184. Riflessjoni fuq Luqa 11: 37-41

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 37-41

Luke 11 37-41

L-Evanġelju skont San Luqa 11: 37-41

[Lq:11:37] F’dak iż-żmien, Ġesu huwa u jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu għall-ikel. Daħal għandu u qagħad bilqiegħda.

[Lq:11:38] Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabel xejn ma nħasilx skond ir-riti ta’ qabel l-ikel.

[Lq:11:39] U l-Mulej qallu: “U issa intom il-Fariżej! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, iżda minn ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen.

[Lq:11:40] Kemm intom bla moħħ! Min għamel in-naħa ta’ barra, ma għamilx ukoll in-naħa ta’ ġewwa?

[Lq:11:41] Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġesu’ wasal biex għajjar lill-Fariżej ipokriti u wiċċ b’ieħor?

Il-kelma ipokrita tfisser attur. Xi ħadd li jagħmel ‘show’ bih innifsu biex jiġbed l-attenzjoni fuqu. Dawn il-Fariżej minħabba l-istil ta’ ħajja li kienu jgħixu kienu jaħsbu li huma l-aqwa u l-aħjar u l-aktar nies tajba u li jixraqilhom il-qima. Kienu nies mill-aktar suppervi u jaraw lil kulħadd madwarhom bħala inferjuri għalihom. Ġesu’ uriehom li f’dak li kienu jagħmlu kienu qed jinsew dak li hu l-essenzjal bħal ġustizzja u l-imħabba t’Alla. Kienu wkoll tilfu l-viżjoni tagħhom dwar Alla u dwar l-iskop tal-liġi.

Ħsieb għal Qalbek …

Dawn il-Fariżej kienu jpoġġu fuq l-oħrajn toqol żejjed u ordnijiet imma jonqsu milli juruhom il-karita’ b’mod speċjali ma’ dawk li kienu dgħajfa u fqar. L-essenza tal-Kmandamenti t’Alla hi l-imħabba. L-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu. Alla huwa mħabba u dak kollu li jagħmel joħroġ minn din l-istess imħabba li għandu għalina. L-imħabba titlob sagrifiċċju. Hi mħabba li tgħannaq u terfa’ t-toqol tal-oħrajn.

Inti tħalli din l-imħabba t’Alla titrasforma lil moħħok u lil qalbek?

Itlob …

Mulej, imlieni bi mħabbtek u bil-ħeġġa għas-Saltna tiegħek. Agħmel li jien naġixxi bi ħniena, b’ġentilezza u b’ġustizzja fir-relazzjonijiet tiegħi mall-oħrajn u f’dak kollu li jiena nagħmel.

Marija Ommi, int li int ix-xempju tal-umilta’. Għallimni nilqa’ t-twissijiet t’Ibnek u nasal nindem mis-suppervja tiegħi u nistqarr li neħtieġ lil Alla biex jaħfirli u jurini kif għandi nikber fil-qdusija li hu jrid jara fija. Ammen.

182. Riflessjoni fuq Luqa 11: 15-26

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 15-26

jesus+divinity

L-Evanġelju skont San Luqa 11: 15-26

[Lq:11:15] Iżda xi wħud minnhom qalu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten.”

[Lq:11:16] Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema.

[Lq:11:17] Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa’ dar fuq oħra.

[Lq:11:18] Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten.

[Lq:11:19] Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom.

[Lq:11:20] Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.

[Lq:11:21] Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur.

[Lq:11:22] Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu.

[Lq:11:23] Min m’huwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.

[Lq:11:24] “Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f’art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid, ‘Mela nerġa’ lura lejn dari mnejn ħriġt.’ [

Lq:11:25] U x’ħin jiġi, isibha miknusa u kollox f’postu.

[Lq:11:26] Mbagħad imur iġib seba’ spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f’qagħda agħar minn ta’ qabel.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int tagħmel użu sħiħ mill-protezzjoni spiritwali li l-Mulej jipprovdi għall-poplu tiegħu?

Il-Mulej jassigurana mill-protezzjoni tiegħu mill-ħsara spiritwali. Salm 91 versi minn 9 sa 11 insibu: ‘Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt ‘l Għoli għamara tiegħek. Ebda deni ma jiġirlek; ebda ħsara ma tersaq lejn darek, għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek u jħarsuk fi triqatek kollha.’

