Il-Kobor tal-Quddiesa

IL-QUDDIESA

Sezzjoni 1. Il-Quddiesa bit-Tifsir tar-Riti Tagħha
Sezzjoni 2. Ir-Riti tal-Bidu
Sezzjoni 3. Liturġija tal-Kelma
Sezzjoni 4. Il-Liturġija Ewkaristika
Sezzjoni 5. Ir-Rakkont tat-Twaqqif tal-Ewkaristija
Sezzjoni 6. Ir-Rit tat-Tqarbin
Sezzjoni 7. Ir-Rit tal-Għeluq

Bil-għan li nifhmu aħjar dak li nkunu niċċelebraw fil-quddiesa, qed nippreżentaw sensiela ta’ videos qosra li fihom, Fr Michael Bugeja se jfisser il-partijiet differenti ta’ din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika li hija ċ-ċentru tal-ħajja liturġika tal-Knisja.

HolySacrificeoftheMass1. Il-Quddiesa ċelebrazzjoni tal-Knisja kollha.

2. Il-Purċissjoni tad-dħul.

3. Ir-Riti tal-bidu.

4. Il-Liturġija tal-Kelma.

5. Minn xiex hi magħmula l-Liturġija tal-Kelma.

6. Il-siltiet moqrija fil-Liturġija tal-Kelma.

Oħrajn:

Ir-Rit tal-Quddiesa u Talbiet Ewkaristiċi

It-Tifsira tal-Quddiesa

Is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa

Qari tal-Quddies għall-żminijiet u jiem differenti matul is-Sena Liturġika

Riżorsi dwar il-Quddiesa

Dwar il-Liturġija

X’jintuża waqt il-Quddiesa

Katekeżi mill-Papa Franġisku dwar il-Quddiesa

L-Ewkaristija hija l-għajn u l-quċċata tal-ħajja nisranija

Kif il-Quddiesa tista’ tagħmillek il-ġimgħa aħjar

Il-Quddiesa ta’ Kuljum:

Il-Quddiesa tal-Ħadd:

Nota: L-informazzjoni ta’ din il-paġna hija meħuda mis-sit tal-Laikos.

Playlists b’Vidjos bil-Qari tal-Vanġeli bil-Malti:

Riflessjonijiet fuq Passaġġi mill-Vanġelu:

SAN MARK

SAN LUQA

SAN MATTEW

SAN ĠWANN

53. Riflessjoni fuq Luqa 18: 9-14

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 18: 9-14

publican-and-pharisee

L-Evanġelju skont San Luqa 18: 9-14

[Lq:18:9] F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola:

[Lq:18:10] “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu.

[Lq:18:11] Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu, ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan.

[Lq:18:12] Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma ndaħħal.’

[Lq:18:13] Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’

[Lq:18:14] Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

L-Iskrittura twissina li Alla jopponi lil min hu supperv imma jagħti l-grazzja lil umli. Dan nistgħu nsibuh fil-Ktieb tal-Proverbji kapitlu 3 vers 34. Ġesu’ jpinġilna storja evidenti ta’ żewġ irġiel li jitolbu.

X’inhu l-punt jew il-lezzjoni li jridna nitgħallmu?

San Luqa jagħtina ideja. Ġesu’ jwissina dwar il-periklu li niddisprezzaw lil ħaddieħor. Il-preġudizzju hu agħar milli wieħed ikun aħrax f’imġiebtu. Attitudni bħal din toħroġ milli wieħed jassumi li hu kwalifikat biex ipoġġi fuq is-siġġu tal-ġudizzju u b’ċertezza jagħraf min hu tajjeb u ġust.

L-istorja ta’ Ġesu’ kkaġunat offiża għal dawk li kienu jikkunsidraw lil min kien jiġbor it-taxxi bħala li ma jistħoqqilhomx il-grazzja u l-favur t’Alla. Kif seta’ Ġesu’ jbaxxi kap reliġjuż u jgħolli midneb pubbliku? Il-parabbola ta’ Ġesu’ titkellem dwar in-natura tat-talb u r-relazzjoni tagħna m’Alla. Huwa jagħmel dan billi jikkontrasta żewġ tipi differenti ħafna t’attitudnijiet lejn it-talb. Il-Fariżew li jirrappreżenta dawk li jiftaħru bil-prattiċi reliġjużi tagħhom intefaħ bih nnifsu għad-detriment ta’ ħaddieħor mitluf fis-sodisfazzjon tiegħu nnifsu u fil-ftaħir ta’ dak li kien qed jgħix hu kien qisu jitkellem miegħu nnifsu, aktar milli jitlob lil Alla. Barra minn hekk hu żied kliem ta’ disprezz u preġudizzju fir-rigward tar-raġel l-ieħor li kien qiegħed jitlob fis-skiet. Il-Fariżew ipprova jiġġustifika lilu nnifsu, imma Alla biss jista’ jiġġustifika.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-pubblikan li kien jirrapreżenta lil dawk li kienu ddisprezzati minn nies reliġjużi, umilja lilu nnifsu quddiem Alla u talbu ħniena. It-talba tiegħu nstemgħet minn Alla għaliex hu kien sobgħien għal dnubietu. Hu fittex lil Alla b’qalb umli u niedma u bis-sinċerita’ minflok bis-suppervja. Din il-parabbola tirrapreżenta kemm opportunita’ kif ukoll twissija. Is-suppervja twassal għall-illużjoni u l-qerq fil-bniedem. L-umilta’ tgħinna biex naraw lilna nnfusna bħalma aħna tassew u twassalna għall-grazzja u l-ħniena t’Alla.

