Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 17: 11-19
L-Evanġelju skont San Luqa 17: 11-19
[Lq:17:11] F’dak iż-żmien, ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija.
[Lq:17:12] Kif kien dieħel f’raħal, ltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ‘l bogħod minnu,
[Lq:17:13] għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!”
[Lq:17:14] Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin.” U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.
[Lq:17:15] Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla,
[Lq:17:16] nxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan.
[Lq:17:17] U Ġesù qabad u qal: “M’hux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra?
[Lq:17:18] Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”
[Lq:17:19] Mbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’inhu s-sinifikat ta’ dawn l-għaxar lebbrużi jitolbu l-ħniena?
Huma kienu jafu li għandhom bżonn il-fejqan mhux biss fiżiku imma spiritwali wkoll. Għalhekk resqu lejn Ġesu’ bl-indiema u bil-fidi għaliex emmnu li hu seta’ jeħlishom mit-toqol tal-ħtija u mis-sofferenza u jerġa’ jagħtihom lura s-saħħa fil-ġisem u fir-ruħ.
Ix-xewqa tagħhom kienet biex Ġesu’ jħenn għalihom, kemm biex jaħfrilhom dnubiethom u kif ukoll biex jeħlishom mit-tbatija li kienu fiha. Ġesu’ jagħti l-ħniena lil kulħadd b’mod speċjali lil dawk illi jitolbuh bil-fidi u b’indiema sinċiera.
Ħsieb għal Qalbek …
Għaliex wieħed biss minn dawk li kienu lebbrużi, is-Samaritan reġa’ lura biex juri l-gratitudni tiegħu lejn Ġesu’?
L-ingratitudni tfisser li inti tinsa min għamillek l-ġid u li ma tiritornax għall-ġentilezza li tkun saritlek. L-ingratitudni faċli twassalna għan-nuqqas ta’ karita’ u biex ma nittollerawx lil xulxin. Twassalna wkoll għal dnubiet oħra, li qatt ma nkunu kuntenti, li dejjem irridu, li dejjem irridu ngergru, nikkritikaw, nissupervjaw, u anke li rridu li ħaddieħor jifhem u dejjem jaqbel mal-punt tagħna.
Kemm drabi l-ingratitudni tagħna tkun propju lejn il-ġenituri tagħna, is-saċerdoti, l-għalliema u l-proxxmu tagħna.
U inti tesprimi l-gratitudni tiegħek lejn Alla għall-ħniena li dejjem juri miegħek?
U int turi ħniena mal-proxxmu tiegħek?
Itlob …
Mulej, agħmel li jien qatt ma nasal biex ma nagħrafx u ma napprezzax l-imħabba u l-ħniena tiegħek. Imla lil qalbi bil-gratitudni u t-tifħir lejk u eħlisni mis-suppervja li tista’ taħkimni.
Għażiża Marija, qaddejja umli u grata t’Alla, nitolbok biex tgħinni ħalli jien ngħodd il-barkiet li għandi ħalli qatt ma nasal li ma napprezzax u ma nirringrazzjax lil Alla f’kull ċirkustanza tal-ħajja tiegħi. Ammen.