120. Riflessjoni fuq Mattew 12: 38-42

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 12: 38-42

V.S-LUNES-30

L-Evanġelju skont San Mattew 12: 38-42

[Mt:12:38] Mbagħad xi wħud mill-kittieba u l-Fariżej qabdu u qalulu: “Mgħallem, xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek?”

[Mt:12:39] Iżda hu weġibhom: “Sinjal iridu nisel ħażin u infidil! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief dak tal-profeta Ġona.

[Mt:12:40] Għax kif Ġona għamel tlitt ijiem u tlitt iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk ukoll Bin il-bniedem għad jagħmel tlitt ijiem u tlitt iljieli fil-qalba ta’ l-art.

[Mt:12:41] F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu kontra dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw hawn minn hu aqwa minn Ġona hawnhekk!

[Mt:12:42] F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum u teħodha kontra dan in-nisel u tikkundannah, għax hi ġiet mit-truf ta’ l-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw hawn min hu aqwa minn Salamun hawnhekk!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kieku x’kien jgħid Ġesu’ għall-ġenerazzjoni tagħna?

Ġesu’ ta ċanfira pjuttost qawwija lill-ġenerazzjoni tiegħu, meta huma riedu sinjal minn għandu. Kienet karateristika għal-Lhud li jitolbu sinjal mill-messaġġiera t’Alla biex jaraw kemm hu awtentiku dak li jkunu qegħdin jistqarru. Meta wħud mill-kittieba u l-Fariżej issikkaw lil Ġesu’ biex jagħti prova ta’ dan li kien qiegħed jistqarr, hu jgħidilhom diversi drabi u b’ħafna modi li Hu huwa s-sinjal t’Alla u li ma għandhomx bżonn ta’ aktar evidenza minn Alla aktar mill-persuna tiegħu stess. Meta Ġona kellem lin-nies ta’ Ninwè huma għarfu t-twissija t’Alla u nidmu u s-Sultana ta’ nofsinhar, iġifieri ta’ Xeba għarfet l-għerf t’Alla f’Salamun għalhekk ivvjaġġat fit-tul sa ma waslet għandu.

Ġona kien is-sinjal u l-messaġġ tiegħu kien il-messaġġ t’Alla għall-poplu tiegħu ta’ Ninwè. Sfortunament il-kapijiet reliġjużi ta’ żmien Ġesu’ ma kienux kuntenti li jaċċettaw is-sinjali quddiemhom stess. Huma m’aċċettawx il-messaġġ ta’ Ġwann l-Battista u issa huma ma jaċċettawx lil Ġesu’ bħala l-Ikkonsagrat t’Alla, iġifieri l-Messija u għalhekk ma jagħtux kas tal-messaġġ tiegħu. Ġesu’ kkonferma l-messaġġ tiegħu b’ħafna mirakli bi preparazzjoni għall-akbar sinjali fost kollha – il-qawmien mill-mewt tiegħu fit-tielet jum.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Mulej Ġesu’ permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu fis-Sagrament tal-Qrar joffrilna l-ħelsien mid-dnub u permezz tal-istess Spirtu tiegħu jagħtina l-għerf għal ħajjitna, jekk aħna nagħtuh widen.

Int tafda fil-għerf t’Alla?

Jirċievi dan il-għerf safi t’Alla min verament ifittex dak li huwa tajjeb u li jmur skont l-ordni tal-pjan għaref t’Alla. Itlob lil Alla biex iġedded lil moħħok u biex iżidlek l-għatx għall-għerf safi tiegħu.

Itlob …

Mulej, agħtini l-għerf tiegħek u żid l-imħabba tiegħi għal triqatek. Għinni nireżisti t-tentazzjoni u b’rieda soda biex jien inkun nixtieq biss b’qalbi kollha dak li jogħġob lilek. Ammen.