19. Aktar Mirakli Ewkaristiċi

AKTAR MIRAKLI EWKARISTIĊI

Għandna numru kbir ta’ Mirakli li l-istorja tagħhom hija rrakkontata b’mod iktar sempliċi. Ħafna minn dawn ir-rakkonti ġejjin minn żmien l-insara tal-ewwel żminijiet fil-ħajjiet tal-qaddisin u nies oħra twajba.

I

Fosthom għandna l-Mirakli kif irrakkontati minn San Ċiprijanu Isqof ta’ Kartaġini. Fi żmienu nibtet apostasija li kienet tagħti torturi kbar lil min ma kienx lest jiċħad il-fidi. Għalhekk ħafna nsara kellhom jaħarbu minn pajjiżhom. Fost dawn koppja kattolika kellha taħrab u ħallew lil binthom ma’ qaddejja. Din il-qaddejja malajr ħadet lil din it-tifla quddiem il-maġistrati apostati tal-belt u dawn ġagħlu lit-tifla tiekol biċċa ħobż imxarrba fid-demm tal-annimali maħruqa lill-allat.

Meta l-omm ġiet lura u ħadet lil bintha għall-quddiesa u kellha f’moħħha li tqarbinha bid-Demm Prezzjuż kif kienet id-drawwa. Iżda t-tifla, għalkemm kienet żgħira biex tirrakkonta x’kienet għamlitilha l-qaddejja, irvellat meta daħlet fil-knisja. Meta d-djaknu resaq lejha biex iqarbinha hi għalqet ħalqha u ma ridtix titqarben, Xi qatriet tad-demm daħlu f’ħalqha iżda hi ma setgħetx iżżommhom, u hekk inkixef l-abbuż tal-qaddejja.

II

Fi żmien l-istess persekuzzjoni kienet id-drawwa li l-insara jżommu Ostja Kkonsagrata moħbija d-dar biex f’każ li jiġu maqbuda jitqarbnu għall-aħħar darba. San Ċiprijanu jgħidilna li waħda mara ħadet Ostja li ħbietha f’kaxxa għal meta tista’ tiġi bżonnha. Iżda din il-mara wara waqgħet fl-apostasija, u meta darba fetħet il-kaxxa fjammi tan-nar ħarġu mill-kaxxa. San Ċiprijanu jgħidilna li dan in-nar werwer lill-mara bir-rimors.

III

San Ċiprijanu jirrakkonta kif wieħed raġel li kien waqa’ fl-apostasija pprova jitqarben. Dan kif ingħata l-Ostja f’idu sparixxiet u f’idu baqa’ biss ftit irmied.

IV

Storja oħra ġiet imwassla lilna minn Sozomen kittieb tal-istorja tas-seklu ħamsa. Jingħad illi f’Kostantinopli raġel pprova jikkonverti lil martu li kienet eretika. Billi ssikkaha, hi ppretendiet li kkonvertiet u marret għall-quddiesa. Waqt it-tqarbin hekk kif rċeviet l-Ewkaristija, l-Ostja nbidlet f’ġebla.

V

Fost il-qaddisin insibu lill-missier, omm, oħt u ħu San Gregorju Nazjanzenu (miet fis-sena 389). Fl-eloġju tal-funeral ta’ oħtu Ġorġina, San Girgor jirrakkonta li oħtu kienet tbati minn paraliżi li t-tobba ma setgħux ifejjqu. Kellha s-Santissmu Sagrament fuq altar id-dar (dan kienu jippemettuh lil xi ewlenin insara) u din, lejla waħda resqet lejn l-altar, serrħet rasha fuqu u ddeċidiet li ma titlaqx minn hemm qabel mat-Tabib Divin ifejjaqha. Wara li ndilket biż-żejt imbierek din bkiet quddiem is-Santissmu Sagrament. San Girgor igħidilna li dik il-lejla oħtu fieqet għal kollox.

