107. Riflessjoni fuq Mattew 9: 18-26

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 9: 18-26

ArtBook__041_041__JesusRaisingJairussDaughter____

L-Evanġelju skont San Mattew 9: 18-26

[Mt:9:18] Kif kien għadu jgħidilhom dan, resaq lejh wieħed mill-kapijiet, nxteħet f’riġlejh u qallu: “Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix.”

[Mt:9:19] Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu.

[Mt:9:20] Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa,

[Mt:9:21] għax bejnha u bejn ruħha qalet: “Mqar jekk immiss il-libsa tiegħu, nfiq.”

[Mt:9:22] Ġesù dar, lemaħha, u qalilha: “Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejjqitek.” U minn dak il-ħin stess il-mara fieqet.

[Mt:9:23] Meta daħal għand il-kap, Ġesù ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ;

[Mt:9:24] u qalilhom: “Warrbu, għax it-tifla m’hijiex mejta, imma rieqda.” U qabdu jiddieħku bih.

[Mt:9:25] Iżda hu keċċa n-nies ‘il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet.

[Mt:9:26] U din l-aħbar xterdet ma’ dak il-pajjiż kollu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int tersaq lejn il-Mulej bil-fidi li jistenna minnek?

Nies li kienu għaddejjin minn ċirkustanzi ta’ qtigħ il-qalb u iebsa ma ħarġux iddiżappuntati meta fittxew l-għajnuna ta’ Ġesu’. X’resaqhom lejn Ġesu’? Għax fittxew xi miraklu jew għal xi kelma ta’ faraġ fit-tiġrib li kienu għaddejjin minnu?

Xi stenniet li Ġesu’ jagħmel għaliha l-mara li kienet sofriet ħafna għal tnax-il sena sħaħ?

U xi stenna li Ġesu’ jagħmel għalih il-missier b’qalb maqsuma li kellu bintu qiegħda tmut?

Ġesu’ ttamahom meta kien jidher li ma kien baqa’ ebda tama għax it-tama tiegħu kienet biss f’Alla. Hu lissen kliem ta’ tama lill-mara: “Qawwi qalbek, binti”, biex fiha jinbet in-nar tal-fidi, “Il-fidi tiegħek fejqitek.” Ġesu’ wkoll ta tama divina lill-missier li kien għadu kif tilef bint għażiża. Il-kap tas-sinagoga wera kuraġġ u rriskja biex irrikorra għand Ġesu’ bil-miftuħ u biex stieden iċ-ċanfir ta’ sħabu u niesu. Anke l-bikkejja li kera daħku bih. Minkejja dan, Ġesu’ qabad it-tfajla minn idha u ħelisha minn ħalq il-mewt.

Ħsieb għal Qalbek …

Fiż-żewġ ċirkustanzi naraw kemm Ġesu’ kien jagħti kas personali tal-bżonnijiet tal-oħrajn u kemm kien dejjem lest biex ifejjaq u jerġa’ jagħti l-ħajja. F’Ġesu’ naraw l-imħabba infinita’ t’Alla timmanifesta ruħha lejn kull individwu filwaqt li Hu jagħti minnu nnifsu b’mod komplet u b’liberta’ lil kull persuna li jiltaqa’ magħha.

Int tersaq lejn il-Mulej b’tama u b’kunfidenza li Hu sejjer jisma’ t-talba tiegħek u jaġixxi?

Itlob …

Mulej, Int tħobbna b’mod individwali b’imħabba unika u personali, miss lil ħajti bil-qawwa tiegħek li ssalvani, tfejjaqni u terġa’ tagħtini l-milja tal-ħajja. Agħtini l-għajnuna biex ningħata kollni kemm jien f’servizz għall-oħrajn. Ammen.