Via Lucis bil-Malti (It-Triq tad-Dawl)

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen

L-Ewwel Stazzjon: Ġesù Jqum Mill-Imwiet

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew 28:5- 6

L-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jien naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab.  M’huwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal.”

Riflessjoni: Ħajtek hi mimlija daqs bajda imma qalbek hi bħal qabar vojt? Inti x’qed tfittex f’ħajtek? Forsi l-affarijiet materjali qed iħallulek vojt u donnu dan il-vojt ma tista’ timlieh b’xejn? 

Applikazzjoni: Fittex lil Kristu rxoxt fejn taf li tista’ ssibu u ħalli Lilu jimla l-ħajja tiegħek b’dak il-ferħ u dik il-paċi li d-dinja u l-affarijiet tagħha ma jistgħu jagħtuk qatt.

Glorja …

It-Tieni Stazzjon: Id-Dixxipli Jsibu l-Qabar Vojt

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann 20:5,8

Ġwanni tbaxxa u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Huwa ra, u emmen. 

Riflessjoni: Int tqil biex temmen li Kristu huwa tassew ħaj? Li qiegħed maġenbek, iħares lejk b’imħabba u jistenna dak il-mument li int ukoll iddawwar l-attenzjoni tiegħek lejH? Kemm tagħti importanza dak li nsibu fl-Iskrittura dwar il-pjan ta’ Alla biex isalvana permezz ta’ Ibnu? 

Applikazzjoni: Ħadd ħlief Kristu ma ngħata s-setgħa li jsalva lill-bnedmin. ĦallieH issalvak minn dak kollu li għadu jorbtok bil-faxex tal-mewt, jiġifieri mid-dnub tiegħek, mid-diżordni li għad hemm f’ħajtek, minn relazzjonijiet ħżiena jew minn attitudnijiet żbaljati li ma jħallukx fil-paċi u li jżommuk ‘il bogħod mill-Mulej.

Glorja …

It-Tielet Stazzjon: Il-Mulej Irxuxtat Jidher lil Marija Madalena

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann 20:15a,16

Ġesù qalilha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?  Lil min qiegħda tfittex?”  Hi ħasbet li kien il-ġardinar. Ġesù sejjħilha: “Marjam!”  Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: ‘Rabbuni!’ jiġifieri, Mgħallem. 

Riflessjoni: Qatt irrelizzajt li l-Mulej jaf ir-raġuni tal-bikja tiegħek? Li jaf dak li qed tfittex b’qalbek kollha? Mhux biss jaf, imma jinteressah minnek u mill-bżonnijiet tiegħek kollha. Imma int Lilu tfittxu b’qalbek kollha? Tfittex li tagħraf x’għandu xi jgħidlek?

Applikazzjoni: Għaraf il-preżenza reali ta’ Kristu rxoxt dejjem ħdejk. Jekk tieqaf u tiskot f’qalbek, jirnexxielek tisimgħU jsejjaħlek b’ismek. Bi ħlewwa kbira, Hu qed jistennik u qed jistiednek biex tħallieH iħobbok. AgħtiH ħajtek, it-toqol tiegħek, u tagħmel esperjenza tas-serħan li ġġib imħabbtU.

Glorja …

Ir-Raba’ Stazzjon: Il-Mulej Irxuxtat Jidher lil Żewġ Dixxipli fit-Triq lejn Emmaus

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa 24:15, 25-27

Ġara li huma u jitħaddtu u jistħarrġu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.  Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.  U hu qalilhom: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti!  U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”  U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.”

Riflessjoni: Ġieli forsi bla ma kont qed tistenniha kont qed titkellem ma’ xi persuna u d-diskors waqa’ dwar Ġesu’ u ħassejtek xi ftit imbarazzat dwar x’se tgħid? Qatt ġietek ix-xewqa li tistħarreġ għall-Verita’, iżda donnu aktar tinfixel jekk mhux ukoll tonqsok il-fidi?

Applikazzjoni: La tibżax! U taqtax qalbek milli tkompli tistħarreġ dwar min hu Ġesu’. Sib mument kwiet, jekk trid tista’ tuża xi ftit mużika biex tgħinnek tinġabar u ara x’inhu dak li qed iċċajparlek il-viżjoni u jimblokkak milli tagħraf lil Kristu rxoxt. SejjaħlU u għax hu jinsab preżenti, iftaħ qalbek u tħaddet miegħU kif tħossha. Ġesu’ hu paċenzjuż u bil-mod tiegħU jispjegalek kemm-il darba jkun hemm bżonn biex fl-aħħar tagħraf min Hu tassew. Fittex fil-Kelma tiegħU (fil-Vanġeli) li jibqgħu validi għal kull żmien. Il-Mulej għandu Kelma għalik għal kull mument tal-ħajja tiegħek.