VI

San Girgor ta’ Tours (li miet fis-sena 595) jirrakkonta avveniment mhux tas-soltu fil-ktieb tiegħu “Of the Glories of the Martyrs” imsaħħaħ mill-kittieb tal-istorja Evagrius li kiteb: “Fiż-żmien meta Mennas kien Isqof ta’ Kostantinopli kienet id-drawwa antika f’dik il-belt illi meta jibqa’ Ostji Kkonsagrati wara t-tqarbin jiġu msejjħa subien mill-iskola biex jikkunsmawhom. Ġara li darba fost dawn is-subien kien hemm iben manifattur tal-ħġieġ li kien Lhudi. Il-ġenituri staqsewh għaliex kien ittardja mill-iskola u hu qalilhom x’kien ġara. Il-missier mimli korla qabad lil ibnu u tefgħu ġo forn jaqbad fejn kien jaħmi l-ħġieġ.

L-omm fettxet lil binha u daret mal-belt kollha ssejjaħlu. Ġara li t-tifel sema’ lil ommu ssejjaħlu minn ġol-forn. Fetħet malajr il-bieb tal-forn u hemm rat lil binha qalb in-nirien iżda ma kien ġralu xejn. Malajr staqsew it-tifel kif ma ġralu l-ebda ħsara hu wieġeb illi sinjura liebsa l-vjola deheritlu bl-ilma biex ittaffilu l-għatx u titfi l-faħam ta’ madwaru; ġabitlu l-ikel xħin kien bil-ġuħ. Meta l-Imperatur Ġustinjanu sema’ b’dan, għadda l-omm u l-iben f’idejn is-saċerdoti wara li dawn kienu rċevew il-magħmudija. Il-missier baqa’ ma riedx iħaddan it-twemmin nisrani u ġie kkundannat bħala l-qattiel ta’ ibnu u msallab f’tarf Syca.”

San Girgor ta’ Tours ikompli jgħid:
“ It-tifel irċieva l-Ewkaristija Mqaddsa fil-knisja ta’ Santa Marija, fejn insibu l-immaġini tal-Verġni Mbierka f’post prominenti u li fuqha t-tifel tefa’ għajnejh u hekk miġbud b’qawwa kbira daħal fil-knisja. L-immaġini li ra fil-knisja bit-tarbija f’dirgħajha kienet l-istess waħda li deheritlu qalb in-nirien. It-tifel irċieva l-Ħobż u għalhekk il-Ġisem u d-Demm Glorjuż ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.

L-esperjenza ta’ dan it-tifel żgħir tfakkarna fil-kantiku tat-tliet żgħażagħ li ġew mitfugħa ġewwa forn tan-nar u bil-grazzja t’Alla ma ġralhom xejn.

VII

San Girgor il-Kbir (li miet fis-sena 604) Papa u Duttur tal-Knisja ħallielna kitba fejn jurina l-imħabba li kellu lejn l-Ewkaristija u l-qawwa tas-sagrifiċċju qaddis tal-quddiesa. Fis-37 omelija tiegħu huwa jirrakkonta: “Ġara li ftit taż-żmien ilu raġel ittieħed priġunier mingħajr ma martu kienet taf fejn qiegħed, (u għalhekk ħasbitu li kien mejjet) bdiet tagħmel quddiesa kull ġimgħa f’ċerti ġranet u toffrihom għal ruħu. Wara ħafna żmien ir-raġel reġa’ lura d-dar u rrakkonta lil martu illi f’ċerti ġranet il-ktajjen kienu jinħallulu u kien b’hekk li seta’ jaħrab. Ġara li meta martu staqsiet f’liema ġranet tal-ġimgħa kien jiġri dan il-għaġeb indunat li l-ġranet meta l-ktajjen kienu jinħallu kienu meta hi kienet toffri s-sagrifiċċju tal-quddiesa għalih.”

