Viżta lil Ġesu’ f’forma ta’ poeżija 1

10633299_220043288349712_5301698133976032404_oWasalt ħdejk Ġesu’ ta’ qalbi
Ksirt is-sikta li hawn ħdejk,
Xtaqt noffrilek kull ma għandi,
Ilqa’ ħajti u mħabbti lejk.
Missierna, Sliema, Glorja

Ta’ kemm drabi kont qrib tiegħek
Biss bil-ġisem u le bil-qalb,
Jisgħobbija wisq li nqastek
Int li Int tjieba bla tarf.
Missierna, Sliema, Glorja

Ta’ kemm żbalji għamilt f’ħajti
Ta’ kemm ħlejt mill-ħin prezzjuż,
Għenni npatti b’opri tajba
U nkun dejjem ġeneruż.
Missierna, Sliema, Glorja

Ġejt ningħaqad mal-Arkanġli
Ma’ Marija u l-qaddisin,
Li madwarek qima jagħtu
Glorja Lilek ta’ kull ħin.
Missierna, Sliema, Glorja

Tħallinix nitbiegħed minneK
Inti l-Għajn tal-hena, ‘l ferħ,
Ħalli b’ħajti nkun offerta
Ta’ tifħir għaliK u serħ.
Missierna, Sliema, Glorja

Skont il-fehma tal-Papa: Missierna, Sliema, Glorja

Sentenzi fuq l-Ewkaristija Mqaddsa

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Riflessjonijiet u Talb li jistgħu jintużaw waqt Adorazzjoni Ewkaristika.

H_EUCHARISTIC-ADORATION

1. Min igħix ma’ Ġesu’ Ewkaristija u għal Ġesu’ Ewkaristija, isir Tabernaklu ħaj u pissidi prezzjuż. ~ S. G. Ejmard

2. Hemm bżonn li nagħtu kura kbira taż-żmien ta’ wara t-Tqarbin, għax huwa ż-żmien l-aktar prezzjuż li fih naqilgħu teżori ta’ grazzji. ~ P. Avila

3. Il-perfezzjoni kollha qiegħda filli ningħaqdu m’Alla, u m’hemmx mezz aqwa għall-għaqda m’Alla mit-Tqarbin Imqaddes. ~ San Alfons

4. L-Ewkaristija hija dik il-mediċina li żżommna li ma naqgħux fid-dnub il-mejjet, u teħlisna mid-dnub il-venjal. ~ Konċilju ta’ Trentu

5. Iż-żjara lil Ġesu’ Sagramentat qatt la tħalliha. Wara t-talb vokali tiegħek, oqgħod tkellem ma’ Ġesu’ preżenti tassew it-Tabernaklu, u għidlu bit-tħassib u s-slaleb tiegħek ta’ matul il-ġurnata. U Hu jimliek bid-dawl u l-qawwa li tinħtieġ għall-ħajja tiegħek ta’ nisrani. ~ Jose’ Maria Escriva’

6. Il-Quddiesa hija l-Bank tal-Knisja Mqaddsa fejn minnu jitħallsu d-djun, u jinqalgħu l-grazzji mingħand Alla. ~ San Filippu Neri

7. Mingħajr il-Quddiesa l-fidi tonqos, it-tama tibred, u l-imħabba tintefa’. ~ Ruperto

8. It-Tqarbin iġib dawn l-effetti fir-ruħ; itaffi x-xewqat ħżiena, jikkwieta t-tqanqil irregolari tal-membri li jiddominaw fuq l-ispirtu u jqawwiha bil-pieta’ u bid-devozzjoni. ~ San Ċirillu ta’ Lixandra

9. Il-ferħ li jħossu l-erwieħ f’dan is-Sagrament huwa tant kbir, illi jkun biżżejjed sabiex jaljenana minn kull pjaċir ieħor ta’ din l-art. ~ San Ċiprijanu

10. Għandna nersqu għat-Tqarbin Imqaddes billi nagħmlu atti ta’ fidi ħajja, atti ta’ umilta’ profonda, u atti ta’ xewqat fervorużi. ~ Scaramelli

11. L-effett ewlieni tat-Tqarbin Imqaddes huwa li jżomm fina l-ħajja tal-grazzja. ~ San Alfons

12. Meta tersaq lejn it-Tabernaklu ftakar li Hu kienu ilu għoxrin seklu jistenna lilek. ~ Jose’ Maria Escriva’

13. Il-quddiesa hija l-ġabra tal-għeġubijiet li għamel Alla mal-bnedmin. ~ San Bonaventura

14. Il-Quddiesa tisboq u tgħaddi bil-bosta l-qawwa ta’ kull orazzjoni fil-maħfra tal-ħtija u tal-piena. ~ San Anselmu

15. Is-sagrifiċċju tal-Quddiesa huwa mimli b’tant misteri kif il-baħar mimli b’taqtir tal-ilma, is-sema bil-kwiekeb u l-Ġenna bl-anġli. ~ San Albertu Manju

16. Min jisma’ b’devozzjoni l-Quddiesa, f’dak il-jum ikun meħlus minn perikli kbar. ~ San Gregorju

17. Il-ħin tal-Quddiesa huwa l-ħin tal-Ħniena t’Alla. ~ San Ġwann Kriżostmu

18. Ġesu’ Kristu bil-passjoni tiegħu ħelisna mis-setgħa tad-dnub; iżda bl-Ewkaristija jeħlisna mis-setgħa li nidinbu. ~ Innoċenzju III

19. F’dan id-don tal-Ewkaristija Ġesu’ Kristu ried joħroġ barra l-għana kollu tal-imħabba li kellu maħżun għall-bnedmin. ~ Konċilju ta’ Trentu

20. Biex titqarben spiss jeħtieġ għallanqas li jkollok xewqa kbira li ssir qaddis u li tikber fl-imħabba lejn Ġesu’. ~ San Alfons

Ħsibijiet dwar l-Ewkaristija

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Riflessjonijiet u Talb li jistgħu jintużaw waqt Adorazzjoni Ewkaristika.

eucharist-2435932_960_720Ħsibijiet dwar l-Ewkaristika meħuda mill-Enċiklika “Ecclesia de Eucharistia” tal-Papa San Ġwanni Pawlu II

L-Aqwa Ġid: Fl-Ewkaristija Mqaddsa hemm miġbur il-ġid spiritwali kollu tal-Knisja; jiġifieri l-istess Kristu. (N.1)

Għajxien: “ Il-Knisja tgħix bi Kristu Ewkaristiku. Minnu hi mitmugħa; Minnu hi mdawla. (N.6)

Misteru: L-Ewkaristija hija – Misteru ta’ Fidi; Misteru tad-Dawl. (N.6)

Rigal: Inrodd ħajr lill-Mulej għar-rigal tal-Ewkaristija u tas-Saċerdozju Don u Misteru.