Glorja…

Il-Ħames Stazzjon: Il-Mulej Irxuxtat Jintagħraf fil-Qsim tal-Ħobż

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa 24:29-32

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ‘il bogħod.  Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.”  Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom.  U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.  Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.  U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”

Riflessjoni: “Ibqa’ magħna…” Inti tħossok komdu fil-preżenza ta’ Ġesu’? Togħġbok il-kumpanija tiegħU?

Applikazzjoni: Ġesu’ dejjem jinsab magħna, iżda Hu prudenti u għalhekk jistenna lilna biex nistiednuH jidħol u joqgħod magħna. Illum f’Malta tagħna għandha diversi kappelli fejn nistgħu ngħaddu ftit minuti ħdejH. Ejja nħalluH ikebbes fina n-nar ta’ Mħabbtu waqt li nisimgħuh ikellimna u jfissrilna dak li jkun irid jgħidilna. Hu qalilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom,” u Hu ta’ Kelmtu u tassew jagħmel dan jekk aħna mmorru għandU.

Glorja…

Is-Sitt Stazzjon: Il-Mulej Irxuxtat Jidher lid-Dixxipli

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa 24:38-40

“Għaliex tħawwadtu?  Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom?  Araw idejja u riġlejja.  Jiena hu!  Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.”  Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. 

Riflessjoni: Ġieli tħossok titħawwad għax bħal donnu tlabt xi ħaġa lil Alla u ma seħħitx? Ġieli ħsibt li forsi Alla nesiek jew ma jimpurtahx minnek?

Applikazzjoni: Ġesu’ ssallab għalik u l-marki tal-imsiemer jibqgħu jagħtu xhieda ta’ mħabbtU lejk. Infatti, ma kienux l-imsiemer li żammewH mas-salib imma mħabbtU għalija u għalik. Mela jekk ma weġibx għal xi talba minn tiegħek, dan ifisser, li jew iridek tistenna sa ma jagħtik dak li qed titolbu jew inkella se jagħtik xi ħaġa ħafna aħjar. Temmnu dan?

Glorja…

Is-Seba’ Stazzjon: Il-Mulej Jagħti s-Setgħa li Jinħafru d-Dnubiet

Nadurawk  o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann 20:19-23

Meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”  Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu.  Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom!  Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.  Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.” 

Riflessjoni: Qatt ħassejtek imbeżża’ u ngħalaqt fik innifsek bħal donnu kkonkludejt li ħadd mhu qed jifhmek? Is-sliem u l-paċi tal-qalb, u anki s-serħan tal-moħħ fejn tipprova tfittixhom? Min taħseb li jista’ jagħtik dawn b’mod permanenti?

Applikazzjoni: Minkejja li forsi int għalaqt il-bibien ta’ qalbek biex minn għalik tipproteġi lilek innifsek milli l-bnedmin iweġġgħuk, Ġesu’ jrid jidħol propju f’din ir-rokna mudlama tiegħek. Irid jidħol biex jagħtik is-sliem tiegħU li huwa dak li l-bniedem jixxennaq li jkollu biex jgħix. Kif jgħid Santu Wistin: Aħna maħluqa għaliH u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fiH.

Glorja…

It-Tmien Stazzjon: Il-Mulej Iwettaq il-Fidi ta’ Tumas 

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann 20:24-29

Tumas ma kienx magħhom meta ġie Ġesù.  Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.”  Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqiegħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.”  Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom.  Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”  Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.”  Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”  Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni!  Henjin dawk li ma rawx u emmnu.” 

Riflessjoni: “Emmint għax rajtni!  Henjin dawk li ma rawx u emmnu.” – Int tqis ruħek ma’ dawn il-henjin li jsemmi Ġesu’ jew il-fidi tiegħek għandha bżonn tikber? Ġesu’ huwa l-Mulej tiegħek u Alla tiegħek? Iġifieri qed tipprova tgħix fuq il-Kelma tiegħU u tobdi dak li kkmandana Hu għax iħobbna u jridilna l-aqwa ġid?