VIII

Fir-raba’ ktieb tad-“Djalogi” tiegħu jew konferenzi dwar il-ħajja Mirakuluża tal-qaddisin San Girgor il-Kbir jirrakkonta din il-ġrajja: “Agatho, Isqof ta’ Palermo kien jivvjaġġa minn Palermo sa Ruma. Matul il-vjaġġ kien fil-periklu li l-vapur jitfarrak. Qamet maltempata tal-biża’ li għerqet il-vapur. Ma kien hemm l-ebda tama ħlief fil-ħniena t’Alla. Kulħadd beda jitlob u joffri suppliki lil Alla biex jeħlishom. Waqt li kienu jitolbu ċertu baħri kien jitħabat biex ivara dgħajsa li kienet marbuta mal-vapur. Din id-dgħajsa nqalgħet u nbelgħet, flimkien mal-baħri mill-mewġ, u l-Isqof Agatho qiesu mejjet.

Sadanittant il-vapur li fuqu kien hemm l-isqof irnexxielu jasal fost ħafna perikli fuq l-ġżira ta’ Ostika. Hawn l-isqof offra s-sagrifiċċju tal-quddiesa għal ruħ il-baħri sfortunat; u hekk kif issewwa l-vapur komplew fi triqthom għal Ruma. Hekk kif niżlu l-art iltaqa’ mal-baħri li mingħalih kien mejjet. Mimli ferħ staqsieh kif kien irnexxielu jaħrab il-periklu ta’ daqshekk jiem. Il-baħri rrakkontalu kif d-dgħasa żgħira tiegħu kienet kontinwament fil-periklu li tinqaleb u dejjem irnexxielha terġa’ titla’ f’wiċċ l-ilma. Billejl u bi nhar kien jitħabat mal-mewġ u batut bil-ġuħ u bil-għatx kellu biex jinżel f’qiegħ il-baħar kieku ma waslitlux l-għajnuna. “Fl-aħħar f’daqqa waħda”, irrakkonta hu, “meta kont ċedut u kważi barra minn sensija u ma nafx jekk kontx rieqed jew imqajjem rajt raġel wieqaf quddiemi li offrieli l-ħobż. Bilkemm kont għadni rċevejtu li saħħti ma ġietx lura, u ftit ħin wara ġabarni vapur u ġabni hawn.”

Meta l-isqof sar jaf il-ġurnata meta ġara dan sar jaf illi kienet l-istess ġurnata meta kien offra l-quddiesa fuq il-gżira ta’ Ostika għar-ruħ dak ir-raġel sfortunat.

IX

It-tradizzjoni tagħtina rakkont ieħor ta’ Miraklu Ewkaristiku fil-ħajja ta’ San Girgor il-Kbir innifsu. Jingħad li ġrat manifestazzjoni Mirakuluża tal-Ġisem ta’ Kristu waqt li San Girgor kien iqaddes fil-Bażilika Sessoriana f’Ruma. Dan il-Miraklu jiktbu dwaru ż-żewġ kittieba tal-istorja tal-ħajja ta’ San Girgor fis-seklu disgħa li kienu Pawlu u Gianni d-dekan.

X

L-awtur tal-“Imitazzjoni ta’ Kristu”, Thomas a’ Kempis (miet fl-1471) għex 92 sena. Fil-“Chronicle of Mount St. Agnes” jirrakkonta dwar żewġ Mirakli Ewkaristiċi. Dwar l-ewwel wieħed igħid hekk: “Wieħed minn ħuti l-patrijiet beda l-quddiesa fuq l-altar ta’ Sant’Anjese. Kien ilu juża żewġ krozzi għal żmien twil biex jitla’ fuq l-altar. Hekk kif qaddes il-quddiesa dan ħass ruħu tant tajjeb bil-qawwa ta’ Ġesu’ u bl-interċessjoni ta’ Sant’Anjese, illi ħalla l-krozzi warajh u ġie lura kollu ferħan ħdejna fil-kor. Wieħed minn sħabna staqsieh x’għamel u dwar xhiex ħaseb waqt il-quddiesa. Hu rrispondih: “Jien qgħadt nikkontempla l-kliem tal-Evanġelista San Luqa li jgħid dwar Ġesu’: U l-folla kollha ppruvat tmiss miegħu, għax kienet ħierġa minnu l-virtu’ u fejjaq lil kulħadd. Għalhekk is-Sagrament l-aktar Qaddis, flimkien mat-talb tal-qaddisin, għadu jista’ jfejjaq fir-ruħ u fil-ġisem.”