Alla jgħammar fil-qalb umli ta’ dawk li jgħarfu li huma midinbin u li jafu li huma kontinwament fil-bżonn tal-ħniena u tal-grazzja t’Alla li ssalvahom. Alla ma jistax jismagħna jekk niddisprezzaw lill-oħrajn.

Inti tfittex il-ħniena t’Alla u turi ħniena lejn l-oħrajn, b’mod speċjali dawk li l-aktar issibha diffiċli biex tħobb u taħfer?

Itlob …

Mulej, agħmel li mħabbtek tikkontrolla l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħi ħalli jien nagħmel dak li jogħġob lilek.

Indur lejk ħelwa Marija u nitolbok biex turini Int fejn jiena nieqsa mill-karita’, mill-ħniena u mill-maħfra lejn il-proxxmu tiegħi. Għinni Ma biex inkun ġeneruża u nagħti minni nnifsi u minn dak li għandi lill-oħrajn bl-istess kejl ta’ ġenerożita’ li biha Int u Ibnek tagħtini kull ma neħtieġ. Ammen.

52. Riflessjoni fuq Mark 12: 28-34

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 12: 28-34

My-Post-4-1500x1500L-Evanġelju skont San Mark 12: 28-34

[Mk:12:28] F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba, resaq fuq Ġesu u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”

[Mk:12:29] Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu,

[Mk:12:30] u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.

[Mk:12:31] U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.”

[Mk:12:32] Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu.

[Mk:12:33] Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.”

[Mk:12:34] Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ‘il bogħod mis-Saltna ta’ Alla.” U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-iskop tal-liġi u l-Kmandamenti t’Alla?

Il-Fariżej kienu jiftaħru dwar l-għarfien li kellhom dwar il-liġi u r-ritwali tagħhom. Ħajjithom kollha kienu jiddedikawha għall-istudju tas-616 il-preċett tat-Testment il-Qadim flimkien ma’ numru kbir ta’ kummentarji minn diversi għalliema. Huma għaddew lil Ġesu’ mill-prova biex jaraw jekk hu kienx tassew jifhem fil-liġi kif jifhmuha huma. Ġesu’ jissorprendihom bis-sempliċita’ profonda fir-risposta tiegħu li tixhed kemm kien midħla tal-liġi t’Alla u tal-iskop tagħha.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla xi jrid minna? Sempliċiment li nħobbu bħal ma’ jħobb hu. Alla huwa mħabba u kull ma jagħmel ħiereġ mill-imħabba tiegħu għalina. Alla ħabbna l-ewwel u l-imħabba tagħna lejh hi r-risposta għall-grazzi u l-ġenerożita’ tiegħu lejna li huma bla qies.

Li nħobbu lil Alla jiġi l-ewwel u li nħobbu lill-proxxmu għandu l-għeruq tiegħu fl-istess imħabba li aħna nagħtu lil Alla. Aktar ma nsiru nafu dwar l-imħabba u l-verita’ t’Alla, aktar insiru nħobbu dak li jħobb hu u nwarrbu dak li hu ta’ min jobgħodu u kuntrarju għar-rieda tiegħu.

Xi jkabbar fina l-imħabba lejn Alla u lejn il-Kmandamenti tiegħu? Il-fidi fil-wegħdiet tiegħu. Din tqawwina fl-imħabba tagħna lejn Alla. Hija essenzjali għal relazzjoni tajba m’Alla u biex inkunu magħquda miegħu.

Inti tħalli xi ħaġa li żżommok ‘il bogħod mill-imħabba t’Alla u mill-ferħ li sservi lill-oħrajn b’qalb ġeneruża?