In-numru vast t’eżorċiżmi li għamel Ġesu’ kienu jġibu l-ħelsien lil ħafna li kienu mħabbta u oppressi mill-ħidma tal-ispirti ħżiena. Ġesu’ nnifsu intaqa’ m’oppressjoni personali u ssahra max-xitan meta għadda mit-tiġrib fid-deżert propju qabel ma beda l-ħajja ministerjali tiegħu. Hu rebaħ fuq l-ħażin bl-ubbidjenza tiegħu għar-rieda tal-Missier. Uħud mill-kapijiet Lhud opponew bl-aħrax il-fejqan u l-eżorċiżmi ta’ Ġesu’ u saħansitra akkużawh li hu nnifsu kellu qawwa satanika biex seta’ jwettaq dan kollu.

Kif seta’ jġib il-qawwa u l-awtorita’ biex jeħles individwi mis-setgħa tax-xitan?

Ġesu’ wieġeb għal dawn l-akkużi li kienu qegħdin isirulu billi qal illi l-eżorċisti l-oħra ta’ żmienu wkoll allura setgħu jiġu akkużati bl-istess mod. Jgħidilhom li saltna maqsuma fiha nnfisha ma setgħetx iżżomm. Li kieku Satana kellu jsellef il-qawwa tiegħu biex tintuża kontra s-saltna tiegħu stess, allura s-saltna tiegħu kienet tisfa’ meqruda.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu l-punt ta’ Ġesu’ fir-rakkont tal-istorja dwar id-dar battala li tiġi okkupata mill-forzi tal-ħażen?

Mhux biżżejjed li naqtgħu l-ħsibijiet u d-drawwiet ħżiena. Irridu wkoll nimlew il-vojt b’Alla li hu l-għajn tat-tajjeb u s-sewwa kollu. Kien għalhekk li Santu Wistin jgħid: ‘Int ħlaqtna għalik o Alla u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx Fik.’

U int biex timla l-vojt tal-qalb tiegħek?

Ġesu’ jagħmilha ċara li m’hemmx partiti newtrali. Jew aħna għal Ġesu’ jew kontrih. Jew għas-Saltna t’Alla jew kontriha. Jekk ma nobdux il-Kelma t’Alla, inkunu niftħu bieb għas-setgħa tad-dnub u tax-xitan li jaħkmuna. Jekk irridu ngħixu fil-liberta’ mid-dnub u mix-xitan, allura d-dar tagħna, jiġifieri r-ruħ u l-qalb tagħna, iridu jkunu okkupati b’Ġesu’ fejn inħalluh isaltan bħala s-Sid, is-Salvatur u l-Mulej.

U int qiegħed tgħix fil-paċi u s-sigurta’ ta’ ħajja sottomessa għal Alla u għall-Kelma tiegħu? Jew qed tħalli xi spazju minn fejn ix-xitan jista’ jħott it-tajjeb li fadal fik u b’hekk isaltan hu bid-dnub u l-mewt fil-ħajja tiegħek?

Itlob …

Mulej, kun int li ssaltan fil-qalb tiegħi u s-Sid tad-dar tiegħi.

Għażiża Marija, Tempju fejn jgħammar Alla, tħalli xejn f’ħajti li ma jkunx taħt is-setgħa t’Ibnek, l-uniku Re li jsaltan bl-imħabba, bil-ħniena u fis-sewwa, biex bħalek jiena ngħix fil-mistrieħ li jiġi mill-kenn li joffrili Hu u taħt il-protezzjoni materna tiegħek. Żomm, Marija, ‘l uliedek kollha taħt il-mant tiegħek u ħarisna mill-ħażin. Ammen.

181. Riflessjoni fuq Luqa 19: 1-10

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 19: 1-10

Capture

L-Evanġelju skont San Luqa 19: 1-10

[Lq:19:1] Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq.

[Lq:19:2] Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani.

[Lq:19:3] Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir.

[Lq:19:4] Għalhekk mar jiġri ‘l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.

[Lq:19:5] Ġesù, kif wasal hemm, ħares ‘il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.”

[Lq:19:6] Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu.

[Lq:19:7] In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.

[Lq:19:8] Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd inroddlu għal erba’ darbiet iżjed.”

[Lq:19:9] Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham.