XI

Dan il-Miraklu li għandna kif irrakkontajna rah Thomas ta’ Kempis innifsu. Dan li ġej irrakkontahulu l-istess saċerdot li għadda minn din l-esperjenza; “Wieħed minn sħabna fil-kunvent waqt li kien iqaddes fl-altar ta’ Sant’Anjese ġietu tentazzjoni kbira u dubji dwar is-Santissmu Sagrament, għalkemm dan il-misteru kien dejjem ta’ konsolazzjoni kbira għalih. Kollu sobgħa u uġigħ dar lejn Ġesu’ jibki u hawn sema’ vuċi nterjuri tkellmu u qaltlu: “Emmen kif għamlu Sant’Anjese, Santa Ċeċilja, Santa Barbara u ħafna verġni oħra qaddisa u ħadu l-mewt għal Kristu bla qatt ma ddubitaw lanqas l-iċken kelma Tiegħu.” Kif sema’ dan il-kliem id-dubji kollha ħallewh u t-tentazzjoni għaddiet. Wara dan, lil kull min kien ikollu dubji ta’ din ix-xorta kien igħidlhom: “Emmnu kif għamlet Sant’Anjese, u hekk qatt ma tiżbaljaw fil-fidi.”

XII

Insibu wkoll xi ftit dettalji dwar l-esperjenzi mhux tas-soltu tal-venerabbli Dumnikan Patri Franġisk Lerma. Dan is-saċerdot twajjeb bil-ftit ‘il ftit tilef id-dawl t’għajnejh, sakemm ma baqax kapaċi jqaddes. Hu aċċetta dan is-salib b’paċenzja anġelika, għalkemm kien jixtieq ħafna li jkun kapaċi jqaddes. Tant kien jixtieq li jkun jista’ joffri l-quddiesa li saħansitra talab lit-Tabib Divin biex ireġġagħlu lura d-dawl anke sakemm jiċċelebra l-quddiesa biss. Wara li talab bil-qalb skont din l-intenzjoni ħassu li għandu jiftaħ il-missal. B’għaġeb kbir seta’ jaqra l-kliem. B’ferħ kbir daħal fis-sagristija, libes l-abiti sagri u resaq lejn l-altar. Wara li qaddes, daħal lura fis-sagristija fejn għal darba oħra reġa’ sab ruħu bla dawl. Dan l-espisodju beda jiġri ġurnata wara oħra: Patri Lerma kien jara sakemm jiċċelebra l-quddiesa biss iżda wara li jħalli l-altar kien jerġa’ jitlef id-dawl.

XIII

Ma nsibu l-ebda awtorita’ dwar il-każ li ser niktbu fuqu, iżda jgħidulna illi tfajla ġermaniża fis-sena 1584 iddeċiedet li tmur kontra l-liġi tal-Knisja u titqarben nhar l-Għid filgħodu mingħajr ma kienet osservat is-sawma. Dak inhar stess ġiet invażata mix-xitan li baqa’ jitturmentaha b’manjieri tal-biża’ għal ħafna xhur. Matul dan iż-żmien la kienet tara u lanqas tisma’, b’rawgħa f’ħalqha u tgħażżeż snienha; sofriet konvulżjonijiet serji u twal u wriet kull xorta ta’ mġiba mhux normali. Ix-xitan ġieli kaxkarha f’post għoli fid-dar jew post iktar baxx u ġieli sabuha mdendla ma’ siġra.

Fl-aħħar il-missier kellem lill-arċipriet bil-problema. Dan berkilhom id-dar, poġġa Kurċifiss fil-kamra tat-tifla u dendel xi relikwji ma’ għonqha. Sar talb pubbliku fi djar reliġjużi u fl-iskejjel. Iżda t-tifla rreżiżtiet. Irmiet l-Kurċifiss, qattgħet ir-relikwji ta’ ma’ għonqha u kompliet b’aktar qawwa fl-imġiba xejn normali tagħha. Fl-aħħar ħasbuha li jeħduha fil-knisja viċin f’Hilfsburg fejn kienet miżmuma r-relikwja tal-qaddis Arċisqof San Bonifaċju, l-Appostlu tal-Ġermanja. Daħħluha fil-knisja b’diffikulta’ kbira. Hekk kif poġġewha quddiem l-altar tas-Santissmu Sagrament il-qawwa tax-xitan li kellha fuqha spiċċat u t-tifla reġgħet ġiet għan-normal.