Itlob …

Mulej, l-imħabba tiegħek tisboq kull imħabba oħra. Imla lil qalbi bi mħabbtek u kabbar fija l-fidi u t-tama fil-wegħdiet tiegħek. Għinni nagħti lili nnifsi f’servizz ġeneruż għall-oħrajn bħal ma’ Int ingħatajt b’ġenerożita’ bla limiti għalija.

Marija, għinni nkun nixbaħ lilek fil-fidi u l-imħabba li kellek lejn Alla u lejn kulħadd. Ammen.

51. Riflessjoni fuq Luqa 11: 14-23

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 14-23

JESUSL-Evanġelju skont San Luqa 11: 14-23

[Lq:11:14] F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu.

[Lq:11:15] Iżda xi wħud minnhom qalu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten.”

[Lq:11:16] Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema.

[Lq:11:17] Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa’ dar fuq oħra.

[Lq:11:18] Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten.

[Lq:11:19] Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom.

[Lq:11:20] Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.

[Lq:11:21] Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur.

[Lq:11:22] Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu.

[Lq:11:23] Min m’huwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għandek protezzjoni tajba kontra l-ħażin u l-periklu spiritwali?

Meta Ġesu’ kien ittentat mix-xitan fid-deżert hu rebaħlu permezz tal-ubbidjenza tiegħu għar-rieda tal-Missier. In-nies li kienet tersaq lejn Ġesu’ bil-fidi hu kien jagħtihom il-vera liberta’ mill-ħakma tad-dnub u mill-forzi tal-ħażen u tad-dlamijiet.

Fil-qari tal-lum naraw kif l-awtoritajiet reliġjużi ta’ żmien Ġesu’ kienu wisq mheddija fuq il-liġijiet u s-sistemi reliġjużi tagħhom biex jinbidlu u kienu suppervi wisq biex jissottmettu lilhom infushom lejn Ġesu’. Żammew riġidu fl-osservanzi tal-liġijiet ritwali tagħhom u naqsu milli jgħixu dak li tassew kien l-essenzjal iġifieri li jaqdu d-doveri tagħhom tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Ħsieb għal Qalbek …

Minħabba li l-Fariżej u l-kapijiet reliġjużi l-oħra ma kienux jgħixu skont kif riedhom Alla, il-poplu li ra f’Ġesu’ dak li ma riedux jaraw il-Fariżej kienu spiritwalment mitlufa u bil-ġuf għal Alla. Ġesu’ ssodisfa l-bżonnijiet tan-nies li emmnu fih u tahom fidi u tama ġdida fis-salvazzjoni t’Alla għalihom. Kull fejn jixxandar l-Evanġelju s-Saltna t’Alla tiġi mmanifestata u tingħata l-liberta’ vera lil dawk li jwieġbu bil-fidi u l-fiduċja f’Alla.

Inti titlob għall-ħidma tax-xandir tal-Evanġelju biex f’żminijietna ħafna jsibu l-vera l-ferħ u ħelsien f’Ġesu’ Kristu?

Itlob …

Mulej, agħmel li s-Saltna tiegħek tasal għand kull min jinsab imġarrab u fid-dlam. Imla lil qalbi bil-ħniena u t-tjieba tiegħek lejn kull min iħossu waħdu imġarrab u lejn dawk ta’ madwari li ma jafux b’imħabbtek u bil-liberta’ li tagħtina Int. Użani biex inwassal l-aħbar it-tajba tal-ħniena u l-imħabba tiegħek. Ammen.

50. Riflessjoni fuq Mattew 5: 17-19

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 5: 17-19

Jesus-Caviezel_810_500_75_s_c1L-Evanġelju skont San Mattew 5: 17-19

[Mt:5:17] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lin-nies: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom.

[Mt:5:18] Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox.

[Mt:5:19] Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex in-nies għandhom it-tendenza li jaraw il-liġi t’Alla b’mod negattiv aktar milli b’mod pożittiv?

L-attitudni ta’ Ġesu’ lejn il-liġi t’Alla tista’ tinġabar f’talba qawwija li nsibu f’Salm 119:

“O kemm inħobb il-liġi tiegħek, fuqha naħseb il-jum kollu.”

Għall-poplu t’Iżrael il-liġi kienet tirreferi jew għall-għaxar Kmandamenti jew għall-ħames kotba ta’ Mosé msejħa l-Pentatewku, li jispjegaw il-Kmandamenti u l-ordnijiet t’Alla għall-poplu tiegħu. Il-liġi kienet tirreferi wkoll għat-tgħallim sħiħ jew stil ta’ ħajja li Alla ta lil niesu. Il-Lhud fi żmien Ġesu’ kienu jużawha wkoll bħala deskrizzjoni tal-liġi orali jew miktuba, imma l-Iskribi u l-Fariżej żiedu ħafna aktar mal-liġi milli Alla xtaq. Hu għalhekk li Ġesu’ spiss ikkundanna l-liġi tal-Iskribi.