[Lq:19:10] Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’kont tagħmel li kieku Ġesu’ jħabbatlek mall-bieb u jgħidlek: ‘Illum hemm bżonn li niġi noqgħod għandek?’ Kont tifraħ jew tħossok imbarazzat? Ġesu’ spiss kien jieqaf għand xi ħadd f’ħin bla waqt u spiss kien iżur dawk li ħadd ma jistednihom. Il-foqra, in-nies b’diżabbilta’ u anki l-midinbin pubbliċi bħal Żakkew li kien jiġbor it-taxxi. Dawk li kienu jiġbru t-taxxi kienu nies iddisprezzati u ttrattati bħala maqtugħin mill-kumplament tal-poplu. Bla dubju għax kienu jakkumulaw għana kbir minn fuq dahar ħaddieħor. Żakkew kien kmandant ta’ dawk li kienu jiġbru t-taxxi u n-nies kienet tobgħodu.

Ħsieb għal Qalbek …

X’kien Ġesu’ tefa’ l-attenzjoni tiegħu fuq Żakkew u għażel li jonorah bil-preżenza tiegħu f’daru stess?

Żakkew kellu bżonn il-ħniena u l-imħabba t’Alla u fil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesu’ hu sab aktar milli immaġina possibli. Hu juri d-dispjaċir u l-indiema profonda tiegħu għall-ħajja ta’ qerq li kien qed jgħix billi jiddeċiedi li jagħti nofs ġidu lill-foqra u li juża n-nofs l-ieħor biex jirritorna dak li kien seraq.

It-testimonjanza ta’ Żakkew tinkludi iżjed minn kliem. Il-bidla tal-qalb waslet biex jibdel ħajtu. Bidla li l-komunita’ setgħet tesperjenza bħala ġenwina. Il-Mulej dejjem lest biex jonorana bil-preżenza tiegħu fid-djar tagħna.

U inti għandek spazju għal Alla fil-qalb tiegħek, f’darek u f’ħajtek?

Itlob …

Mulej, ejja u oqgħod magħna. Imla lil darna bil-preżenza tiegħek u imla lil qalbi bit-tifħir tiegħek.

Marija, Omm kollok ħniena, għinni nuri ħniena, mogħdrija u nkun ġentili ma’ kulħadd anke ma’ dawk li jikkawżawli l-ħsara bħal ma’ int u Ibnek għamiltu u għadkom tagħmlu magħna midinbin. Ammen.

180. Riflessjoni fuq Luqa 11: 1-4

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 1-4

Brooklyn_Museum_-_The_Lord's_Prayer_(Le_Pater_Noster)_-_James_Tissot

L-Evanġelju skont San Luqa 11: 1-4

[Lq:11:1] Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.”

[Lq:11:2] U qalilhom: “Meta titolbu, għidu, ‘Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.

[Lq:11:3] Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

[Lq:11:4] U aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib.'”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tistenna li Alla jisma’ t-talb tiegħek?

Ġesu’ ried jgħolli l-aspettattivi tad-dixxipli tiegħu meta għallimhom kif jitolbu.

Ħsieb għal Qalbek …

Missierna tas-sema jagħtina b’ġenerożita’ aktar milli qatt nistgħu nistennew. Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu b’kunfidenza għaliex Missierna tas-sema fit-tjieba tiegħu dejjem lest jisma’ t-talb tagħna u għalhekk li nistgħu nitolbu b’asserzjoni u b’konvinzjoni: ‘Ħobżna ta’ kuljum; agħtina llum.’ Dawk li jafu u jafdaw fl-imħabba t’Alla, jitolbu bl-akbar kunfidenza.

Ġesu’ jikkonkludi billi jfakkarna li biex wieħed jobdi u jwettaq il-liġi u l-profeti għandu jitratta lill-proxxmu bl-istess mod kif aħna nixtiequ niġu trattati minn Alla u mill-istess proxxmu tagħna. Mhux biżżejjed li nevitaw milli nagħmlu ħsara lill-oħrajn, huwa importanti li nfittxu li nagħmlulhom il-ġid.

U inti b’liema mod qed tagħti mill-ġid li tista’ lill-oħrajn u titlob biex taqla’ mingħand Alla l-ġid li hu jixtieq jagħtik?

Itlob …

Agħtini li nħobbok Mulej tiegħi u Alla tiegħi u nara lili nnifsi kif jien tassew: pellegrin fuq din l-art, nisrani msejjaħ biex nirrispetta u nħobb lil dawk kollha li inti tlaqqani magħhom, il dawk li jinsabu fl-awtorita’ fuqi jew taħt l-awtorita’ tiegħi, lil ħbiebi u lill-għedewwa tiegħi.

