202. Riflessjoni fuq Luqa 15: 1-10

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 14: 1-10

L-Evanġelju skont San Luqa 15: 1-10

[Lq:15:1] F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħu lil Ġesu.

[Lq:15:2] U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”

[Lq:15:3] U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:

[Lq:15:4] “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?

[Lq:15:5] U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh,

[Lq:15:6] imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.’

[Lq:15:7] Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.

[Lq:15:8] “Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha!

[Lq:15:9] U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.’

[Lq:15:10] Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Xi jrid jgħidilna Ġesu’ bl-istorja tan-nagħġa l-mitlufa dwar is-Saltna t’Alla?

Ir-rgħajja normalment kienu jgħoddu n-nagħaġ tagħhom fl-aħħar tal-ġurnata biex ikunu ċerti li jsibuhom kollha. Minħabba lin-nagħaġ min-natura tagħhom soċjali; nagħġa mitlufa setgħet isib ruħha mitlufa u mfixkla għall-aħħar meta tinduna li sfat waħedha. In-niket u l-inkwiet tar-ragħaj kien jitbiddel f’ferħ meta kien isib in-nagħġa l-mitlufa u jqiegħedha lura mal-kumplament tal-merħla. Il-ħaġa l-ġdida li Ġesu’ ried jgħallimna b’din l-istorja hi l-insistenza li l-midinbin għandhom jiġu mfittxija bit-tama li jerġgħu lura mal-kumplament tal-merħla u mhux sempliċiment nitnikktu għalihom biss għax intilfu.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ ma jifraħx meta xi ħadd jintilef imma jixtieq li kulħadd isalva u jkun maqgħud miegħu u ma’ ħutu l-oħra. Hu għal din ir-raġuni li l-komunita’ li hemm fis-sema tifraħ meta midneb wieħed jiġi misjub u jingħata lura d-dinjita’ li kellu qabel. Din insibuha f’Luqa 15 vers 7. Għandna bżonn ta’ ħafna persuni li jfittxu n-nagħaġ il-mitlufa fiż-żmien tal-lum.

U inti x’qed tagħmel biex twettaq din ix-xewqa tal-Mulej li ħadd ma jintilef? Titlob u tipprova treġġa’ lura lejn Ġesu’ dawk li tilfu t-triq?

Itlob …

Mulej, għallimni t-triq tal-umilta’ u s-sempliċita’ tal-qalb ħalli jiena nsib il-ferħ veru Fik. Agħmel li d-dawl tiegħek jiddi permezz tiegħi ħalli l-oħrajn jaraw il-verita’ u l-imħabba tiegħek u jsibu t-tama u l-paċi Fik biss. Ammen.