Verżjoni Vidjo: Il-Miraklu ta’ Macerata, Italja
IL-MIRAKLU TA’ MACERATA, ITALJA
1356
Il-kattoliċi ta’ Macerata jgħidu illi l-belt tagħhom tista’ tissejjaħ il-Belt tas-Santissmu Sagrament u dan għal żewġ raġunijiet: l-ewwel għax Miraklu Ewkaristiku ġara hemm, u t-tieni għax din kienet waħda mill-ewwel bliet fid-dinja li organizzat konfraternita’ ad unur tas-Santissmu Sagrament.
Il-Miraklu sar f’Macerata filgħodu nhar il-25 ta’ April 1356, waqt li saċerdot kien jiċċelebra l-quddiesa fil-knisja tas-sorijiet Benedittini. Fil-bidu tal-Konsagrazzjoni għal mument wieħed ġieħ dubju dwar ir-rejalta’ tal-preżenza ta’ Kristu, u f’daqqa waħda hekk kif qasam l-Ostja Kkonsagrata demm frisk beda jqattar mix-xfar ta’ fejn l-Ostja kienet ġiet maqsuma. Is-saċerdot tant imtela b’fidi u devozzjoni illi kif idejh bdew jirtogħdu, d-demm mill-Ostja qattar għal ħdejn il-kalċi u ċappas il-korporal li kien taħtu.
Kif spiċċat il-quddiesa s-saċerdot ġera jagħti l-aħbar ta’ dak li ġralu lill-isqof Nicola ta’ San Martin, u dan ordna biex il-korporal imxarrab bid-demm jittieħed lejn il-katidral biex jiġi eżaminat. Il-Miraklu ġie mxebbaħ ma’ dak li kien sar f’Bolsena inqas minn mitt sena qabel (ara Miraklu ta’ Bolsena), u li bħala riżultat kienet twaqqfet il-festa ta’ Corpus Domini.
Wara li ġie ddikjarat bħala awtentiku mill-kummissjoni kanonika, l-korporal imċappas bid-demm ġie bir-rispett kollu esebit għall-qima.
Għalkemm fl-arkivji ta’ Macerata ma nstab l-ebda dokument uffiċjali ta’ dak iż-żmien, il-famuż kittieb tal-istorja Ignazio Compagnoni fir-raba’ manuskritt tiegħu jirrakkonta d-dettaji tal-Miraklu u jagħtina rapport ċar ħafna ta’ kif il-kummissjoni għarfet ir-relikwja bħala awtentika. Ir-rapporti ta’ żmien il-Miraklu kif ukoll rapporti oħra minn isqfijiet u arċisqfijiet li saru wara (b’mod partikulari dak tal-Isqof Kardinal Centini fl-1622) kollha kkonfermaw l-awtentiċita’ ta’ din ir-relikwja. Il-qtar tad-demm li jidhru ċari fuq id-drapp huma meqjusa minn kulħadd illi huma d-Demm Prezzjuż tas-Salvatur.
Dokumenti tas-sena 1647 igħidulna illi raġel jismu Orazio Longhi rregala lill-katidral relikwarju prezzjuż tal-fidda u kristall biex ġo fih tiġi esebita r-relikwja. Fl-1649 l-Isqof Mgr. Silvestri organizza purċissjoni u solennita’ grandjużi ad unur tal-korporal imqaddes – festi li fihom ipparteċipaw ħafna mill-fidili.
Ir-relikwja baqgħet esposta sal-1807 meta Napuljun beda jhedded l-Italja u l-Knisja. Meta Napuljun waqqaf il-konfraternitajiet u ma riedx li jsiru purċissjonijiet tradizzjonali, l-korporal ġie moħbi f’kamra żgħira wara artal fil-katidral. Hemmhekk baqa’ fiż-żgur tul dan iż-żmien kollu u wkoll matul żmien ieħor ta’ nkwiet politiku li ħarbat l-Italja għan-nofs is-seklu dsatax. Imma l-korporal ma ntesiex tul dawn is-snin kollha. Ġie awtentifikat fl-10 ta’ Ottubru 1861 minn Mgr. Zangari, u iktar ‘l quddiem fil-15 ta’ Settembru 1885 minn Mgr. Gelati.
Dan il-korporal prezzjuż fl-aħħar ħarġuh mill-moħba tiegħu fl-1932. Wara li reġa’ ġie awtentifikat sewwa dan tqiegħed ġol-frame tiegħu tal-kristall u ġie espost għal dejjem fil-Kappella tas-Sagrament.
Il-qisien ta’ dan il-korporal huwa ta’ interess kbir għal kull min jarah illum. It-tul huwa ta’ 4 piedi u 2.5 pulzieri waqt il-wisgħa huwa ta’ 1 pied u 4 pulzieri, huwa ħafna itwal mill-korporali użati llum li huma daqs maktur tal-idejn tal-irġiel. Jaħsbu illi l-korporal kien mitwi min-nofs waqt il-quddiesa tal-Miraklu għaliex iż-żewġ tebgħat tad-demm jaqblu fuq xulxin meta l-korporal jintewa.
Hemm ħafna iktar sinjali ta’ tiwi jidhru fuq il-biċċa tal-għażel. Ħames linji tat-tiwi jimxu orizzontali waqt li jidhru sebgħa vertikali. Barra t-tbajja tad-demm, jidhru ukoll traċċi ta’ umdita’ u ftit qtar tax-xemgħa.
Jingħad illi ma tistax issir analiżi kimikali ta’ din ir-relikwja għaliex is-sekli rrendew kull sustanza li mhix drapp qishom ħaġa waħda; għalhekk tista’ ssir biss deskrizzjoni xjentifika skont l-apparenza.
Li biċċa tal-għażel hi awtentika ġie stabbilit bi tlett manjieri. L-ewwel, il-biċċa drapp (li hi deskritta bħala eżatta u sfaret biż-żmien) ġiet determinata minn skulari li hi tas-seklu erbatax. It-tieni, il-parċmina mwaħħla mal-korporal fiha kitba Gotika, u din il-kitba kienet awentifikata minn skulari bħala ġejja minn żmien il-Miraklu. It-tielet, illi għalkemm ma nstabu l-ebda dokumenti uffiċjali, imma hemm ħafna mansuskritti minn kittieba rispettabbli ta’ dak iż-żmien li jirreferu għall-istorja tal-Miraklu u jaċċettawh bħala awtentiku.
Il-korporal imqaddes nistgħu narawh f’kappella ġdida fil-Katidral ta’ Marcerata fejn huwa meqjum partikularment nhar il-festa ta’ Corpus Christi u matul l-ottava ta’ din il-festa.
English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/english_pdf/Macerata.pdf
Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/San_Bartolomeo,_Morrovalle
Nota: It-Tagħrif dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.