221. Riflessjoni fuq Luqa 21: 29-33

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 21: 29-33

baby-figs

L-Evanġelju skont San Luqa 21: 29-33

[Lq:21:29] F’dak iż-żmien, Ġesu qalilhom parabbola: “Ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra.

[Lq:21:30] Malli tarawhom jarmu, intom stess tintebħu li s-sajf diġà fil-qrib.

[Lq:21:31] Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib.

[Lq:21:32] Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu.

[Lq:21:33] Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġesu’ juża l-immaġini tas-siġra tat-tin biex jgħallem lid-dixxipli lezzjoni importanti dwar is-sinjali taż-żminijiet?

It-tin kien sors komuni u importanti t’ikel għal-Lhud ta’ dak iż-żmien. Din is-siġra kienet tipproduċi frott darbtejn fis-sena, fil-Ħarifa u fil-bidu tar-Rebbiegħa. L-ewwel frott kien jidher sewwa sew fl-ewwel jiem wara l-ikla tal-Għid. Il-Lhud kienu jemmnu li l-Messija meta jiġi kellu jkun bejn wieħed u ieħor f’dan iż-żmien li fih iwaqqaf is-Saltna t’Alla fi żmien il-Għid.

Is-sinjali tar-Rebbiegħa huma evidenti għal dawk kollha li jaraw. Bl-istess mod is-sinjali t’Alla u tal-miġja tiegħu ħa jkunu evidenti fil-qrib tal-ġudizzju. Is-Saltna t’Alla tagħti l-ewwel frott tagħha fil-qlub ta’ dawk li jirċievu bil-qalb il-Kelma t’Alla. Dawk li jafdaw f’Alla u fil-Kelma tiegħu jagħtu frott fis-Saltna tiegħu. U x’inhu l-frott ta’ din is-Saltna? Fl-ittra lir-Rumani kapitlu 14 vers 17 insibu li s-Saltna t’Alla hi s-sewwa u l-paċi u l-ferħ fl-Ispirtu s-Santu.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jgħidilna ħaġa li hi ċerta. Din id-dinja kif nafuha llum mhijix se tibqa’ għal dejjem, tasal ukoll fit-tmiem tagħha. Meta Ġesu’ jerġa’ fil-glorja Hu jwassal għall-milja tagħha s-Saltna t’Alla. Imbagħad bħal ma’ jgħidilna il-ktieb tar-Revelazzjonijiet jew inkella tal-Apokalissi: ‘Ikun hemm sema ġdid u art ġdida, fejn il-mewt ma ssaltanx aktar.’ Filwaqt li aħna ma nafux id-data u ż-żmien ta’ meta dan se jiġri, is-sinjali lit-tieni miġja tal-Mulej se tkun fil-qrib se jkunu evidenti għal dawk li jagħtu kas. Aħna nistgħu nserrħu rasna u noqgħodu fuq il-Kelma t’Alla għaliex Alla hu nnifsu hu ta’ min jafdah. Il-Kelma tiegħu tibqa’ għal dejjem għax hu jimxi magħna b’fedelta’ u jżomm il-wegħdiet tiegħu.

U inti tħares ‘il quddiem bit-tama u l-ferħ li Alla se jwettaq il-wegħdiet kollha li għamlilna?

Itlob …

Mulej Ġesu’, agħmel lis-Saltna tiegħek tiġi u li r-rieda tiegħek isseħħ kemm fis-sema hekk ukoll hawn fl-art. Iftaħli l-għajnejn tiegħi tal-fidi ħa nara l-glorja tiegħek sa minn din id-dinja stess.

Għażiża ommi Marija, għallimni nżomm ukoll widnejja miftuħa biex jiena nifhem u nobdi l-Kelma t’Ibnek u għinni biex jiena niftaħ il-bieb ta’ qalbi ħalli bħalek jien f’ħajti dejjem nilqa’ lil Ġesu’ bħala r-Re u s-Salvatur tiegħi sa dakinhar li jien miegħu ngawdi fis-sema s-Saltna tiegħu. Ammen.