Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 9: 14-17
L-Evanġelju skont San Mattew 9: 14-17
[Mt:9:14] Mbagħad resqu lejh id-dixxipli ta’ Ġwanni u qalulu: “Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”
[Mt:9:15] Qalilhom Ġesù: “Huwa l-mistednin ta’ l-għarus se jsewwdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu.
[Mt:9:16] Ħadd ma jraqqa’ libsa qadima b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa ssellet il-libsa, u t-tiċrita tikber.
[Mt:9:17] Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella d-damiġġani jinfaqgħu, l-inbid jixtered, u d-damiġġani jintilfu. Iżda nbid ġdid jitfgħuh f’damiġġani ġodda, u hekk iżommu t-tnejn.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’jiġi l-ewwel is-sawm jew il-festaġġamenti?
Ġesu’ ta’ spejgazzjoni sempliċi lid-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista. Hemm żmien li ssum u żmien li tiffestaġġa u tiċċelebra. Li tkun dixxiplu u timxi ma’ Ġesu’ tfisser li tesperjenza l-ferħ ġdid tar-rabta tiegħek ma’ Kristu. Imqabbla mal-ferħ tat-tieġ fejn wieħed jieħu sehem u jaqsam fil-barka u l-ferħ tal-koppja li għadhom kemm ingħaqdu fi mħabbtihom.
Imma jiġi żmien ukoll meta d-dixxipli tal-Mulej ikollhom iġorru s-salib tat-tiġrib u l-purifikazzjoni. Għad-dixxiplu hemm iż-żmien fejn jifraħ fil-preżenza tal-Mulej u jiċċelebra t-tjieba tiegħu u hemm iż-żmien ukoll meta jfittex lill-Mulej b’umilta’, bis-sawm u b’sobgħa għal dnubietu.
Int tifraħ bil-preżenza tal-Mulej li hu dejjem miegħek? U tesprimi sobgħa u ndiema għal dnubietek?
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ jkompli jwissi lid-dixxipli dwar il-problema ta’ moħħ magħluq li jirrifjuta milli jitgħallem affarijiet ġodda. X’ried jimplika Ġesu’ bit-taqbila tal-ilbiesi u l-inbejjed ġodda li ma titrattahomx bħalma titratta dawk qodma? Hu jrid li l-moħħ u l-qalb tagħna ikunu bħal damiġġani ġodda tal-inbid miftuħa u lesti li jilqgħu l-inbid ġdid tal-Ispirtu s-Santu.
Int ħerqan biex tikber fl-għarfien u l-fehma tal-Kelma t’Alla u tal-pjan li huwa għandu għal ħajtek?
Itlob …
Mulej, imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek ħalli nikber fl-għarfien tal-imħabba u l-verita’ tiegħek. Għinni nfittex bil-ħerqa lilek fit-talb u fis-sawm ħalli jien inżomm ‘il bogħod mid-dnub u nara li ħajti tkun taqbel aktar bis-sħiħ mar-rieda mqaddsa tiegħek. Agħmel li dejjem insib il-ferħ f’li nagħrfek, f’li nħobbok u f’li nservik. Ammen.