Kienet tpoġġi piżijiet fuq in-nies li Alla ma riedx, imma Ġesu’ għamilha ċar li l-essenza tal-liġi t’Alla, il-Kmandamenti u l-istil ta’ ħajja mitluba minn Alla jridu jiġu mħarsa. Il-liġi t’Alla hi l-Verita’ u meta aħna ngħixu skont din il-verita’ nipproduċu frott tas-sewwa u tal-ġustizzja, tal-qdusija, tal-paċi u tal-ferħ.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ għallem reverenza lejn il-liġi t’Alla, qima lejn Alla nnifsu, lejn Jum il-Mulej. Reverenza u rispett lejn il-ġenituri, rispett lejn il-ħajja, lejn il-propjeta’, lejn l-isem tajjeb ta’ persuna oħra, rispett lejk innifsek u lejn il-proxxmu biex ma niżbaljawx jew inħallu xewqat ta’ ħsara jaħkmuna.

Ir-reverenza u r-rispett lejn il-Kmandamenti t’Alla jgħallmuna t-triq tal-imħabba. Imħabba lejn Alla u mħabba lejn il-proxxmu. Dak li hu impossibli għall-bniedem huwa possibli għal Alla u għal dawk li għandhom il-fidi f’Alla. Alla jagħtina l-grazzja biex inħobbu kif iħobb Hu, biex naħfru kif jaħfer Hu, biex naħsbu kif jaħseb Hu, u biex naġixxu kif jaġixxi Hu. Il-Mulej iħobb is-sewwa u jobgħod il-ħażen. Bħala segwaċi tiegħu, dixxipli tiegħu, aħna għandna nħobbu l-Kmandamenti tiegħu u nobgħodu kull forma ta’ dnub.

U inti tħobbhom il-Kmandamenti tal-Mulej u tagħraf fihom l-Imħabba tiegħu bħala Missier li jixtieqilna l-ġid u għalhekk jikkmandana għall-ġid tagħna?

Itlob …

Mulej Ġesu’, agħtini dan il-jum li nidderieġi u nqaddes, li nsaltan u nikkmanda fuq qalbi u fuq ġismi sabiex kull ħsieb, kelma u azzjoni tiegħi tkun skont il-Kmandamenti tal-Missier.

Marija ommi għalija, itlob miegħi biex jien inkun nogħġob lil Alla bl-istess mod li bih għoġobtu Inti. Ammen.

49. Riflessjoni fuq Mattew 18: 21-35

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 18: 21-35

maxresdefault.jpgL-Evanġelju skont San Mattew 18: 21-35

[Mt:18:21] F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesu u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”

[Mt:18:22] “Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet?” wieġbu Ġesù,”imma sa sebgħa u sebgħin darba.

[Mt:18:23] Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu.

[Mt:18:24] Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent.

[Mt:18:25] Billi ma kellux minn fejn iroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.

[Mt:18:26] Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu, ‘Sinjur, stabar ftit bija; kollox inroddlok.’

[Mt:18:27] Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

[Mt:18:28] Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. ‘Ħallas dejnek,’ qallu.

[Mt:18:29] Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, ‘Stabar ftit bija u nroddlok.’

[Mt:18:30] Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.

[Mt:18:31] Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewwdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.

[Mt:18:32] Mbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu, ‘Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena,

[Mt:18:33] ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?’

[Mt:18:34] U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.

[Mt:18:35] Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-ħniena u l-ġustizzja kif imorru flimkien?

Il-profeta Għamos fit-Testment il-Qadim jitkellem fuq il-maħfra t’Alla għad-dnubiet sa tlett darbiet, imma jwissi li Alla seta’ ma jżommx lura l-kastig fir-raba’ darba.  Meta Pietru jpoġġi l-mistoqsija dwar il-maħfra hu karateristikament joffri tweġiba li ħaseb li lil Ġesu’ kienet se togħġbu. “Għax ma naħfirx sebgħa darbiet.” Ir-risposta ta’ Ġesu’ li Pietru ma ħasibx li se jirċievi kienet li wieħed għandu jaħfer sebgħin darba aktar.

B’din it-tip hi tweġiba Ġesu’ ried ifisser li ma jeżistix xi qies, għax m’hemmx limitu għalkemm-il darba wieħed għandu jaħfer. Fil-parabbola li jirrakkonta Ġesu’ mbagħad isemmi żewġ tipi ta’ dejn. Is-sultan mxebbaħ m’Alla nnifsu ħafer lilna d-dejn kbir tad-dnub. Aħna wkoll għandna naħfru l-persuni li nqasuna b’għemilhom u mhux nagħmlu bħall-qaddej tal-parabbola.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jgħallimna li rridu naħfru biex niġu maħfura. Infatti fit-talba tal-Missierna li Ġesu’ nnifsu għallimna ngħidu: “Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina.”