Għaqda: L-Ewkaristija tgħaqqad l-art mas-Sema. (N.8)

Sagrifiċċju: L-Ewkaristija hija s-Sagrifiċċju tas-Salib li jkompli jeżisti matul is-sekli. (N.11)

Rigal: L-Ewkaristija rigal imprezzabbli. (N.11)

Don: Il-Knisja rċeviet l-Ewkaristija minn għand Kristu l-Mulej… bħala d-Don per eċċellenza għaliex huwa r-rigal tiegħu nnifsu, tal-Persuna tiegħu. (N.11)

Ikla: L-Ewkaristija hija verament ikla li fiha Kristu joffri lilu nnifsu bħala ikel; “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-Ġisem ta’ Bin il-Bniedem u ma tixorbux Demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.” (Ġw 6,53) (N.16)

Is-Sigriet tal-Qawmien: Permezz tal-Ewkaristija, aħna nduqu biex ngħidu hekk, is-sigriet tal-qawmien. (N.18)

Iċ-Ċentru: Iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, hija ċ-ċentru tal-proċess tat-tkabbir tal-knisja. (N.21)

L-Għaqda: L-Ewkaristija ssaħħaħ l-għaqda fi Kristu (N.23)

Komunita’: L-Ewkaristija, preċiżament billi tibni l-Knisja, toħloq komunita’ fost il-bnedmin. (N.24)

Il-Ħadd: Huwa obbligu għall-fidili li jieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd, jekk mhux meta jkollhom xi impedimenti gravi.

L-Adorazzjoni: Kif nistgħu ma nħossux li nieqfu fit-tul f’konversazzjoni spiritwali, f’Adorazzjoni siekta, f’atteġjament ta’ mħabba, quddiem Kristu preżenti fis-Santissmu Sagrament?

Teżor: L-Ewkaristija hija Teżor li ma jistax jitkejjel, billi mhux biss niċċelebrawha, imma wkoll billi nieqfu nitolbu quddiemha, barra mill-Quddiesa, aħna nistgħu nersqu qrib l-Għajn ta’ kull grazzja. (N.35)

Qrar u Tqarbin: L-Ewkaristija u l-Qrar huma żewġ Sagramenti marbutin strettament flimkien. (N.37)

Ġustament il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (N.1385) jgħid: Min ikun jaf li hu ħati ta’ dnub gravi, l-ewwel għandu jirċievi s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni qabel jersaq jitqarben. (N.36)

8. Ġesu’ Jkellimni dwar l-Imħabba ta’ Alla għall-Midneb

2015-05_LT-SeeYouEucharist

Ersaq lejja Binti/Ibni għax jiena tgħidx kemm nifraħ meta nilmħek quddiemi u qalbi tfawwar bl-imħabba għalik. Jiena nagħraf l-isforz ġenwin min-naħa tiegħek li tħalli kollox u tiġi tqatta’ ftit ħin miegħi. Jiena nagħraf l-isforz tal-fidi tiegħek biex temmen li għalkemm moħbi taħt naqra ħobż jien Alla tas-sema u l-art. Ħallini nħobbok. Ħallini nimliek bl-Ispirtu Qaddis tiegħi. Intelaq f’idejja bħal tafal f’idejn il-fuħħari biex inkun nista’ nagħġnek kif irid Missieri. Illum nixtieq inkellmek fuq xi ħaġa li ilha tħabbillek moħħok. Għax jien naf dak kollu li jferrħek u dak kollu li jdejqek. Iva naf li hemm ħsieb li kultant iberren f’moħħok!

Spiss nisimgħek tgħid:
“Imma kif jippermetti l-Mulej, li bnedmin kiefra u bla qalb jagħmlu atti ħżiena ħafna u ta’ ħsara kbira għall-oħrajn? Naf li dan il-ħsieb kultant ikiddek u jirrabjak. Tant aborti u qżiżijiet oħra li nirċievi minn għand il-bnedmin li jiena fdejt b’demmi l-għażiż.

L-ewwel nett tajjeb li tiftakar li jiena tajt lill-bniedem id-don tal-liberta’. Jiena ma rridx u ma nixtieqx li l-bniedem iħobb lil Alla bilfors. Dik mhix imħabba. Dak jasar. L-imħabba vera hi libera. Wieħed għandu jħobb lill-Mulej għax jagħraf kemm Alla diġa’ ħabbu u mhux għax ikun imġiegħel. Il-liberta’ li Alla ta lill-bniedem hu rigal kbir u Alla mhux sa jeħodhulu. Tajjeb ukoll tkun taf li mħabbti għal kull bniedem m’għandhiex tifsira li inti tista’ tifhem. Hija misteru kbir. Dawk il-bnedmin li jiżbaljaw, anke dawk li jżebilħuni bil-kbir huma ħutek ukoll! Dawk ukoll ulied Alla! Jiena batejt passjoni ħarxa għalihom. Għalihom xerridt demmi kollu.

Minn Alla sirt bniedem għal kull wieħed u waħda minnhom. Bil-paċenzja kollha nistenna sakemm jerġgħu jduru lejja. Nibgħat fuqhom ukoll il-grazzji tiegħi biex jintebħu bl-iżbalji tagħhom. Jiena nkun nixtieq li huma jduru lejja b’mod liberu, għax iridu huma u mhux għax sfurzati minn xi ħadd.

