62. Riflessjoni fuq Luqa 5: 12-16

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 5: 12-16

Jesus-Cleansing-the-LeperL-Evanġelju skont San Luqa 5, 12-16

[Lq:5:12] Darba Ġesu kien qiegħed f’belt. U jkun hemm raġel marid sewwa bil-lebbra; kif ra lil Ġesù, mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni.”

[Lq:5:13] Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Iva, irrid; kun imfejjaq,” u minnufih il-lebbra marritlu.

[Lq:5:14] Ġesù widdbu u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd. Iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek, kif ordna Mosè, biex hekk tagħtihom xhieda li inti fiqt.”

[Lq:5:15] Il-fama tiegħu bdiet aktar tixtered, u folol kbar ta’ nies kienu jmorru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom.

[Lq:5:16] Iżda hu kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġesu’ għamel xi ħaġa li fi żmienu ma kienet tgħaddi minn moħħ ħadd li jagħmel; mess lebbruż. Il-lebbrużi kienu l-emerġinati tas-soċjeta’. Il-kundizzjoni fiżika tagħhom kienet dejjem tiggrava hekk kif kienu jibdew jitilfu partijiet minn ġisimhom. Ma kienux biss l-imwarrba, imma kkunsidrati bħala diġa’ mejta anki mill-familjari tagħhom stess. Il-liġi Lhudija kienet tipprojbixxi li wieħed imiss jew jersaq lejn lebbruż biex ma jisfax ritwalment imniġġes.

Il-lebbruż tal-Vanġelu tal-lum għamel xi ħaġa ta’ min jinnota. Hu resaq lejn Ġesu’ b’kunfidenza u umilta’ u emmen li Ġesu’ seta’ u kien se jfejjqu. Normalment lebbruż kien jiġi mħaġġar jew almenu mkeċċi jekk jipprova jersaq qrib Rabbi jiġifieri Mgħallem bħalma kien Ġesu’. Ġesu’ mhux biss qatagħlu xewqtu, imma jurih l-imħabba personali, il-ħniena u l-ġentilezza t’Alla bil-mod kif imissu. Skont l-għarfien mediku ta’ dak iż-żmien li tmiss lebbruż kien ifisser li kont se tkun f’riskju gravi li tieħu l-istess marda tiegħu.

Mela Ġesu’ mhux biss fejjaq lil-lebbruż fiżikament imma wkoll emozzjonalment u spiritwalment għax fl-imħabba li wrieh meta ma ddejjaqx imissu, wassallu il-messaġġ qawwi tal-imħabba t’Alla għalih b’mod aktar qawwi milli seta’ jwassallu bil-kliem.

Ħsieb għal Qalbek …

L-Ispirtu s-Santu jħeġġeġ lil qalbna bl-imħabba ta’ Kristu biex aħna wkoll inkunu nistgħu nilħqu u nservu lill-oħrajn mimlijin ħniena u nieħdu ħsiebhom b’kompassjoni b’mod speċjali dawk li ġew imwarrba u mmaltrattati.

Int tħallih lill-Ispirtu s-Santu jimlielek qalbek bl-imħabba u l-kumpassjoni ta’ Kristu għall-oħrajn?

Itlob …

Ħa tkun il-qawwa ta’ mħabbtek Mulej Ġesu’ tħeġġeġ bl-imħabba u l-ħlewwa li tant tippenetra fil-qlub tagħna li tbegħedhom minn dak kollu li hu taħt is-sema, tgħaqqadhom dejjem iżjed miegħek u tiftaħhom għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Ammen.