XIV

Fost il-ġenerali li servew lir-Re Luiġi XIV ta’ Franza (irrenja mill-1643 -1715), il-Ġeneral Turenne kien magħruf mir-re bħala l-aktar kuraġġuż u kien l-aktar wieħed irrispettat mill-membri tal-qorti. Turenne iżda kien Kalvinista, żball li ma riedx joħroġ minnu minkejja x-xewqa tar-re u l-isforzi li għamel il-magħruf oratur u Isqof Bossuet. Turenne kellu ħafna preġudizzji kontra l-Knisja. Kien b’mod speċjali, kontra t-tagħlim tal-Preżenza Rejali ta’ Kristu fis-Santissmu Sagrament li għalih kien jidher li ma jitwemminx, għalkemm kien jammetti li tagħlim bħal dan huwa sabiħ u konsolanti għal dawk imberkin bil-fidi. Kien stqarr: “Li kelli nikkonvinċi ruħi mill-Preżenza Rejali ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, miftuħ mal-art kont naduraH bla waqfien.

Minkejja r-ras iebsa ta’ Turenne l-Isqof ta’ Bossuet kompla jiddiskuti miegħu din id-duttrina; kienu jiltqagħu ma’ xulxin għal dan l-iskop fil-Louvre, il-palazz illum użat bħala gallerija tal-arti. Waqt waħda minn dawn il-laqgħat indunaw li waħda mill-galleriji kienet qegħdha taqbad. Meta ra n-nar ihedded li jeqred ħafna xogħolijiet tal-arti, Turenne telaq igħin in-nies fl-isforzi tagħhom biex jitfu n-nar. Sar kull mezz possibli biex jikkontrollaw in-nirien, iżda kien kollu għalxejn.

L-isqof meta ra l-immensita’ tan-nirien u tal-periklu ħass impuls divin. B’ħeffa kbira telaq lejn il-kappella, qabad il-pissidi bis-Santissmu Sagrament biex imur bih faċċata tan-nirien. Wara li għadda minn ġo sħab ta’ duħħan wasal qrib in-nirien u ta l-Barka Sagramentali. F’daqqa waħda n-nirien bdew imajnaw sakemm fl-aħħar intfew għal kollox. Il-ħaddiema stagħġbu bil-qawwa u l-majesta’ ta’ dan il-Miraklu u niżlu għarkopptejhom jaduraw is-Santissmu Sagrament, li issa aċċettawh b’fidi qawwija. Sa minn meta ġara dan il-Miraklu fl-1667 sakemm miet jingħad li Turenne ħabb u pprattika l-vera fidi u adura bl-umilta’ kollha u b’devozzjoni r-Redentur Qaddis preżenti fis-Sagrament tal-altar.

XV

Wara li ntlaħaq il-ftehim bejn Napuljun u l-Papa fl-1802, il-knejjes ta’ Franza reġgħu ġew miftuħa. Dan l-avveniment ħabat maċ-ċelebrazzjoni ta’ Corpus Christi li ħabtet ukoll nhar il-festa tal-qaddis padrun tar-raħal żgħir ta’ Creteil. Għalhekk ġiet ippjanata ċelebrazzjoni li tagħti ġieħ lil dawn it-tliet avvenimenti.

Waqt li kienu jnaddfu l-knisja, jippjanaw minn fejn kellha tgħaddi l-purċissjoni bis-Sagrament u jwaqqfu altar barra, tfajla żgħira mir-raħal li kien jisimha Henrietta Crete ftakret fl-episodji tal-iskrittura fejn il-morda kienu jitressqu quddiem Ġesu’ waqt li kien ikun għaddej. Hi ħasbet li l-ħniena Tiegħu għall-batuti baqgħet żgur l-istess. Għalhekk fasslet pjan li segwietu ma’ sħabha.