Iweġġgħuni wkoll l-erwieħ li huma bierda. Erwieħ mgħammda u mrobbija fir-Reliġjon Kattolika, imbagħad jintelqu ħelu ħelu fil-materjaliżmu tad-dinja u jinsew lil Alla. Dak Alla li jipprovdilhom kulma għandhom. Għax għandhom il-ġid jinsew lil min qed jagħtihom dan il-ġid li qed igawdu! Anki lil dawn nibqa’ nistenna lejl u nhar fl-Ewkaristija u tgħidx kemm nifraħ meta xi midneb jew xi ruħ bierda naraha riesqa lejja.

Itlob għalihom int ukoll. Iva, itlob kuljum biex il-midinbin u l-erwieħ bierda jiftakru fija u jersqu lejja. Qalbi miftuħa beraħ għal kulħadd. Jiena qatt ma nixba’ jew negħja nistenna. L-imħabba tiegħi lejn il-bniedem m’għandhiex limiti. U issa jekk sarlek il-ħin aħseb biex tmur u jekk le oqgħod ftit ieħor ħdejja. Il-kumpanija tiegħek tferraħli qalbi bil-kbir. Grazzi talli taħseb spiss fija. L-ispirtu t’Alla jinżel fuqek u jbierkek.
Ammen.

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.

7. Ġesu’ Jkellimni dwar il-Fiduċja Sħiħa f’Alla

adoration_feature

Ruħ twajba,
Nitolbok tersaq qrib tiegħi biex tħoss aktar l-imħabba tiegħi għalik. Ersaq qrib bil-moħħ u bil-qalb tiegħek u tbattal minn dak kollu li qed itaqqlek. Forsi taħseb li jien ma nafx dak kollu li qed jinkwetak? Poġġi dawk il-ħsibijiet f’qalbi u ntelaq għal kollox fl-imħabba tiegħi.

Mhux għalhekk bqajt magħkom jien? Biex naqsam magħkom il-problemi li jkollkom. Biex taraw b’għajnejkom stess il-preżenza tiegħi fostkom. Huwa veru li lili ma tarawnix għax taraw biss daqsxejn ta’ Ostja ċkejkna. Iżda din in-naqra ħobż hija sinjal tal-preżenza tiegħi qalb il-bnedmin.

Fl-Ewkaristija għandkom issibu s-serħan għal ruħkom u l-faraġ u l-kuraġġ li teħtieġu fil-ħajja ta’ kuljum. Fl-Ewkaristija ssibu l-aqwa ħabib li qatt tistgħu ssibu. Dak il-ħabib li żgur mhux se jidħak bik. Ħabib li tista’ tafdah b’għajnejk magħluqa.

Illum nixtieqek iġġib quddiem għajnejk xena partikolari. Ġib quddiem għajnejk tarbija tat-twelid f’dirgħajn ommha. Ħlieqa fraġli, debboli u li tiddependi għal kollox minn ommha. Tarbija ta’ ftit jiem ma tista’ tagħmel xejn għaliha nfisha. L-omm b’imħabba u paċenzja tassew kbira tagħmel ħilitha biex it-tarbija żżommha kuntenta u b’saħħitha.

Hija xena li tmiss kull qalb meta l-omm b’imħabba kbira tisqi u tmantni lit-tarbija tagħha u tħaddanha magħha. Għaliex lit-tarbija tikber b’saħħitha mhux biss bil-ħalib li l-omm tagħtiha iżda wkoll b’dik l-imħabba qawwija li toħroġ minn dik il-qalb ġeneruża ta’ omm.

Żomm din ix-xena f’moħħok kultant meta tersaq lejn Alla. Meta titlob ftakar li Alla huwa ommok wkoll, mhux missierek biss. Bħal dik it-tarbija Alla jħobbok u jħaddnek miegħu. Dejjem jekk tħallih int. Kif jista’ Alla ma jħobbx dak li ħalaq hu stess? Jekk mastrudaxxa jħossu kburi u ferħan meta jkun għamel xi biċċa għamara fina, taħseb int li Alla mhux kburi u ferħan bik? Int li inti xbieha tiegħu.

Imbagħad meta tiġi żżurni qalbi tfur bl-imħabba għalik. ‘Il quddiem meta tiġi ħdejja tkun taf kemm napprezza l-mumenti meta inti tħalli kollox u tiġi ftit ħdejja biex tadurani u toqgħod ħdejja f’dan is-Sagrament li hu l-għaġeb tal-anġli u l-qaddisin.

La darba inti konvint li nħobbok b’imħabba bla tarf u bla limiti, la darba taf li nħobbok hekk kif int, nixtieqek li tintelaq iżjed fir-rieda imqaddsa tiegħi. Tippruvax tifhem, iżda ħobb. Aktar ma tħobb aktar tiskopri lil Alla. Alla li hu kbir wisq biex tista’ tifhem imqar farka minnu. Afda aktar f’imħabbti. Pjanijiet agħmel mill-anqas. Xi ftit tal-pjanijiet bilfors ikollok tagħmel fil-ħajja iżda dawn itlaqhom f’idejja.

Qatt la tippretendi li l-Mulej Alla għandu jaqbel mal-pjanijiet tiegħek. Għax inti stess lanqas taf x’inhu tajjeb għalik. Bil-maqlub għandhom isiru l-affarijiet. Intrabat mal-pjanijiet tiegħi għalik. Ftakar dejjem: Alla jħobb biss jista’! Ħalli r-rieda tiegħi taħdem fik. Anki meta ma tkun tista’ tifhem xejn minn dak li jkun qed jiġri madwarek.

Ja ruħ twajba, ipprova agħmel bħal dik it-tarbija. Intelaq għal kollox f’idejja. Intelaq għal kollox u f’kollox fir-rieda u fl-imħabba ta’ Alla. Dejjem u kullimkien ħalli kollox f’idejn il-Missier li jħobb lil uliedu u b’imħabba misterjuża u bla tarf. Dan ma jfissirx li int titgħażżen u tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqek. Xejn affattu! Xammar il-kmiem. Ħabrek u aħdem għalik u kemm għall-oħrajn. Ħabrek biex tikber is-saltna t’Alla. Sib ħin għat-talb. Xerred il-ferħ, il-paċi u l-fwieħa tal-ħajja Nisranija kull fejn tkun. Agħmel dan b’sempliċita’ qaddisa. Ir-riżultati ħallihom f’idejja. Jiena mbierek l-intenzjoni retta. Jiġifieri aħdem biss għall-glorja t’Alla u mhux biex jgħidulek prosit.

