115. Riflessjoni fuq Mattew 11: 20-24

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 11: 20-24

cidades

L-Evanġelju skont San Mattew 11: 20-24

[Mt:11:20] Ġesù mbagħad qabad iċanfar bis-sħiħ l-ibliet li ma wrewx indiema minkejja l-ħafna mirakli li kien għamel fihom:

[Mt:11:21] “Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li wrew indiema bl-ilbies ta’ l-ixkejjer u l-irmied.

[Mt:11:22] Iżda ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom.

[Mt:11:23] U int, Kafarnahum, taħseb li se titgħolla sas-sema? Sal-qiegħnett għad tinxteħet! Għax kieku l-mirakli li saru fik saru f’Sodoma, kieku għadha wieqfa sa llum.

[Mt:11:24] Imma ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għall-art ta’ Sodoma milli għalik.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Li kieku Ġesu’ kellu jżur lil pajjiżek u lill-komunita’ tal-parroċċa tiegħek x’kien jgħid?

Kien iċanfar u jwiddeb bis-sħiħ bl-istess mod li għamel man-nies ta’ Korożajn u Betsajda? U inti kif kont twieġeb?

Kull fejn Ġesu’ mar hu wera b’dak kollu li għamel kemm Alla jimpurtah mill-bniedem. Korożajn u Betsajda tbierku għax żarhom Ġesu’ Alla nnifsu. Huma semgħu bl-Aħbar it-tajba u esperjenzaw il-ħidma meraviljuża li Ġesu’ għamel għalihom.

Għaliex Ġesu’ kien qalbu sewda u rrabjat ma’ dawn in-nies?

In-nies li semgħu l-Vanġelu ħafna minnhom baqgħu indifferenti. Ġesu’ ċanfarhom għax ma bidlux ħajjtihom. Il-konverżjoni li xtaq minnhom Ġesu’ kienet tfisser bidla tal-qalb u tal-mod kif wieħed jgħix.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Kelma t’Alla tagħti l-ħajja u ssalvana mit-telfien, mit-telfien ta’ ruħna kif ukoll ta’ ġisimna. Ir-rabja ta’ Ġesu’ hi lejn id-dnub u kull ma jfixkilna milli nagħmlu r-rieda t’Alla. Bi mħabba ssejħilna nimxu fit-triq tal-verita’ u tal-liberta’, tal-grazzja u tal-ħniena, tal-ġustizzja u tal-qdusija.

Inti tilqa’ l-Kelma tiegħu bil-fidi, bla dubji u bla indifferenza? Tħalliha tibdillek qalbek u l-attitudni tal-ħajja tiegħek?

Itlob …

O Alla l-aktar għoli, dawwal id-dlam tal-qlub tagħna u agħtina fidi vera, tama ċerta u mħabba perfetta. Agħtina dak li hu qaddis, l-għerf tiegħek u l-għarfien tiegħek innifsek ħalli nkunu nistgħu nwettqu b’mod komplet ir-rieda mqaddsa tiegħek b’Ibnek Ġesu’ Sidna. Ammen.