Dik il-ħabta tfajla oħra Augustina Mourette li kienet bint negozjant tal-inbid kienet tilfet l-użu ta’ dirgħajha, riġlejha u l-vuċi b’riżultat ta’ marda. Kien ilha tminitax-il xhar paralitika.

Dak inhar taċ-ċelebrazzjoni, Henrietta Crete u sħabha, lebsin l-abjad u bil-velu f’rashom marru għand il-marida. Dawn libsuha l-ilbies tal-festa u ħarġuha fuq siġġu tad-dirgħajn ħdejn l-altar li kien hemm barra. Hawn qagħdu jistennew li tasal il-purċissjoni. Meta wasal is-saċerdot bis-Santissmu Sagrament it-tfajliet niżlu għarkopptejhom madwar Augustina u talbu b’devozzjoni kbira għall-fejqan tagħha. Is-saċerdot impressjonat bil-fervur tagħhom tella’ l-ostensorju ‘l fuq u bierek il-marida waqt li rreċita t-talba tas-soltu għall-morda. Hekk kif spiċċat il-Barka kull min kien preżenti ra lil Augustina tqum minn fuq is-siġġu mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd u tinżel għarkupptejha biex tirringrazzja u tadura t-Tabib Divin. Augustina Mourette kienet kompletament imfejjqa.

XVI

F’Mejju tal-1847 iċ-ċelebri mużiċista u pjanista Hermann Cohen, Lhudi mwieled f’Hamburg, kien jinsab Pariġi għal serje ta’ kunċerti. Il-Prinċep ta’ Moskowa, ħabib tal-pjanista, kien f’dak iż-żmien imexxi l-kor waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Mejju fil-knisja ta’ San Valere.

Hermann Cohen aċċetta l-istedina mingħand il-Prinċep biex imexxi l-kor waqt waħda miċ-ċelebrazzjonijiet imma kien distratt u ma ġabx ruħu tajjeb waqt il-priedka u anke qagħad jitkellem ma’ ta’ ħdejh. Iżda meta wasal il-ħin tal-Benedizzjoni, l-imġiba tiegħu nbiddlet għal kollox. Huwa nnifsu jirrakkonta:

“Għalkemm ma ħassejtnix li għandi ninżel għarkupptejja mal-poplu, iżda ġo fija ħassejt tqanqil li ma nistax nispjegah. Ruħi, li hi mdorriha fid-distrazzjonijiet tad-dinja, ħassejtha sabet postha u kont fl-istess ħin konxju li ġrat xi ħaġa ġo fija li sa dak il-ħin kont għadni ma nafx x’inhi. Mingħajr ma qgħadt naħseb inżilt għarkupptejja. Fil-ħin li ngħatat il-Benedizzjoni Sagramentali ħassejt ġo fija ċaqliq ħelu iżda li ma jitfissirx. Erġajt attendejt il-Ġimgħa ta’ wara u ħassejt l-istess ċaqliq interjuri biss din id-darba iktar qawwi minn ta’ qabel, u ħassejt bħal piż jagħfas fuq dahri biex nerġa’ ninżel għarkupptejja. Obdejt kontra r-rieda tiegħi, u f’daqqa waħda għadda b’qawwa kbira dan il-ħsieb minn għalija: “Hemm bżonn insir kattoliku!”