Anki fil-ħajja tiegħek personali jeħtieġ li tafdani aktar. Afda wkoll fl-imħabba tiegħi, lill-għeżież tiegħek u lil dawk kollha li inti tixtieq titlob għalihom. Emmen li għandi pjan ta’ mħabba għal kull wieħed u waħda minnhom.

Il-prova qiegħda fil-maltemp. Minn hemm jingħaraf il-baħri veru. Hekk ukoll fil-ħajja spiritwali. Meta l-ħalel kiefra tal-ħajja jaħbtu għal fuqek u fuq dawk għeżież għalik, intrabat u ggranfa miegħi u afda fija. Naf li mhux faċli dan. Nifhmek tajjeb tibżax. Jien naf xi jfisser li tkun ittradut u abbandunat. Jien naf xi jfisser meta ma jifhmukx u meta jwaqqgħuk għaċ-ċajt. Naf tajjeb x’inhu l-biża’ tal-mewt. Jien naf xi jfisser il-qtiegħ ta’ qalb. Naf ukoll l-uġigħ fil-ġisem għax it-torturi li tawni kienu ħorox ħafna. Dak li ġieli tħoss int, kollu għaddejt minnu jien. Kien għalhekk li fl-Ort tal-Ġetsemani tlabt lill-Missier biex iwarrab minni dak il-kalċi morr li kelli quddiemi.

Iżda kif taf int, jien irbatt ir-rieda tiegħi ma’ tal-Missier Qaddis għax il-pjanijiet tiegħu huma dejjem pjanijiet ta’ mħabba. Hawn tidħol il-Fidi. Kultant Alla jħobbna b’modi strambi f’għajnejna! Ta’ xejn tipprova tifhem għax ma jirnexxilekx. Għalhekk mela jaqbel li żżomm quddiem għajnejk din l-istampa ta’ tarbija f’dirgħajn ommha. Poġġi lilek innifsek flokha u ntelaq f’dirgħajn il-Mulej Alla tiegħek b’fiduċa għamja, jiġri x’jiġri. Irrepeti spiss billejl u bi nhar: “F’idejk, Mulej, jiena nerħi ruħi.” “Ikun li trid int, Mulej.” Ammen.

Marija Ommi, għinni int inħobb iżjed lil ibnek Ġesu’. Kull twelid fih it-tbatija. Aħna qed nitwieldu kuljum. It-tbatija qiegħda tilidna għal ħajja ġdida, kuljum!

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.

6. Ġesu’ Jkellimni dwar l-Umilta’

web3-eucharist-monstrance-adoration-crucifix-exposition-jesus-george-martell-bostoncatholic-cc-by-nd-2-0

Ruħ twajba…
Grazzi talli tiġi żżurni avolja mhux dejjem ikollok aptit tiġi ħdejja. Napprezza dan l-isforz tiegħek biex tiġi hawn quddiemi. Naf ukoll li jkollok impenji oħrajn f’ħajtek. Iżda għax tħobbni titlaq kollox u tiġi hawn biex tadurani u tirringrazzjani. Dan lili jferraħni ħafna u nxerred fuqek ħafna grazzji li inti għalissa lanqas biss tinduna bihom.

Illum xtaqt inkellmek fuq il-bini tad-djar, tal-palazzi jew tal-knejjes! Jiena naf li trid tkun perit biex tifhem is-sengħa meħtieġa biex titla’ villa jew dar. Iżda dan li sa ngħidlek tifhmu żgur!

Mhux l-ewwel darba li rajtek miexi l-Belt u tieqaf tħares lejn xi binja sabiħa tal-Kavallieri. Narak titgħaxxaq b’dik l-iskultura u dak il-lavur fuq il-faċċata ta’ xi palazz kbir u antik. L-istess fil-festi, kulħadd żgur li jħares lejn il-faċċata tal-knisja parrokkjali u jintebaħ bix-xogħol sabiħ fil-ġebla Maltija li jkollha l-knisja.

Iżda rridek tiftaħ għajnejk u taħseb ukoll fil-ġebla moħbija li jkun hemm taħt il-livell tat-triq. Irridek tapprezza li hemm taħt, hemm il-ġebel tal-pedament li fuqu jkun hemm iserraħ il-ġebel l-ieħor kollu.

Il-ġebel moħbi tal-pedament ma fihx skultura u lanqas lavur. X’aktarx li huwa ġebel goff u sempliċi. Mhux xi ġebel li tieħu gost tħares lejh. Mhux mirqum bl-għodda fina biex jidher sabiħ.

Iżda kemm hu mportanti dak il-ġebel moħbi taħt l-art. Ħadd ma jgħid kemm hu sabiħ. Ħafna lanqas biss jiftakru fih il-pedament. Iżda hemm qiegħed! U kif! Dawk il-ġebliet sempliċi qegħdin jerfgħu l-bini kollu fuqhom. Qed jagħmlu xogħolhom bil-moħbi u fis-skiet u fis-satra tad-dlam.

Hekk ukoll nixtieqek tkun int. Aħdem għas-saltna t’Alla fis-skiet u fil-moħbi. Tinsiex li s-saltna hija t’Alla u mhux tiegħek. L-opri tajba kollha li tagħmel għandek tagħmilhom biex tikber il-glorja t’Alla u mhux biex tieħu l-prosit int. Tibżax, il-prosit nagħtihulek Jien meta jasal il-waqt. Allura insa lilek innifsek u ntelaq fija għal kollox u ħallini mmiss il-qlub tal-erwieħ permezz tiegħek.

Iżda toqgħodx tistenna l-“grazzi” mingħand xi ħadd. Agħmel affarijiet żgħar b’imħabba kbira kif kienet tagħmel Santa Tereżina. La tfittixx li tagħmel ħwejjeġ kbar. Le. Ix-xogħol ta’ kuljum magħmul bl-imħabba u bil-paċenzja huwa wkoll adorazzjoni prezzjuża f’għajnejn Alla. Xi naqra volontarjat magħmul b’sens ta’ qadi u mingħajr daqq ta’ trombi jferraħli qalbi bla tarf.

