247. Riflessjoni fuq Luqa 2: 36-40

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 2: 36-40

2249961

L-Evanġelju skont San Luqa 2: 36-40

[Lq:2:36] Waqt il-preżentazzjoni ta Ġesu fit-tempju, kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewwġa,

[Lq:2:37] u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb.

[Lq:2:38] Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

[Lq:2:39] Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret.

[Lq:2:40] U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti fiex tittama?

It-tama li Alla jpoġġilna fil-qalb tagħna hija x-xewqa għas-Saltna tas-sema u għall-ħajja eterna bħala l-akbar ferħ tagħna. It-tama tikber bit-talb u biż-żmien. Il-profetessa Anna kienet per eċċellenza mara ta’ tama kbira u li kienet tistenna mingħand Alla li hu jwettaq il-wegħdiet li għamel. Mimlija bl-Ispirtu s-Santu hi kienet kuljum tkun fit-tempju tal-Mulej tisma’ lil Alla fit-talb u xxandar profetikament lill-oħrajn dwar il-wegħda li Alla kellu jwettaq li jibgħat Salvatur. Hija mudell għalina lkoll li nemmnu. Aħna wkoll bħala għandna nibqgħu nittamaw li Alla se jsalvana anke jekk iħallina nistennew qabel ma jwieġeb għat-talb ħerqan tagħna.

Ħsieb għal Qalbek …

Jista’ jagħti l-kas li aktar ma nikbru u aktar ma naffaċċaw diżappunti fil-ħajja, aktar il-fidi tagħna tiddgħajjef u nistgħu naslu wkoll li nibdew nitilfu t-tama. It-tama li kellha Anna f’Alla u fil-wegħdiet tiegħu kibret maż-żmien. Hi qatt ma waqfet tagħti qima lil Alla bil-fidi u titlob bit-tama. It-tama u l-fidi tagħha kienu fil-wegħdiet t’Alla u dak li ħeġġiġha kien iż-żelu u l-fervur tagħha permezz tat-talb u tas-servizz tagħha lejn il-poplu t’Alla.

Kif nikbru fit-tama?

Billi npoġġu l-fiduċja tagħna fil-wegħdiet kollha li għamlilna Ġesu’ u billi nużaw l-istess qawwa tiegħu, il-grazzja tiegħu u l-għajnuna li jagħtina permezz tal-Ispirtu s-Santu.

U t-tama u l-fervur tiegħek f’Alla qegħdin jikbru aktar ma inti tikber fiż-żmien?

Itlob …

Mulej, agħmel li t-tama tiegħi qatt ma tispiċċa u li l-fiduċja tiegħi fil-wegħdiet tiegħek titqawwa dejjem iżjed. Ħeġġeġ lil qalbi biż-żelu għas-Saltna tiegħek u kabbar fija mħabba lejn it-talb.

Għażiża Marija, int li kont ukoll mheddija fit-talb u fis-servizz tiegħek lejn Alla u lejn ħutek il-bnedmin, għallimni biex jien ukoll qatt ma nieqaf infaħħar u nirringrazzja ‘l Alla u nistenna bil-qalb u bil-ħerqa li jseħħu l-wegħdiet tiegħu. Ammen.