Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 9: 9-13
L-Evanġelju skont San Mattew 9: 9-13
[Mt:9:9] F’dak iż-żmien Ġesu, huwa u għaddej minn hemm, ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew.”Ejja warajja,” qallu. Dak qam u mar warajh.
[Mt:9:10] U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda, ġew bosta pubblikani u midinbin u qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu.
[Mt:9:11] Meta raw dan il-Fariżej qalu lid-dixxipli: “Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?”
[Mt:9:12] Hu semagħhom, u qal: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda.
[Mt:9:13] Mela morru tgħallmu x’jiġifieri, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju’; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Inti qatt esperjenzajt il-Ħniena t’Alla? U titratta lill-proxxmu tiegħek bi ħniena?
In-nies fil-Palestina kienu maqsuma qishom żewġ gruppi. Dawk li kienu riġidi fl-osservanza tal-liġi u l-bqija li ma kienux iżommu mar-regoli fid-dettalji tagħhom. L-osservanti kienu jitrattaw lill-bqija bħala ċittadini tat-tieni klassi. Kienu bi skruplu jevitaw il-kumpanija tagħhom, jirrifjutaw li jinnegozzjaw magħhom, jirrifjutaw li jagħtu jew jirċievu xi ħaġa minn għandhom, jirrifjutaw li jitħalltu bi żwieġ u jirrifjutaw li jgħaddu ħin ta’ mistrieħ u ta’ divertiment magħhom inkluż li jieklu magħhom.
Meta Ġesu’ jassoċċja lilu nnifsu ma’ dawn it-tip ta’ nies b’mod speċjali dawk li kienu jiġbru t-taxxi u l-midinbin, dawk li kienu l-osservanti, xxukkjaw ruħhom. Meta Ġesu’ sejjaħ lil Mattew biex ikun wieħed mid-dixxipli tiegħu, hu għażel raġel li kien jiġbor it-taxxi u li minħabba l-professjoni tiegħu l-Lhud kienu jobgħoduh. Fuq kollox kien jiġbor it-taxxi u mqabbad mir-Rumani li xejn ma kienu ġusti magħhom.
Ħsieb għal Qalbek …
Meta l-Fariżej sfidaw dan l-atteġjament ta’ Ġesu’ li jiekol mal-midinbin pubbliċi, id-difiża li uża Ġesu’ kienet sempliċi ħafna. It-tabib ma jeħtiġlux li jżur lin-nies b’saħħithom, minflok hu jmur għand dawk li kienu morda. Ġesu’ bl-istess mod kien ifittex lil dawk li l-aktar kienu fil-bżonn. Tabib tajjeb ifittex il-fejqan fil-persuna b’mod sħiħ: f’ġisimha, fil-menti tagħha u fl-ispirtu tagħha.
Ġesu’ ġie bħala t-Tabib Divin u r-Ragħaj it-Tajjeb biex jieħu ħsieb il-poplu tiegħu u biex iġeddidhom għall-ħajja fil-milja tagħha. Dawk li akkużaw lil Ġesu’ kienu tant mehdija bl-osservanzi tagħhom tar-reliġjon li naqsu milli jgħinu dawk l-istess nies li kienu fil-bżonn tal-attenzjoni spiritwali. Ironikament kienu huma wkoll li kellhom l-istess bżonn bħan-nies li kienu jiddisprezzaw għax huma kienu egoisti u suppervi.
U inti tirringrazzjah lil Alla għall-Ħniena li jurik? U tfittex dak li hu l-aħjar għall-proxxmu tiegħek? U turihom ħniena?
Itlob …
Għeżież Ġesu’ u Marija, aħna issa niġu għandkom b’fiduċja għaliex nafu li Intom dejjem titrattawna bi Ħniena.
Il-qlub tagħna huma kiesħa, kebbsuhom bl-Imħabba bla egoiżmu tagħkom.
Il-qlub tagħna huma midinba, naddfuhom bid-Demm prezzjuż tas-Salvazzjoni.
Il-qlub tagħna huma dgħajfa, qawwuhom bl-Ispirtu tagħkom ta’ ferħ.
Il-qlub tagħna huma vojta, imlewhom bil-preżenza t’Alla.
Il-qlub tagħna huma Tagħkom, ipposeduhom dejjem u Għalikom biss. Ammen.