Jekk irridu li Alla juri ħniena magħna, aħna wkoll bħalu għandna nkunu lesti li naħfru lill-oħrajn. Qatt ħsibt xi tkun qed tgħid lil Alla, inti u tgħidlu fil-Missierna: “Aħfirli bħalma jiena naħfer?”

Tħossok komdu u moħħok mistrieħ li Alla qed jaħfrilek bl-istess mod kif inti taħfer lil min nqasek?

Itlob …

Mulej, Int kont ħanin u ħfirtli dnubieti kollha u nsejt il-weġgħat li kkważajtlek, agħtini l-grazzja u l-qawwa filwaqt li jiena niddeċiedi li nkun ħanin kif Int ħanin miegħi. Eħlisni u fejjaqni anki bl-istess deċiżjoni li naħfer mill-qrusa u t-toqol tas-sofferenza li għaddejt minnha minħabba ħaddieħor ħalli nasal li ma nżomm xejn f’qalbi u lanqas nibqa’ niftakar jew inżomm fil-komma d-deni li sarli. Ħa nkun dejjem iżjed nixbah lilek f’kollox li tibqa’ turini mħabbtek u taħfirli kull darba li niżbalja. Grazzi ta’ dan Mulej. Ammen.

48. Riflessjoni fuq Luqa 1: 26-38

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 1: 26-38

Images - Rene Rossignaud

L-Evanġelju skont San Luqa 1: 26-38

[Lq:1:26] F’dak iż-żmien, fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret,

[Lq:1:27] għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija.

[Lq:1:28] L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.”

[Lq:1:29] Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima.

[Lq:1:30] Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla.

[Lq:1:31] Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.

[Lq:1:32] Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru

[Lq:1:33] u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”

[Lq:1:34] Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”

[Lq:1:35] Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.

[Lq:1:36] Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal,

[Lq:1:37] għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.”

[Lq:1:38] Mbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek?” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Marija kif twieġeb għall-Kelma t’Alla li waslitilha permezz tal-anġlu Gabrijel?

Hi taf li dak li qed jitħabbar lilha hu ‘l fuq mill-kapaċita’ umana. Ried ikun biss miraklu li jisboq kull miraklu ieħor li Alla għamel s’issa fl-istorja tal-poplu tiegħu. Il-mistoqsija li tpoġġi “Kif ikun dan ladarba ma nagħrafx raġel?” mhijiex frott ta’ dubju jew xettiċiżmu, imma hija frott tat-tfittxija tar-rieda t’Alla. Marija riedet tkun taf x’għandha tagħmel eżatt biex taqdi sewwa din il-missjoni li Alla kien qed jafdalha.

Hi tisma’ l-Kelma u twieġeb immedjatament b’fidi u b’fiduċja kompleta f’Alla. Bl-‘iva’ immedjata tagħha għall-messaġġ divin, hija ssir il-mudell tal-fidi għalina lkoll. Marija emmnet il-wegħdiet t’Alla, anki meta dawn dehru impossibli. Hi kienet ħerqana u lesta twettaq ir-rieda t’Alla, anki jekk dan kien ifisser li kellha tħallas prezz għoli. Marija hi Omm Alla għaliex Alla libes is-sura tal-ġisem tagħna fil-ġuf tagħha bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla jagħtina l-grazzja tiegħu u jistenna minn għandna li nwieġbu għaliha bl-istess rieda soda, bl-istess ubbidjenza u bl-istess fiduċja mill-qalb, kif wieġbet Marija. Meta Alla jikkmandana, Hu wkoll jagħtina l-għajnuna, il-qawwa u l-mezzi biex inwieġbu b’ġenerożita’. Nistgħu jew inħalluh jimliena bil-grazzji tiegħu jew nirreżistu u mmorru għal rasna ‘l barra mit-triq.

Inti temmen fil-wegħdiet t’Alla u tfittex li tikber fil-grazzja tiegħu?

Ġesu’ tana lil Marija bħala Ommna taħt is-Salib. Int tfittixha lil din ‘l Omm biex tirċievi minn għandha dak li Omm qaddisa tas-sema tista’ tagħtik – id-dawl, il-faraġ, it-twissijiet, il-kuraġġ, il-protezzjoni u l-barka materna tagħha?

Tinqeda bit-talba tar-Rużarju li hi tant għażiża għaliha, biex permezz tagħha tressaq qribek lil dina ‘l Omm li bħalma talbet mal-ewwel dixxipli, hekk tiġi u titlob miegħek biex int timtela bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa li għandek bżonn?

