3. Talb għall-Bżonnijiet tal-Papa u l-Isqfijiet

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Talb għas-Saċerdoti.

Saint Peter -- King SolomonTalba għall-Papa

Mulej, għajn tal-ħajja eterna u tal-verita’, agħti lir-Ragħaj tiegħek, il-Papa, spirtu ta’ kuraġġ u ġudizzju ġust, spirtu ta’ għerf u mħabba.

Billi jmexxi b’fedelta’ lil dawk li ġew afdati f’idejh, agħmel li, bħala suċċessur tal-appostlu Pietru u vigarju ta’ Kristu, jibni l-Knisja f’sagrament ta’ għaqda, imħabba u paċi għad-dinja kollha. Nitolbuk dan b’Sidna Ġesu Kristu, Ibnek, li jgħix u jsaltan miegħek u mal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Mulej, ipproteġi int, lill-Missier Qaddis tagħna, il-Papa: Kun id-dawl, il-qawwa u l-konsolazzjoni tiegħu.  (Vatikan II Missal ta’ Matul il-Ġimgħa)

Ġesu’ Kristu, Saċerdot Etern, Int xerridt demmek għas-salvazzjoni tal-poplu tiegħek. Agħtina, nitolbuk, li l-Missier Qaddis tagħna jibbenifika mill-frott tas-salvazzjoni ta’ Kristu offrut fuq l-altari madwar id-dinja, sabiex hu jkollu l-qawwa jegħleb il-perikli li bihom hu mdawwar fiż-żminijiet diffiċli tal-lum. Ammen.

Talba għall-Isqfijiet

Mulej fuq is-salib!
Il-poplu t’Alla jersaq u jinżel għarkubbtejh quddiemek!
Inti ħadt l’Omm qaddisa tagħna l-Knisja miegħek fi triqtek lejn is-Salib.
Int poġġejtha taħt is-Salib Tiegħek,
demmek ċarċar fuqha u fuqna!

Ara, aħna rridu niġbru d-demm mill-pjagi sagri ta’ riġlejk u nitolbuk bil-ħerqa f’ġieħ l-imħabba tiegħek, assisti lil Omm qaddisa tagħna l-Knisja u ggwida l-isqfijiet tagħna billi turihom minn fuq is-salib, O Mulej, l-aħjar triq.

Aħna niġbru d-demm mill-pjagi sagri ta’ jdejk u nitolbuk bil-ħerqa f’ġieħ l-imħabba Tiegħek, żomm idejk fuq Ommna l-Knisja u bierek lill-Missier Qaddis tagħna l-Papa u l-Isqfijiet, sabiex kliemhom u d-deċiżjonijiet kollha tagħhom iwasslu l-barkiet tiegħek!

Aħna niġbru d-demm li ċarċar mill-kuruna tax-xewk tiegħek u nitolbuk bil-ħerqa f’ġieħ l-imħabba tiegħek, agħti lil Ommna l-Knisja il-kuraġġ biex tistqarr il-fidi, biex id-depożitu qaddis tal-fidi jiġi ppriservat.

Saħħaħ lill-Missier Qaddis tagħna l-Papa, ħalli jkun jista’ jiddefendi l-integrita’ tal-fidi qaddisa tagħna u tat-tagħlim ta’ Kristu mingħajr kompromessi!

Int ħallejt li qalbek tkun miftuħa għall-Knisja tiegħek, għas-saċerdoti tiegħek, sabiex huma jkunu jistgħu jagħtuna lilek ta’ kuljum bħala sostenn u wens. Aktar ma’ jkollna tiġrib spiritwali, aktar ninġabru madwar l-altar u madwar is-salib  tiegħek.

Aħna niġbru d-demm ta’ qalbek u nitolbuk bil-ħerqa f’ġieħ l-imħabba tiegħek, ikollok ħniena minna u agħti lil ommna l-Knisja dik il-paċi qaddisa u interjuri għal darb’oħra li d-dinja ma tistax tagħti.

Ibgħat l-anġli tiegħek bħala gwardjani  u gwerriera u kkmandahom biex jipproteġu lill-Missier Qaddis tagħna l-Papa u l-Isqfijiet magħqudin miegħu ħalli aħna lkoll nimxu lejn żmien ta’ paċi għal darb’oħra.

Agħmel li l-Knisja tiegħek, ippurifikata u mġedda, terġa’ tqum minn qalbek u toħroġ il-barra minn dawn iż-żminijiet ta’ konfużjoni spiritwali.

Bierek, O Mulej, lill-Missier Qaddis tagħna l-Papa u lill-Isqfijiet magħquda miegħu li aħna nippreżentaw quddiemek fit-talb ħerqan tagħna! Ammen.