Applikazzjoni: Mid-dnubiet kollha li l-bniedem jista’ jwettaq, l-akbar dnub u dak li l-aktar iweġġa’ l-Qalb ta’ Kristu jibqa’ dak tan-nuqqas ta’ fiduċja fiH, minkejja dak kollu li Hu għamel għalina bħala prova ta’ mħabbtU lejna. Mela kun af, li għamilt x’għamilt f’ħajtek, u ħawwadt kemm ħawwadt bid-deċiżjonijiet li ħadt, jekk int tafda fil-Ħniena tiegħU bla tarf u tersaq lejH għall-maħfra permezz tas-Sagrament tal-Qrar, Hu jaħfirlek u jinsa dnubietek kollha. Kuraġġ! Hu qed jistenniek u jistiednek tagħmel propju dan. 

Glorja…
 

Id-Disa’ Stazzjon: Il-Mulej Irxuxtat Jiltaqa’ mad-Dixxipli fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Tiberija

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann 21:10-12

Qalilhom Ġesù: “Ġibu mill-ħutiet li qbadtu issa.”  Xmun Pietru tela’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx.  Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu.”  Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-Mulej.”

Riflessjoni: Tiftakar kemm-il darba l-Mulej ħabbatlek fuq il-bieb ta’ qalbek? Forsi permezz ta’ xi kelma li qallek xi ħadd, forsi b’xi silta mill-Iskrittura jew b’xi ‘talk’ li smajt jew anki b’xi avveniment li għaddejt minnu? Kemm-il darba njorajtU jew inkella ħsibt li tipposponi l-istedina ta’ mħabba tiegħU, minkejja li taf li ħadd ma jridlek ħadd ġid daqsu?

Applikazzjoni: Tkomplix tinjoraH għax Hu mħabba biss għandU għalik u jekk qed jitolbok tibdel xi ħaġa f’ħajtek jew tibda tagħmel dak li ilek tipposponi, agħtiH widen. Il-Mulej Hu bħall-ilma. L-ilma jista’ biss ixarrbek għax hekk hi n-natura tiegħu, Alla jista’ biss iħobbok, għax Hu Mħabba.

Glorja…

L-Għaxar Stazzjon: Il-Mulej Irxuxtat Jagħti l-Primat lil Pietru

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann 21:15, 17b, 19b

Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” … Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’, u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.”  Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”

Riflessjoni: Ġesu’ huwa l-għeżeż ħaġa għalik? Tħobbu aktar mill-affarijiet materjali li jiċċirkondawk, mill-għeżież tiegħek u anki minnek innifsek? Lest li tagħtiH dak li jista’ qed iżommok marbut hekk li ma tistax tgħix ir-rieda tiegħU? X’lest li tagħmel għal Ġesu’ int wara dak kollu li Hu għamel għalik fil-Passjoni tiegħU?

Applikazzjoni: Imħabba vera tgħaddi mill-prova. Jekk il-Mulej qed jitolbok tagħmel sagrifiċċju biex takkwista lilU u l-imħabba li għandU x’joffrilek, la tibżax! Kull ma għandek tagħmel huwa biss il-pass li jmiss f’ħajtek. Hu jitlob minnek passi żgħar kuljum biex iqarbek lejH. Itlob l-għajnuna tiegħU u mbagħad għamel il-pass li jmiss. Jekk tpoġġi t-tama tiegħek fil-Mulej, kun af li Hu, m’hu se jidiżappuntak qatt.  

Glorja…

Il-Ħdax-il Stazzjon: Il-Mulej Irxuxtat Jafda lid-Dixxipli bil-Missjoni għad-Dinja

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew 28:19-20

“Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” 

Riflessjoni: Temmen int li l-Mulej jinsab miegħek f’kull ħaġa li tagħmel? Ibierek it-tajjeb li tagħmel u jittama li inti titgħallem mill-iżbalji tiegħek stess? U la darba l-Mulej miegħek, temmen li tista’ taffaċċja kull ċirkustanza, iebsa kemm hi iebsa?

Applikazzjoni: Minn għandek ukoll il-Mulej qed jitlob missjoni, qed jibgħatek għand ħutek il-bnedmin biex int tħabbrilhom il-Bxara t-Tajba li Hu huwa Ħaj u li lest li jsalvahom u jagħtihom il-ħajja eterna. Il-ġid li tista’ tagħmel int b’xi kelma tajba, b’dak li timposta fuq ‘Facebook’ u b’xi azzjoni minn tiegħek, ma jista’ jagħmlu ħadd. Aċċetta li tgħix bħala dixxiplu tiegħU u jkollok b’sehmek il-glorja tal-Ġenna.

Glorja…

It-Tnax-il Stazzjon: Il-Mulej Irxuxtat Jitla’ għand il-Missier

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli 1:8-11

“Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.” Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ‘il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.  Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?  Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.”