Ma’ kull min tiltaqa’ fil-ġurnata qis li tħobbu, tgħinu u tagħtih mill-Ispirtu tiegħi. Anki lil min ma jaqbilx miegħek, qis li tħobbu u tfarrġu għax dak huwa wkoll ħuk. Jekk hemm bżonn trid tħobb sa ma tweġġa’ kif kienet tgħid ta’ Tereża ta’ Calcutta.

Aktar ma tiċċekken aktar inkun nista’ nużak għall-ġid tal-erwieħ. Stenna li tiltaqa’ ma’ tfixkil, tmaqdir u kuntrarji fil-qadi ta’ dmirijietek. Iżda jekk tkun umli dawn xejn ma jinkwetawk għax inti tifhem li l-opri tajba li wieħed jagħmel isiru bil-grazzja tiegħi u mhux bil-ħila tal-bniedem li jagħmilhom.

Mela itlobni spiss biex tikber f’din il-virtu’ hekk għal qalbi. Ftakar x’hemm miktub fil-Kempis: “Alla jinnamra mar-ruħ li tkun umli.” Tinsiex x’qalet Marija: “Il-Mulej jgħolli liċ-ċkejknin.” Intelaq f’idejja għal kollox u ħalli l-Ispirtu Qaddis imexxik hu.

Nitolbok Maħfra Ġesu’
Ta’ kemm-il darba nqast f’din il-virtu’ li hi tant għal qalbek. Maħfra nitolbok, Mulej, talli xi drabi waqt l-opri tajba li nagħmel nipprova niġbed l-attenzjoni għal fuqi flok ma nħalli l-attenzjoni taqa’ kollha fuqek, li inti Alla u li kollox minnek ġej. Kollox bil-ħila tiegħek għax kif għidt tajjeb int, Mulej:

“Aħna qaddejja li ma niswew għalxejn u li nagħmlu biss dak li għandna nagħmlu.”

Kemm niżbalja meta naħseb li jien xi ħaġa. Inti kollox Ġesu’ u jien xejn. M’hemmx li ndaħħalha f’rasi din! Ġesu’ għinni biex nimitak f’din il-virtu’ tal-umilta’. Ġesu’ Bin Alla l-ħaj ikollok ħniena minni għax jiena midneb. Ammen.

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.

 

5. Ġesu’ Ewkaristija Jgħallimna

diocesePhoenix-catholic-events-arizona-featureImage-08-exposition-blessed-sacrament.jpgĠesu’ Ewkaristija jgħallimna

1. Skiet profond
Fl-Ewkaristija Ġesu’ jżomm is-skiet. Ikellmek biss fis-skiet ta’ qalbek. Lanqas lil min ikażbru ma jkellem. Għandi nimitah kemm nista’ billi nevita l-paroli fil-vojt jew li jweġġa’ lill-oħrajn.

2. Umilta’ tal-għaġeb
Dak li ħalaq l-univers u li lanqas id-dinja ma tesgħu, iċċekken f’daqsxejn ta’ Ostja bajda u dan għamlu għalija. Għandi nimitah billi dejjem u f’kollox infittex l-aħħar post. Nitgħallem ngħożż l-umilta’ f’għemili kollu.

3. Ubbidjenza Kbira
Ġesu’ fl-Ewkaristija ubbidjenti għar-rieda tas-saċerdot. Saħansitra joqgħod għar-rieda ta’ dawk li jkażbruh b’atti sagrileġi. Għandi nimitah billi f’kollox naċċetta r-rieda t’Alla f’ħajti.

4. Imħabba bla tarf
Lili ilu jistennieni elfejn sena. Saċerdot wara l-ieħor, quddiesa wara l-oħra, sena wara l-oħra, u jien illum nista’ nsibu x’ħin irrid. Ġesu’ miegħi u fija llum. Lili jħobbni b’imħabba tal-ġenn. Għandi nimitah fl-imħabba tiegħi lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.

4. La Tħallinix fil-Bard – Ġesu’

adoration-live-tv-fa5077813221c7e124245e10c73bfcb63b42e86d9973b148295756b77da97fb0.jpg“La tħallinix fil-bard” – Ġesu’

Din hi l-għajta tiegħi f’dan is-Sagrament lil kull ruħ mgħammda:

Daħħalni f’ħajtek, aħseb naqra fija maqful fit-tabernakli għalik u mhux għall-anġli. Ejja żurni kultant matul il-ġimgħa u jekk ma tistax, ejja żurni b’moħħok. Naqra ħsieb. Talba żgħira biżżejjed. Imqar kemm tgħid: “Ġesu’, inħobbok, grazzi talli qiegħed hemm għalija.” La tgħix ġurnata wara l-oħra qisu jien ma neżistix.

Huwa jien li qed nagħtikom kulma għandkom. Għaliex tant u tant bnedmin lanqas biss jaħsbu fija? Għaliex m’għandhomx naqra post għalija f’ħajjithom? Għadni nħoss dak il-bard ta’ Betleħem fejn ħadd ma riedni f’daru. Kemm inkwetaw Marija u Ġużeppi minħabba fija msieken. U kellhom raġun. L-ebda dar ma laqgħetni; l-ebda familja ma kellha post għalija; lanqas l-erwieħ twajba ma ħennew għalija. Kienu l-annimali li tawni l-wens f’dak il-lejl kiesaħ qaddis. Dak il-lejl li biddel l-istorja tad-dinja. Dak il-lejl ma jintesa qatt għax jiena li jien Alla għażilt li nsir bniedem bħalkom u għadni nħoss il-bard tal-indifferenza kiefra ta’ bosta rwieħ li ma japprezzawx it-tifsira vera tal-Milied.

Intom tagħmlu festa kbira fil-Milied, iżda għalija l-ewwel Milied ma kienx festa. Imnalla kien dak il-blat li tani naqra kenn mir-reżħa tal-lejl. Imnalla kienu l-annimali li saħħnuni ftit bin-nifs tagħhom. Illum il-Milied sar festa popolari ħafna, iżda sar festa kbira ta’ kummerċ. Naqra naqra qed insib ruħi barra mill-ġdid! Iva, barra fil-ksieħ u minsi minn ħafna rwieħ.

