaddis jien!” (1Pietru 1: 16).
🌻 Ngħixu ta’ wlied Alla billi nħobbu lil Alla b’saħħitna u qalbna kollha u lil għajrna bħalna nnifisna (Il-Kmand il-kbir). Din tissejjaħ ‘imħabba agape’ u tixbaħ l-imħabba ta’ Kristu għalina.
🌻 Mela l-vokazzjoni nisranija, mogħtija mal-mument li nsiru nsara – fil-magħmudija, hi l-vokazzjoni bażika li fuqha tinbena kull vokazzjoni partikolari oħra li Alla jagħmel lill-bniedem matul ħajtu. Hija l-vokazzjoni bażika għall-agape li fuqha u għaliha nisrani jagħżel li jsir saċerdot jew li jifforma familja nisranija. Hija għall-agape li nisrani joffri ruħu għall-ħajja tal-oħrajn fis-soċjeta u fil-Knisja. Dawn il-vokazzjonijiet partikolari kollha ħerġin minn dik bażika li tinsab fil-magħmudija.
🌻 Il-magħmudija hija sejħa biex l-imgħammed ikompli llum il-ħidma ta’ mħabba u fidwa ta’ Ġesu. Mela l-vokazzjoni ddaħħal lin-nisrani fil-ħidma ta’ Ġesu stess li qed jifdi lid-dinja llum.