171. Riflessjoni fuq Luqa 9: 7-9

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 7-9

Capture.PNGk

L-Evanġelju skont San Luqa 9: 7-9

[Lq:9:7] Dawn il-ġrajja kollha waslu f’widnejn Erodi t-tetrarka u beda jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet,

[Lq:9:8] waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi.

[Lq:9:9] Iżda Erodi qal: “Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma’ dan kollu?” U beda jfittex li jarah.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’ħeġġeġ il-kuraġġ u ż-żelu tal-martri?

Huma ħabbew lil Alla u l-verita’ tiegħu aktar minn ħajjithom stess. Biex wieħed jagħti xhieda għall-verita’, b’mod speċjali dik tal-Vanġelu, ħafna drabi jrid iħallas prezz għoli. Ejja nieħdu l-profeti, kollha sofrew abbużi u ħafna minnhom ġew maqtula.

Erodi minkejja li donnu ma kienx ċert għandux joqtol lil Ġwanni jew le, kien bniedem li kellu l-kuxjenza tniggżu. Meta sema’ bil-fama ta’ Ġesu’ hu ssapona li Ġwanni l-Battista li hu kien qatgħalu rasu kien reġa’ qam mill-imwiet.

Ħsieb għal Qalbek …

Sfortunatament għal Erodi ma rrnexxielux jeħles mid-dnub billi ħeles mir-raġel li kien jakkużah bl-istess dnub. Erodi kien raġel dgħajjef. Hu kien jieħu deċiżżjonijiet qawwija fuq affarijiet ħżiena meta fl-istess waqt kien jaf x’inhu t-tajjeb. Din it-tip t’attitudni kienet turi dgħjufija u kemm kien beżżiegħ.

Inti lest li tixhed għal Ġesu’ u għall-verita’ u s-sewwa tiegħu, minkejja li dan ifisser jew oppożizzjoni minn dawk ta’ madwarek jew li jkollok tħalli xi dnub għażiż għalik u titgħallem tgħix mingħajru?

Kemm-il darba l-Mulej ġibidlek l-attenzjoni fuq id-dnub tiegħek permezz tal-profeti li hemm fostok illum, u inti forsi ħassejt il-kuxjenza tniggżek imma ma għamilt xejn dwarha?

Għasfur marbut b’ħabel jew b’ħajta xorta waħda mhux ħieles biex ittir. Bl-istess mod jekk wieħed jibqa’ jgħix fid-dnub bla ma jfittex li jinħall minnu dan id-dnub kbir jew żgħir se jibqa’ jżommu lsir.

Itlob …

Mulej, agħtini kuxjenza sensittiva u qawwija ħalli nkun nista’ nagħraf il-ħażen għal dak li hu u nindem mill-mod kif offendejtek. Għinni nagħżel dak li hu tajjeb u nwarrab il-ħażin li hu kuntrarju għar-rieda mqaddsa tiegħek u għinni naħdem għall-qdusija tiegħi u tal-oħrajn ħalli nkun nogħġbok f’kollox. Ammen.