Ftit ġranet wara li ġara dan inzertajt għaddej minn ħdejn l-istess knisja ta’ San Valere. Il-qanpiena kienet idoqq għall-quddiesa. Jien dħalt fid-dar ta’ Alla, u bqajt bħala spettatur ta’ dan l-Imqaddes Sagrifiċċju. Smajt quddiesa, tnejn, tlieta. Ma stajtx nifhem x’kien qiegħed iżommni hemm. Għal filgħaxija erġajt sibt ruħi mġiegħel immur lejn l-istess knisja, kontra qalbi; il-qanpiena dehert issejjaħli. Sibt illi s-Santissmu Sagrament kien espost u hekk kif ilmaħtu ħassejtni miġbud lejn it-tarġa tat-tqarbin u nżilt għarkupptejja. Din id-darba tbaxxejt mingħajr ebda reżistenza fil-ħin tal-Benedizzjoni, u meta qomt mill-art ħassejt mistrieħ mhux tas-soltu ġewwa ruħi. Mort lura f’kamarti u nxtħett fuq is-sodda, iżda matul il-lejl kollu l-ispirtu tiegħi, jekk kienx rieqed jew imqajjem, kien kontinwament jaħseb fuq is-Santissmu Sagrament. Kont nistenna bla paċenzja għal ħin tal-quddiesa u minn dak inhar ‘l quddiem jien smajt ħafna quddies kuljum f’San Valere u dan ġabli ferħ interjuri li mlieni.”

Sa dan iż-żmien il-pjanista kien iħares lejn il-kattoliċi bħala nies ta’ min iwarrabhom, iżda issa ħass ix-xewqa kbira li jitkellem ma’ saċerdot dwar l-esperjenzi tiegħu. Ħajruh ikellem lil Abbe’ Legrand, iżda kif qal Hermann stess, “… ix-xitan kien għadu mhux mirbuħ.” Il-kunċerti tiegħu kienu mezzi ta’ qliegħ kbir ta’ flus u dawn ġagħluh jintefa’ għax-xalar mondan.

Wara li ta kunċert f’Elms nhar it-8 t’Awwissu, 1847 mar fi knisja u attenda għall-quddiesa. Ġietu l-grazzja tal-indiema perfetta. Għoxrin ġurnata wara rċieva s-Sagrament tal-Magħmudija minn idejn Abbe’ Legrand. Wara li rċieva l-Griżma tal-Isqof ma hediex jgħid, “Sibtu lil dak li nħobb. Hu sar tiegħi u jiena Tiegħu. Qatt iktar ma jien ser inħallih jitlaqni.”

Ftit taż-żmien wara Hermann wasal sal-kappella tas-Sorijiet Karmelitani fejn kien espost is-Santismu Sagrament. Impressjona ruħu meta sar jaf li wħud minn dawn is-sorijiet igħaddu l-lejl quddiem l-Ewkaristija, u għalhekk iddeċieda li jwaqqaf konfraternita’ ta’ rġiel biex jagħmlu l-istess devozzjoni. Twaqqfet din l-Assoċjazzjoni u nhar is-6 ta’ Diċembru 1848 għamlu l-ewwel lejl adorazzjoni. Minn dak iż-żmien ‘l hawn din il-konfraternita’ tferxet ma’ Franza kollha.

Hekk mixgħul bl-imħabba lejn Ġesu’ Ewkaristija, Hermann daħal fl-Ordni Karmelitan fl-1849 u ħa l-isem ta’ Wistin Marija tas-Santissmu Sagrament. Wara rċieva wkoll l-Ordni Sagri.

Hekk il-famuż mużiċista li ġġerra mal-Ewropa jgħaġġeb lil kull min semgħu bit-talenti tiegħu, issa narawh jivvjaġġa biex ixandar il-glorja tas-Santissmu Sagrament u l-ferħ għal dawk li jilqgħuh u jadurawh.

Ġie mistieden biex jippriedka fl-Ingilterra u f’Kensington, waqqaf il-knisja sabiħa ta’ San Xmun Stock u nħatar bħala l-ewwel pirjol ta’ dan il-monasteru.

XVII

Fl-istorja tal-Knisja fl-Irlanda nsibu tlett ġrajjiet Mirakulużi li jidhru fil-kitba ta’ Wadding (miet fl-1657) li kien kittieb tal-istorja u teologu.

L-ewwel ġrajja saret fi żmien in-Normanni li kellhom ħeġġa kbira għall-bini ta’ knejjes u monasteri; u ma naqasx li l-Irlandiżi kellhom devozzjoni kbira għall-quddiesa ta’ kuljum.