Itlob …

Missier qaddis, Inti toffrilna l-grazzji, il-ħniena u l-maħfra tiegħek bl-abbundanza permezz ta’ Marija li għamiltha s-Sultana fuq il-ħolqien kollu u li minnha bħala l-Avukata tagħna, Inti tgħaddilna l-grazzji tiegħek, agħtini l-għajnuna biex ta’ kuljum jiena ntenni l-‘iva’ tiegħi għar-rieda mqaddsa tiegħek f’ħajti.

Marija, Sultana u Medjatriċi ta’ kull grazzja, għallimni nisma’ l-leħen ħlejju tiegħek li jwissini u jurini liema huma dawk l-għażliet li għandi nagħmel biex nikseb dik il-qdusija li Alla jrid jara fija. Grazzi Ġesu’. Grazzi Ma. Ammen.

47. Riflessjoni fuq Luqa 13: 1-9

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 13: 1-9

the-fig-fig-treeL-Evanġelju skont San Luqa 13: 1-9

[Lq:13:1] Fdak iż-żmien, ġew xi wħud u qalu lil Ġesu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.

[Lq:13:2] U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?

[Lq:13:3] Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.

[Lq:13:4] Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm!

[Lq:13:5] Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.”

[Lq:13:6] U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx.

[Lq:13:7] Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?

[Lq:13:8] Iżda dak wieġbu, ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.

[Lq:13:9] Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-Lhud kienu jassoċċjaw id-diżastri msemmija mad-dnub. L-Iskrittura twissina li d-dnub jirriżulta f’taħwid, konfużjoni u saħta, imma l-ktieb ta’ Ġob jgħidilna wkoll li l-isfortuna tista’ tolqot kemm lit-tajbin kif ukoll lill-ħżiena.

Ġesu’ nqeda b’dawn l-inċidenti biex iservu bħala sinjal ħalli jgħinna nevitaw l-akbar fost id-diżgrazzji jiġifieri l-possibilta’ li nitilfu ruħna. Nevitaw din l-akbar diżgrazzja billi nippreparaw b’mod spiritwali għaż-żmien li ġej.

Ħsieb għal Qalbek …

X’tista’ t-tina bla frott tgħidilna dwar is-Saltna t’Alla?

Din tissimbolizza r-riżultat tal-Iżraelin li ma wieġbux b’fedelta’ għall-Kelma t’Alla. Din il-parabbola ta’ Ġesu’ turina li Alla fil-Ħniena tiegħu jagħtina iż-żmien biex f’ħajjitna nsewwu dak li mhux tajjeb. Imma dan iż-żmien huwa issa, ma nistgħux nassumu li m’hemmx għaġġla. Mewt għala rieda, li wieħed ma jkunx qed jistenna ma tħallilekx żmien biex tipprepara u tissetilja l-kontijiet spiritwali tiegħek meta trid tidher malajr quddiem il-Mulej f’jum il-ġudizzju.

U inti, l-bagalja tat-tluq tiegħek imħejjija?

Tixxennaq għall-Mulej?

U qed tgħix skont is-sewwa u l-qdusija tiegħu?

Itlob …

Mulej, kabbar fija l-għatx għas-sewwa u l-qdusija.

Għażiża Marija, Omm dejjem attenta għall-ħtiġijiet ta’ wliedek, aqlagħli b’talbek il-grazzja li ma naħlix il-mument preżenti li fih nista’ ngħid iva lil Alla għall-ħajja kif jixtieq minni Hu, bħalma Inti wkoll bqajt sal-aħħar itenni l-Iva tiegħek għar-rieda mqaddsa Tiegħu. Ammen.

46. Riflessjoni fuq Luqa 15: 1-3, 11-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 15: 1-3, 11-32

prodigal-sonL-Evanġelju skont San Luqa 15: 1-3, 11-32

[Lq:15:1] F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh.

[Lq:15:2] U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom.”

[Lq:15:3] U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:

[Lq:15:11] “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.

[Lq:15:12] Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid.

[Lq:15:13] Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajjra.

[Lq:15:14] Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn.

[Lq:15:15] U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer.

[Lq:15:16] Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

[Lq:15:17] Mbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’ , u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!

[Lq:15:18] Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;

[Lq:15:19] ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’

[Lq:15:20] Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.

[Lq:15:21] ‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’

[Lq:15:22] Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh!

[Lq:15:23] Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa,

[Lq:15:24] għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U għamlu festa.

[Lq:15:25] “Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin.

[Lq:15:26] Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien.

[Lq:15:27] ‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.’

[Lq:15:28] Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol.

[Lq:15:29] ‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi!

[Lq:15:30] Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’

[Lq:15:31] ‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek.