Riflessjoni: Inti temmen li meta l-Mulej jitolbok xi ħaġa fl-istess waqt ikun qed jagħtik il-qawwa tal-Ispirtu tiegħU biex inti tkun kapaċi twettaqha? Tassew li l-Mulej għandu jerġa’ jiġi. F’ħajtek il-Mulej jista’ jiġi għalik biex jieħdok minn hawn f’ħin bla waqt. Inti mħejji biex tiltaqa’ miegħU?

Applikazzjoni: Kun ċert li jekk il-Mulej se jagħtik għalqa biex inti tagħżaqha se jtik ukoll l-għodda li għandek bżonn biex inti tagħmel dan. Sejjaħ lill-Ispirtu s-Santu li diġa’ rċevejt fil-Magħmudija u fil-Griżma biex jgħinnek fl-għażliet tiegħek u biex jagħtik il-grazzji li għandek bżonn biex twettaqhom. Jekk inti tħalli lill-Ispirtu s-Santu jibdlek f’persuna dejjem aħjar, imbagħad tista’ sserraħ rasek li jiġi meta jiġi il-Mulej, se jsibek ippreparat biex tiltaqa’ miegħU u tikseb il-premju tal-ħajja ta’ dejjem.

Glorja…
 

It-Tlettax-il Stazzjon: L-Istennija tal-Ispirtu s-Santu ma’ Marija, Omm Ġesu’

Nadurawk o Ġesu’ u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli 1:13a, 14

Xħin l-appostli daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu. 

Riflessjoni: Għandek xi kamra favorita tiegħek fejn fiha tħobb titlob, jew f’xi kampanja jew fejn il-baħar jew forsi f’xi kappella fil-qrib? Qatt tlabt lil Marija, omm Ġesu’ biex tgħinnek u takkumpanjak fit-talb? Taf li Marija hi l’omm tiegħek tas-sema u li dejjem lesta tidħol għalik quddiem Binha Ġesu’?

Applikazzjoni: Fid-dinja mgħaġġla u storbjuża tallum mhux se ssib ħin għat-talb, trid tagħmlu inti. Agħżel ħin u post biex tinġabar fit-talb. L-aħjar talba hi dik ħierġa mill-qalb. Meta ma ssibx xi tgħid, tista’ toqgħod fis-skiet, filwaqt li żżomm f’moħħok li Ġesu’ u Marija jafu x’teħtieġ qabel ma’ inti tkun nissilt il-kelma. Ħadd ma jħobbok bħalhom u daqshom. It-talb jibdlek. Itlob bil-fidi u f’ħajtek tesperjenza bidla għall-aħjar u safa akbar f’ruħek.

Glorja…
 

L-Erbatax-il Stazzjon: Il-Mulej Irxuxtat Jibgħat l-Ispirtu s-Santu Imwiegħed lid-Dixxipli

Nadurawk o Ġesu’ u mberuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli 2:2-4

F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin.  U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom.  Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont mal-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

Riflessjoni: Inti taf li l-Ispirtu s-Santu huwa l-Kumpann inseparabbli tiegħek? Tħaddem id-doni li hu poġġa fik?

Applikazzjoni: Lilek ukoll l-Ispirtu s-Santu ta doni u kapaċitajiet. Il-kapaċita’ li tħobb, li taqdi u li tagħmel differenza għall-aħjar fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Hu x’inhu d-don jew doni li ngħatajt qatt tibqa’ lura milli tħaddimhom bil-qawwa li jagħtik Huwa stess. Ħabbar lil Kristu Ħaj fost ħutek il-bnedmin bla ma tħabbel rasek wisq kif għandek titkellem quddiem min jisimgħek, għax ikun l-Ispirtu s-Santu stess li dak il-ħin jagħtik il-kliem li għandek tgħid. Il-Mulej sejjaħlek biex issir qaddis. Huwa għalhekk li tak id-don tal-Ispirtu s-Santu għax jaf li mingħajr il-qawwa tiegħU, inti m’għandek il-qawwa tbiddel xejn!

Glorja…

Skont il-Fehma tal-Papa…

Missierna, Sliema u Glorja…

Talba tal-Aħħar:

O Alla, bil-qawmien mill-imwiet ta’ Ibnek Kristu Sidna għoġbok tferraħ lid-dinja, agħmel nitolbuk illi bil-meditazzjoni ta’ dawn l-istazzjonijiet tal-‘Via Lucis’, aħna ngħixu fuq dak li huma jgħallmuna u naqilgħu dak li huma jwegħduna. Bl-istess Kristu Sidna, Ammen.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Għal aktar tagħrif dwar il-Via Lucis, mur hawn: http://www.laikos.org/via_lucis.htm

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s