  • Meta inti ma taħfirx, tkun qed titfagħni ‘l barra fil-ksieħ.
  • Meta inti tgħix jum wara l-ieħor mingħajr ma taħseb fija; tkun qed titfagħni ‘l barra fil-bard.
  • Meta inti ma tagħdirx u tikkundanna lill-oħrajn; titfagħni ‘l barra fil-ksieħ.
  • Meta inti ma tieħux paċenzja b’dawk ta’ madwarek; tkun qed iġġegħelni nħoss il-bard.
  • Meta toffendi ‘l Alla bi dnub gravi; ma tkunx qed tilqagħni f’darek iżda tkeċċini ‘l barra.
  • Meta tipprova tirkeb fuq l-oħrajn biex timxi ‘l quddiem int, tkun qed titfagħni ‘l barra fil-bard.

Jien ukoll nixtieq is-sħana li twennes u li tferraħ il-qalb, għax jiena, barra li jien Alla, jiena wkoll bniedem bħalek. Nixtieq is-sħana tal-qlub sempliċi li jiġu jżuruni kultant f’dan is-Sagrament tal-imħabba. Iva, nixtieq is-sħana tal-qlub ġenerużi li jaħsbu fl-oħrajn u mhux fihom infushom biss. Tinsiex li kulma tagħmel mal-oħrajn tkun qed tagħmlu miegħi. Dal-kliem żommu f’moħħok u f’qalbek. La tħallinix inħoss aktar bard. Nixtieqek tħobbni ftit aktar f’dan is-Sagrament u ħobbni wkoll fl-oħrajn. Grazzi talli ġejt ħdejja u ferraħtli qalbi. U tinsiex fil-ġranet tal-Milied żommni dejjem f’moħħok u f’qalbek. Jiena biss kapaċi nagħtik il-veru ferħ u paċi li inti tixtieq. Il-barka tiegħi tinżel fuqek u fuq il-maħbubin tiegħek.
Ammen.

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.

3. Djalogu (meditazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat)

adoration-monstranceDjalogu (Jista’ jservi ta’ meditazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat, jew għat-talb privat)

Jien: Erġajt ġejt naqra ħdejk Ġesu’.
Ġesu’: Rajtek ġej, iżda donnok li kont sejjer xi mkien ieħor.

Jien: Sewwa qed tgħid, għax ma tantx kelli aptit niġi u kont sa mmur nagħmel passejn.
Ġesu’: Naf, naf. Kollox naf. Napprezza ħafna l-isforz li tagħmel biex tiġi ħdejja.

Jien: Kultant inħossni mimli ħeġġa għalik u kultant ħames minuti ħdejk narahom qishom siegħa.
Ġesu’: Iżda żomm quddiem għajnejk li jien il-ħin kollu msakkar bħal priġunier għalik.

Jien: Iva, dal-ħsieb ġieli jiġini f’rasi u għalhekk nipprova niġi ħdejk kultant. Iżda trid tifhem li llum il-ħajja qisha kaxxa ġenn.
Ġesu’: Dażgur li nifhem. Mela inti taħseb li jien maqtugħ mill-ħajja tagħkom. Jien magħkom f’kollox, tinsiex.

Jien: Kultant iebsa għalina biex nemmnuha din, tafx.
Ġesu’: Għaliex?

Jien: U għax x’ħin tħares madwarek ħlief biki, inkwiet u tbatija ma tarax.
Ġesu’: Hemm tidħol il-fidi.

Jien: Mhux faċli temmen illum, ħa ngħidlek.
Ġesu’: Iżda trid tiftakar li l-biċċa l-kbira tat-tbatija qed iġibha l-bniedem stess fuqu nnifsu. Imbagħad hemm ħafna tbatija li l-bniedem jixħetha hu stess fuq ħutu l-oħra.

Jien: Appuntu, dak hu li jweġġa’ l-iżjed: li l-bniedem jaħqar lill-bniedem ieħor.
Ġesu’: Ir-rigal tal-liberta’ li Alla jagħti lill-bniedem hu rigal li jġib miegħu responsabbilta’ kbira. Dak li Alla jagħti ma jieħdux lura.

Jien: Iżda meta wieħed jara tant tbatija, krudelta’ u ħruxija, donnok bla ma trid tistaqsi:
“Fejn hu Alla?”
Ġesu’: Lanqas tobsor fejn hu Alla. Forsi bilkemm titwemmen din. Iżda rridek li temminha. Alla qiegħed hemm f’kull ċirkostanza tal-bniedem. Kulfejn hemm bniedem ibati, bil-ġuħ, marid, imkażbar, minsi, imweġġa’… hemm jinsab Alla wkoll fih, u miegħu jaqsam dik it-tbatija.

Jien: Dan ħsieb qawwi ħafna, Ġesu’.
Ġesu’: Kull fejn hemm bniedem ta’ rieda tajba hemm ukoll Alla. Alla jwarrab biss fejn jidħol id-dnub.

Jien: Imma Alla jista’ kollox. Huwa Omnipotenti. Ħadd m’għandu setgħa fuqu. Ħadd.
Ġesu’: Sewwa qed tgħid. Iżda tinsiex li Alla jgħammar fil-bniedem. Mela jifraħ miegħu u jbati miegħu.

Jien: Ħaġa kbira ħafna din. Jekk toqgħod taħseb fuqha din kważi…
Ġesu’: Iġġennek, naf.

Jien: Alla jgħammar fija. Alla miegħi f’kollox u kullimkien.
Ġesu’: Alla jgħammar f’kull bniedem ta’ rieda tajba. U dejjem jirrispetta d-don kbir tal-liberta’ li għandu kull bniedem.

Jien: Kultant ngħid aħjar ma kellna xejn liberta’. Bil-liberta li għandu l-bniedem għamel u qed jagħmel żbalji kbar u kbar ħafna.
Ġesu’: Tinsiex li Alla ma jridx li l-bniedem iħobbu bilfors. Din mhix imħabba. Dak jasar.

Jien: Jiġifieri Alla jrid li l-bniedem iħobb lill-Mulej b’għażla libera tiegħu?
Ġesu’: Sewwa qed tgħid.

Jien: Iżda l-bniedem jiddependi għal kollox minn Alla.
Ġesu’: Ħafna aktar milli taħseb int.