Ir-rakkont igħid hekk:
“Edmund Butler il-Baruni ta’ Cahir kien bħas-soltu jisma’ l-quddies fil-Knisja Franġiskana ta’ Clonmel meta ġew igħidulu illi l-Konti ta’ Ormond u l-Baruni ta’ Dunboyne kienu ġejjin b’forza kbira jinvadaw it-territorju tiegħu. Bla ma kkonfonda ddeċieda li jisma’ l-quddiesa sal-aħħar, għax ħasibha illi l-għadu iktar jista’ jintrebaħ bit-talb milli bil-forza u ma hemmx telf li tassisti għas-Sagrifiċċju sal-aħħar. U hekk wara l-quddiesa, hu flimkien ma’ xi familjari u suldati rnexxielu jirbaħ lura kull ma kienu ħadulu u jġiegħel l-għadu jaħrab tellief.”

Għall-bidu tas-seklu 17 il-Protestanti fl-Irlanda qajmu persekuzzjoni ħarxa kontra l-Knisja. Saċerdoti sfaw il-ħabs jew maqtula, l-ordinazzjonijiet kienu miżmuma u l-fidili sofrew kull xorta ta’ tbatija. U hekk naraw it-tieni ġrajja Mirakuluża li tibda meta l-viċi Lord tal-Irlanda stieden il-kunsill kollu għall-ikla, u għall-mogħdija taż-żmien qabbad lill-kummidjant biex jilgħab il-parti ta’ buffu.

“… U dan il-kummidjant biex jogħġob lill-Kunsill li kien protestant beda jimita lill-kattoliċi waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, tant hu hekk li qabad biċċa ħobż, qal il-kliem tal-konsagrazzjoni u taparsi elevaha. L-istess mod għamel b’vażett bil-birra, iżda hawn ir-raġel stabat żlugat u mejjet mal-art. Il-Kunsill ipprova jgħatti l-Miraklu, iżda f’ħakka t’għajn xterdet l-aħbar ma’ kullimkien.”

XVIII

It-tielet Miraklu sar f’Waterford:
“James Daton, Patri Franġiskan, kien qiegħed iqaddes f’dar ta’ wieħed sekular meta sab ruħu assedjat mis-suldati waqt l-Elevazzjoni. Meta qalulu u wissewh biex jaħrab, hu rrisponda li mhux ta’ min jitlaq la darba kellu s-Santissmu Sagrament f’idu li hu aqwa mis-suldati. Is-suldati daħlu iżda la raw il-folla u lanqas is-saċerdot; raw biss ħitan bojod. Dan ġara fit-18 ta’ Frar, 1609.

XIX

Miraklu ieħor sar fil-belt ta’ l’Aquila fl-Italja. L’Aquila kienet ġarrbet żewġ terremoti oħra qabel dak tat-2 ta’ Frar, 1703. F’dan mietu madwar 2,000 ruħ li ħafna minnhom kienu fil-knisja. Beda għall-ħabta tat-tqarbin iżda tant kien qawwi li l-knisja malajr iġġarrfet. Meta sar it-tiftix instab is-saċerdot mejjet bil-pissidi f’idejh. Madwaru nstabu 200 Ostja sħaħ u bla minsusa u dan ġie ddikkjarat bħala Miraklu.

XX

F’dawn l-aħħar żminijiet naraw il-Mirakli li jsiru f’Lourdes waqt it-tberik tal-morda bis-Santissmu Sagrament. Fost l-aktar famużi nsibu l-fejqan ta’ żewġ ħaddiema: Gabriel Gargam (Franċiż) fil-1901 u Jack Traynor (Ingliż) fl-1923. It-tnejn kienu korrew gravi u ma setgħux jimxu. Gabriel fieq waqt it-tberik tal-morda wara li fit-tqarbin kien irċieva grazzji kbar fosthom fejqan spiritwali. Il-fejqan ta’ Jack beda waqt il-ħasil tiegħu fl-ilma ta’ Lourdes u tkompla hekk kif is-saċerdot għamel is-sinjal tas-salib fuqu permezz tas-Santissmu Sagrament. Dan il-Miraklu instema’ mal-Ingilterra u rriżultaw ħafna konverżjonijiet.