[Lq:15:32] Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.’.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-parabbola tal-missier u żewġ uliedu hija l-itwal waħda li nsibu fil-Vanġeli.

X’inhu l-punt ċentrali tal-istorja?

Huwa l-kuntrast bejn l-iben ubbidjenti u dak diżubbidjenti? Jew bejn kif il-missier jitratta l-iben li kien mitluf u l-mod kif il-missier jiġi ttrattat minn ibnu l-kbir?

Ġesu’ jikkuntrasta l-imħabba u l-ħniena kbira tal-missier mar-rifjut aħrax tal-iben il-kbir lejn ħuh li kien żbalja u lejn il-festin li l-missier ferħan jagħmel għal ibnu li reġa’ lura niedem. Filwaqt li l-iben li żbalja kien ħela l-flus ta’ missieru, missieru xorta baqa’ jżomm imħabba sħiħa għal ibnu. L-iben waqt li kien ‘il bogħod minn missieru tgħallem ħafna dwaru nnifsu u rrealizza li missieru kien tah imħabba li hu kien għadu ma rreċiprokax. Kien għadu jrid jitgħallem dwar il-fond tal-imħabba ta’ missieru għalih.

L-umiljazzjoni kbira li sab ruħu fiha meta lanqas seta’ jitma’ lilu nnifsu bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer u r-riflessjoni tiegħu ta’ dak kollu li kien tilef waslitu għas-sobgħa u d-deċiżjoni li jiddikjara lilu nnifsu ħati u midneb quddiem missieru. Filwaqt li ttama li jirrikonċilja ruħu ma’ missieru, hu qatt ma seta’ jimmaġina li din ir-relazzjoni se tissewwa b’tiġdid u għaqda sħiħa u kompluta.

Il-missier ma kellux bżonn jgħid kliem ta’ maħfra lil ibnu. L-azzjonijiet tiegħu kienu jitkellmu b’mod aktar qawwi u ċar. Il-libsa rejali, iċ-ċurkett, l-ikla u l-festa jissimbolizzaw ħajja ġdida, safja, t’unur u ferrieħa għal kull min jirritorna lejn Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

It-tifel li waqa’ fil-ħażen ma setax imur lura lejn il-ġnien tal-innoċenza, imma hu ġie milqugħ u mogħti lura l-unur u d-dinjita’ t’iben. Il-bidla tal-għaġeb tal-iben li waqa’ fl-iżball mill-miżerja u l-ħtija għat-tiġdid u l-ħajja ġdida hi espressa fl-istampa li l-istorja tpoġġi quddiemna. Il-lingwaġġ tal-qawmien mill-imwiet u t-twelid għal ħajja ġdida mill-mewt spiritwali li kienet tinsab fih ir-ruħ tiegħu huma espressi b’mod ċar fil-parabbola ta’ Ġesu’. Din il-parabbola tikkuntrasta wkoll il-ħniena u l-oppost tagħha n-nuqqas ta’ maħfra. Il-missier li lilu l-iben kien naqas kien qiegħed jaħfer imma l-iben il-kbir li lilu ma naqaslu xejn irrifjuta li jaħfer.

In-nuqqas ta’ maħfra  tiegħu tinbidel f’suppervja u l-korla tiegħu twassal biex jinqata’ u jiżola ruħu mill-komunita’ tal-midinbin maħfura. F’din il-parabbola Ġesu’ jagħti stampa ċara t’Alla u ta’ kif inhu Alla. Alla hu tassew ħanin aktar minna. Hu ma jitlifx it-tama u ma jaqtax qalbu minna meta aħna nitbegħdu minnu, anzi jifraħ meta jsib lil dawk li jkunu mitlufa u jwassalhom lura d-dar.

U inti, tesperjenza l-ferħ tal-indiema u t-tiġdid tar-relazzjoni tiegħek m’Alla l-Missier bħala ibnu jew bintu?

Tagħmel użu tajjeb u frekwenti mis-Sagrament tal-Qrar li jirrikonċiljak m’Alla Missierek permezz tas-saċerdot?

Itlob …

Mulej, agħmel li qatt ma niddubita mill-Imħabba tiegħek u lanqas inkun passiva jew nieħu “forgranted” il-ħniena li Inti turi miegħi.

Marija Omm ħanina, itlob miegħi u għalija biex qalbi timtela dejjem iżjed bl-imħabba t’Alla li titrasformani biex jien ukoll nuri ħniena mal-proxxmu tiegħi, bl-istess mod li Inti u Ibnek turu ħniena bla limiti miegħi. Ammen.

45. Riflessjoni fuq Mattew 21: 33-43, 45-46

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 21: 33-43, 45-46

wp-1489703998857.jpgL-Evanġelju skont San Mattew 21: 33-43, 45-46

Mt:21:33] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lin-nies: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

[Mt:21:34] Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu.

