52. Riflessjoni fuq Mark 12: 28-34

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 12: 28-34

My-Post-4-1500x1500L-Evanġelju skont San Mark 12: 28-34

[Mk:12:28] Fdak iż-żmien, wieħed mill-kittieba, resaq fuq Ġesu u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”

[Mk:12:29] Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu,

[Mk:12:30] u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.

[Mk:12:31] U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.”

[Mk:12:32] Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu.

[Mk:12:33] Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.”

[Mk:12:34] Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ‘il bogħod mis-Saltna ta’ Alla.” U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-iskop tal-liġi u l-Kmandamenti t’Alla?

Il-Fariżej kienu jiftaħru dwar l-għarfien li kellhom dwar il-liġi u r-ritwali tagħhom. Ħajjithom kollha kienu jiddedikawha għall-istudju tas-616 il-preċett tat-Testment il-Qadim flimkien ma’ numru kbir ta’ kummentarji minn diversi għalliema. Huma għaddew lil Ġesu’ mill-prova biex jaraw jekk hu kienx tassew jifhem fil-liġi kif jifhmuha huma. Ġesu’ jissorprendihom bis-sempliċita’ profonda fir-risposta tiegħu li tixhed kemm kien midħla tal-liġi t’Alla u tal-iskop tagħha.

X’inhu l-iskop tal-liġi u l-Kmandamenti t’Alla?

Ħsieb għal Qalbek …

Alla xi jrid minna? Sempliċiment li nħobbu bħal ma’ jħobb hu. Alla huwa mħabba u kull ma jagħmel ħiereġ mill-imħabba tiegħu għalina. Alla ħabbna l-ewwel u l-imħabba tagħna lejh hi r-risposta għall-grazzi u l-ġenerożita’ tiegħu lejna li huma bla qies.

Li nħobbu lil Alla jiġi l-ewwel u li nħobbu lill-proxxmu għandu l-għeruq tiegħu fl-istess imħabba li aħna nagħtu lil Alla. Aktar ma nsiru nafu dwar l-imħabba u l-verita’ t’Alla, aktar insiru nħobbu dak li jħobb hu u nwarrbu dak li hu ta’ min jobgħodu u kuntrarju għar-rieda tiegħu.

Xi jkabbar fina l-imħabba lejn Alla u lejn il-Kmandamenti tiegħu? Il-fidi fil-wegħdiet tiegħu. Din tqawwina fl-imħabba tagħna lejn Alla. Hija essenzjali għal relazzjoni tajba m’Alla u biex inkunu magħquda miegħu.

Inti tħalli xi ħaġa li żżommok ‘il bogħod mill-imħabba t’Alla u mill-ferħ li sservi lill-oħrajn b’qalb ġeneruża?

Itlob …

Mulej, l-imħabba tiegħek tisboq kull imħabba oħra. Imla lil qalbi bi mħabbtek u kabbar fija l-fidi u t-tama fil-wegħdiet tiegħek. Għinni nagħti lili nnifsi f’servizz ġeneruż għall-oħrajn bħal ma’ Int ingħatajt b’ġenerożita’ bla limiti għalija.

Marija, għinni nkun nixbaħ lilek fil-fidi u l-imħabba li kellek lejn Alla u lejn kulħadd. Ammen.