Jien: Niskanta kultant kif Alla jħobb daqstant lill-bniedem.
Ġesu’: Alla jinnamra mal-bniedem. La tinsiex il-ktieb: “L-Għanja tal-Għanjiet.” Dan ktieb tat-Testment il-Qadim li juri l-imħabba t’Alla lejn Iżrael, il-poplu magħżul tiegħu; juri l-imħabba t’Alla lejn il-Knisja, il-poplu ġdid magħżul; juri wkoll l-imħabba t’Alla lejn kull bniedem.

Jien: Kemm erwieħ ma jaħsbux fuq dan, jaħasra! Kieku nersqu aktar lejk. Għax int il-pont ewlieni li jgħaqqadna mat-Trinita’ Qaddisa.
Ġesu’: Għalhekk jiżbalja l-bniedem, għax ma jaħsibx u ma jitlobx.

Jien: Mela l-bniedem illum baqagħlu ċans jitlob?
Ġesu’: Iżda għalhekk imbagħad jiżbalja u joħroġ mit-triq it-tajba. Tinsiex: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.”

Jien: Jien ukoll ġieli nittraskura t-talb u ma jkollix aptit ngħolli ħsiebi lejn Alla.
Ġesu’: Dik ħaġa naturali. Toqgħodx tinkwieta fuq hekk. L-importanti li inti tipprova u tkompli tipprova.

Jien: Illum għandna ħafna x’nagħmlu mhux bħall-bniedem ta’ mitt sena ilu, meta l-ħajja kienet aktar kalma.
Ġesu’: Talbiet żgħar u spissi jżommuk magħqud miegħi u aktar fil-preżenza tiegħi.

Jien: Parir tajjeb dan.
Ġesu’: Ħalli mbagħad kultant issib ħinijiet naqra itwal biex ir-ruħ ikollha iżjed ċans li tagħmel kuntatt mad-Divin.

Jien: Kultant ninsew li għandna ruħ!
Ġesu’: U żgur li għandek ruħ. U dik bil-għatx il-ħin kollu. Kull ruħ għandha fiha ġibda qawwija lejn Alla.

Jien: Qisha kalamita…jiġifieri.
Ġesu’: Iva iżda din il-ġibda tista’ tmewwitha bil-mod il-mod.

Jien: Kif jista’ jiġri dan?
Ġesu’: Billi l-bniedem għandu l-liberta’ għandu s-setgħa li jinqata’ minn Alla bid-dnub, bit-traskuraġni, u bil-bruda lejn il-ħwejjeġ qaddisa.

Jien: Alla ħares jiġrili hekk!
Ġesu’: Għalkemm fil-qiegħ nett tal-qalb ta’ kull bniedem dejjem tibqa’ dik in-naqra ġibda lejn Alla avolja tkun moħbija u fgata b’ħafna ħażen jew bruda.

Jien: Jien ma nafx kif tibqa’ tħobbna u tiġri warajna avolja nagħlqulek il-bieb f’wiċċek.
Ġesu’: Tinsiex li jien ċarċart demmi kollu għalikom, għal kull wieħed u waħda minnkom. Jien li jien Alla fuq kollox u fuq kulħadd għamilt dan kollu għalik u għal kull persuna li titwieled fid-dinja.

Jien: Kemm ma napprezzawx jaħasra. Iżda, biex ngħid kollox, kultant hija iebsa biex tifhem imqar ftit, fiċ-ċirkostanzi li nsibu ruħna fihom.
Ġesu’: Spjega ruħek sew. Għid dak li għandek tgħid bla biża’ miegħi.

Jien: U għax inti għandek ħabta (kultant) li tiġbdilna t-tapit minn taħt saqajna!
Ġesu’: Naf biex ġej.

Jien: Jekk insiru nħobbu xi ħaġa u norbtu qalbna magħha donnu malajr jiġrilha xi ħaġa. Qisu qatt ma jista’ jkolli xi ħaġa f’postha jew per…..
Ġesu’: Perfetta hux? L-affarijiet perfetti fis-sema qegħdin tinsiex. Hawnhekk fid-dinja jkollkom it-taħbit. Il-mistrieħ veru u sħiħ issibuh meta taslu l-ġenna.

Jien: Tinsiex li aħna bnedmin dgħajfa u malajr naqtgħu qalbna.
Ġesu’: Ma nkunux irridek torbot qalbek mad-dinja u l-affarijiet tagħha. La tibdilx il-ħolqien mal-Ħallieq.

Jien: L-ewwel Kmandament, hux hekk?
Ġesu’: Iva. Alla ma jħalli lil ħadd joħodlu postu. Lil ħadd u lil xejn.

Jien: Iżda moħħna ma jiflaħx jaħseb fuq Alla. “Tliet persuni f’Alla wieħed.”
“Kien minn dejjem u jibqa’ għal dejjem.” U tant ħwejjeġ oħra.
Ġesu’: Ruħ twajba, la tinsiex li Alla ħalaq lill-bniedem biex iħobb lill-Mulej u mhux biex jifhem lill-Mulej. La tibżax iżda emmen.

Jien: Bħal Abraham hux?
Ġesu’: U bħal Marija.

Jien: Iva, dik emmnet b’għajnejha magħluqa.
Ġesu’: U hija l-omm ta’ dawk kollha li jemmnu.

Jien: Marija… Imnalla tajtna lilha. Jien inħobbha.
Ġesu’: Jien naf kemm tħobbha. Hi kollox tgħidli. U naf kemm taqbeż għaliha. Naf ukoll li tħajjar lill-oħrajn iħobbuha wkoll.

Jien: Qed nara li ma jaħrablek xejn, int!
Ġesu’: Qed isirlek il-ħin.

Jien: Veru. Lanqas indunajt. Ħadt gost nitkellem miegħek.
Ġesu’: Ftakar spiss fija.

Jien: Tieħux ħsieb. Ma jistax ikolli ħabib aqwa minnek, Ġesu’. Berikni.
Ġesu’: Tkun imbierek u grazzi talli qattajt ftit ħin miegħi.