[Mt:21:35] Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawwtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.

[Mt:21:36] Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.

[Mt:21:37] Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal.

[Mt:21:38] Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.’

[Mt:21:39] Qabduh, xeħtuh ‘il barra mill-għalqa u qatluh. [Mt:21:40] Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”

[Mt:21:41] Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu.”

[Mt:21:42] Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li

[Mt:21:43] Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.

[Mt:21:45] Meta semgħu l-parabboli tiegħu l-qassisin il-kbar u l-Fariżej fehmu li hu kien qiegħed jgħid għalihom.

[Mt:21:46] Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, imma beżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżommu bi profeta.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-punt tal-parabbola tal-għalqa tad-dwieli?

L-istorja ta’ Ġesu’ tas-Sid tal-għalqa li jsiefer u l-ħaddiema diżonesti għamlet ħafna sens għas-semmiegħa tiegħu. L-għoljiet tal-Galilija kienu mimlija b’għelieqi tad-dwieli u kien komuni li s-sidien iqabdu ħaddiema biex jaħdmulhom l-art. Ħafna kienu jagħmlu dan biex jiġbru l-kera fi żmienha.

Għaliex l-istorja ta’ Ġesu’ dwar il-ħaddiema ħżiena offendiet lill-Iskribi u l-Fariżej?

Fiha kellha messaġġ profetiku kif ukoll twissija. Iżaija kien tkellem fuq id-dar t’Iżrael bħala l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej. Dan insibuh fil-ktieb t’Iżaija kapitlu 5 vers 7. Huwa probabbli għalhekk li min semgħu jirrakkonta din il-parabbola fehema bħala referenza tal-mod kif Alla kien mexa mal-poplu ribelluż u ta’ ras iebsa.

Ħsieb għal Qalbek …

Din il-parabbola tkellem lilna wkoll illum. Hi turina b’rikkezza wħud mill-veritajiet importanti dwar Alla u ‘l mod kif jimxi mal-poplu tiegħu. L-ewwelnett tgħidilna dwar il-ġenerożita’ u l-fiduċja t’Alla. L-għalqa tad-dwieli għandha fiha kull ma l-ħaddiema kellhom bżonn. Is-sid telaq u ħalla l-għalqa f’idejn il-ħaddiema.

Alla bl-istess mod jafdana tant li jagħtina l-liberta’ li mmexxu ħajjitna fuq l-għażliet li nagħmlu. Din il-parabbola tgħidilna wkoll dwar il-paċenzja u l-ġustizzja t’Alla. Mhux darba, imma ħafna drabi hu ħafrilhom dejnhom. Imma filwaqt li l-ħaddiema jieħdu vantaġġ mill-paċenzja tas-Sid, il-ġustizzja u l-ġudizzju fl-aħħar kellhom iseħħu. Ġesu’ ħabbar kemm il-mewt kif ukoll ir-rebħa aħħarija tiegħu. Hu kien jaf li kien se jiġi mwarrab, miċħud u maqtul, imma kien jaf ukoll li dan ma kienx se jkun it-tmiem. Wara ċ-ċaħda kien se jkun hemm il-glorja. Il-glorja tal-qawmien mill-imwiet u t-tlugħ tiegħu għan-naħa tal-lemin tal-Missier.

Il-Mulej ibierek lill-poplu tiegħu illum bid-don tas-Saltna. Hu jwiegħed li aħna se nagħmlu ħafna frott jekk ngħixu fiH. Hu jafda d-doni u l-grazzji f’idejn kull wieħed u kull waħda minna u jagħtina xogħol fil-għalqa tiegħu tad-dwieli li hi l-istess Ġisem Mistiku tiegħu, il-Knisja. Hu jwiegħed li t-taħbit tagħna mhux se jkun għalxejn jekk nipperseveraw bil-fidi sal-aħħar. Għandna nistennew tiġrib u anki persekuzzjoni, imma fl-aħħar naraw ir-rebħa.

U inti, titħabat għall-Mulej b’tama ferrieħa u b’kunfidenza fir-rebħa tiegħu?

Itlob …

Grazzi Mulej Ġesu’ għall-benefiċċji kollha li Inti tajtna. Għall-uġigħ u għall-insulti li Inti soffrejt bi mħabba għalina. O Salvatur l-aktar ħanin, ħabib u ħuna, agħmel li nagħrfek aktar ċar u li nħobbok bl-akbar għożża.

Ħelwa Marija ommi, għinni nimxi wara Ibnek aktar mill-qrib mhux biss meta dan ikun faċli għalija, imma wkoll meta niġi affaċċjata mall-iebes. Ammen.