Int li qrajt dawn il-kelmtejn għandek aktar x’tgħidlu lil Ġesu’? Qis li tiftaħ qalbek miegħu. Għandek xi problema? Xi salib tqil? Għidlu kollox. KOLLOX. Tkellem bil-miftuħ. Jekk tħoss li għandek tibki/tirrabja/targumenta/agħmel dan ukoll. M’hemmx isbaħ mis-sinċerita’ ma’ Ġesu’. Tibżax, għax hu sa jkellmek ukoll, b’diversi modi. Iżda kun attent għat-tweġibiet tiegħu. Jaf iwieġbek permezz ta’ ħabib/permezz taċ-ċirkostanzi li ssib ruħek fihom/permezz ta’xi vers mill-Bibbja/fil-Quddiesa/xi ħsieb bil-lejl/u b’ħafna modi oħra.

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.

2. L-Invit – Ikellimna Ġesu’

img_5567“L-Invit” – Ikellimna Ġesu’

Ħija/Oħti,
Ersaq qrib tiegħi u la tibżax minni. Ersaq qrib biex tisma’ t-taħbita ta’ qalbi mimlija mħabba għalik. M’hemmx kundanna għalik f’qalbi. Imħabba BISS.

Illum iftaħ il-Vanġelu ta’ San Luqa Kap.22 vers 61 u ssib dawn il-kelmiet:
“U dar il-Mulej u ħares lejn Pietru.”

Ħalli dan il-ftit kliem jinżel fil-fond ta’ qalbek u ftakar spiss fih. Kont marbut jien u kont diġa’ qlajt diversi daqqiet ta’ ponn u bil-ħarta. Pietru kien għadu kif ċaħadni tliet darbiet. Ħalef li ma jafnix! Ħalef! L-ewwel Papa tal-Knisja tiegħi; dan mhux ċajt! Pietru raqad/kiel/għex u tkellem miegħi kuljum għal tliet snin sħaħ. Ra l-mirakli l-kbar li jiena għamilt. Rani nqajjem lill-mejtin, imbagħad jiċħadni b’dak il-mod sfaċċat! ĦALEF li qatt ma kien jafni.

Mela x’ra f’għajnejja Pietru biex ħareġ u beka “b’qalbu maqsuma?” Għidli int x’ra Pietru f’dak il-ħin qasir meta għajnejja ltaqgħu ma’ għajnejh? Taħseb int li kieku fil-ħarsa tiegħi ra xi kundanna kien se jmur jibki? Ra BISS IMĦABBA. Imħabba u XEJN iżjed. F’għajnejja ra mħabba li tagħder u taħfer.

Jiena nifhmek tajjeb. Naf li xi drabi tkun irrabjat u ma tkunx taf fejn sa taqbad tagħti rasek. Kollox naf. Nifhmek sew jien għax dak kollu li tgħaddi minnu diġa’ għaddejt minnu jien. Taħseb li ma nafx meta ħlief dlam ma tarax? Meta jidħku bik? Meta titlef l-għeżież tiegħek! Meta għajnejk ma jibqgħalhomx aktar dmugħ xi jxerrdu! Meta tħossok qed tegħreq! Iva naf, dażgur li naf. Kulma tħoss u tbati int, jien għaddejt minnu wkoll. Minn kollox batejt jien ukoll: Ġuħ, għatx, biki, tradimenti, swat, żeblieħ, faqar, għejja, solitudni, diżappunti u tbatijiet oħra. Kollha ġarrabthom jien.

Ersaq mela qrib tiegħi. Iftaħ qalbek u għidli kulma jtaqqallek qalbek, u jinkwetak. Għidli kollox, anki d-dubji tal-fidi tiegħek. Serraħ moħħok li jien ma nitkaża b’xejn. Għidli bil-problemi u l-inkwiet li għandek biex iressaqhom quddiem il-Missier. Tkellem spiss miegħi biex nibgħatlek kuljum id-dawl tal-Ispirtu Qaddis li tant teħtieġ.

Għidli wkoll fuq il-waqgħat tiegħek, id-dgħjufija tiegħek. M’hawn l-ebda nuqqas żgħir jew kbir li jiena ma naħfrux. Tinsiex lil San Pietru! L-importanti li wieħed jiddispjaċih ta’ dak li jkun għamel. Huwa meta wieħed ma jkunx irid jindem minn ħtijietu li dnubietu jibqgħu kollha għandu. Meta inti tqerr bil-fidi u bl-indiema, il-ħtijiet tiegħek neħodhom jien u naħsilhom bid-demm tiegħi. B’hekk inti tidher sabiħ quddiem il-Missier. Meta tersaq lejja u titkellem miegħi qalbek tistrieħ. Biss huwa meħtieġ li inti ma jkollokx ideat żbaljati dwar min hu Alla. Ngħidu aħna Alla mhuwiex swiċċ li tixgħel u mill-ewwel ikollok id-dawl. Alla mhuwiex magician ili jagħmel it-triks f’ħakka t’għajn. Alla huwa Missier u l-aktar ħaġa importanti għalih hija li inti ssalva ruħek. Dan hu l-qofol ta’ ħajtek. Dan hu l-iskop aħħari tiegħek tinsiex.

Int tbati tant biex takkwista xi oġġett li tkun tixtieq; ma taħsibx li jagħmel sens li wieħed ibati biex jikseb eternita’ u tgawdija? Ara kemm ibatu koppja biex ikollhom id-dar tagħhom. Kemm sagrifiċċji jagħmlu għal snin twal biex xi darba jkollhom is-sodisfazzjon li jkunu jistgħu jgħidu li d-dar hija tagħhom.

Imma la tinsiex, “X’jiswielu l-bniedem li jikseb il-ġid tad-dinja kollha jekk imbagħad jitlef ruħu?” Għalhekk importanti li tiftakar li Alla huwa Missier li jħobbok u li jixtieq l-aqwa ġid tiegħek anki jekk xi drabi ma tifhmux u ħlief dlam ma tarax. Tajjeb mela li tiftaħ qalbek miegħi biex nagħtik mill-ġdid l-Ispirtu Qaddis. Dan jagħtik il-kuraġġ biex tkompli fil-mixja tiegħek lejn il-ġenna pajjiżek. Intelaq f’idejja għalkollox u b’fiduċja sħiħa. Ħalli l-imħabba tiegħi tidħol f’qalbek, f’moħħok, f’ruħek u f’ħajtek. Sabiex Missieri u Missierek ikun igglorifikat.
Ammen.

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.