Għinni, għażiża Marija, biex nirbaħ ir-rabja bil-ġentilezza, il-kilba bil-ġenerożita’ u l-apatija bil-fervur. Għallimni ninsa lili nnifsi u ngħin lill-oħrajn f’kulma nista’ fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u l-aktar f’dawk tar-ruħ. Ammen.

179. Riflessjoni fuq Luqa 10: 25-37

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 25-37

maxresdefault

L-Evanġelju skont San Luqa 10: 25-37

[Lq:10:25] F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrb lil Ġesu’ staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”

[Lq:10:26] Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”

 [Lq:10:27] U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”

[Lq:10:28] “Sewwa weġibt,” qallu Ġesù,”agħmel hekk u tgħix.”

[Lq:10:29] Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”

[Lq:10:30] U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet.

[Lq:10:31] Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer.

[Lq:10:32] Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer.

[Lq:10:33] Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru.

[Lq:10:34] Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu.

[Lq:10:35] L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu,”Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.’

[Lq:10:36] Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”

[Lq:10:37] “Min ħenn għalih,” wieġbu dak.”Mur,” qallu Ġesù,”u agħmel hekk int ukoll.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Fi żmien Ġesu’ bil-Kelma proxxmu l-Lhud kienu jifhmu dawk tal-istess twemmin u nazzjon tagħhom imma Ġesu’ bit-tweġiba li ta wera li Alla kellu idea aktar wisgħa minn dik tagħhom. Bil-parabbola li Ġesu’ jirrakkonta juri kemm hi wisgħa l-imħabba u l-ħniena t’Alla lejn kulħadd.

Ħsieb għal Qalbek …

Għaliex jirrakkonta li l-kbarat reliġjużi rrifjutaw li jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-vittma? U għaliex kellu jkun Samaritan iġifieri bniedem li lanqas biss kien f’termini tajba mal-Lhud li jitratta lill-vittma b’mod tant tajjeb u b’ġenerożita’ kbira?

Probabbilment il-qassis ma riedx il-possibilta’ li jsir ritwalment imniġġes. Dan il-ħsieb żammu ‘l bogħod milli jġib ruħu ta’ proxxmu. Il-levita’ seta’ ħaseb li l-vittma kien bħal lixka biex il-ħallelin jaqbżu fuqu wkoll. Mela l-levita’ poġġa s-sigurta’ personali tiegħu nnifsu qabel is-salvazzjoni tal-proxxmu tiegħu.

U inti lest tgħin lill-proxxmu tiegħek anke jekk dan ikun ġab il-ħsara fuqu b’idu stess? Kemm hi wisgħa t-tifsira tiegħek tal-kelma ‘proxxmu’? Lest li ma tagħmilx distinzjoni? Lest li fuq l-eżempju ta’ Ġesu’ u ta’ tant qaddisin tagħti ħajtek għall-proxxmu tiegħek?

Itlob …

Għażiż Ġesu’, agħmel li narak illum u kuljum fil-persuna tal-marid ta’ dawk li jirritawni, ta’ dawk li magħhom ma nirraġunax. Agħmel li xorta nagħrfek fihom ilkoll.

Marija ommi, b’talbek wassalni biex bħal ma’ Ibnek u inti tieħdu ħsieb tiegħi bil-paċenzja kollha minkejja d-difetti tiegħi, jiena jkolli l-istess attitudni lejn il-proxxmu tiegħi kollu. Agħmel li nasal inservi l-proxxmu tiegħi bi mħabba għalikom. Għallimni għażiża Marija biex inżomm f’moħħi l-kliem t’Ibnek li qalilna: ‘Dak li tagħmlu mall-oħrajn tkunu qed tagħmluh miegħi.’ Ammen.

178. Riflessjoni fuq Luqa 10: 17-24

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 17-24

170-jesus-discourses-with-his-disciples-luke-11_9-13-1886-96-17-3-x-29-7-cm

L-Evanġelju skont San Luqa 10: 17-24

[Lq:10:17] F’dak iż-żmien, it-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek!”

[Lq:10:18] U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema.

[Lq:10:19] Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta’ l-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom.

[Lq:10:20] Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.”

[Lq:10:21] F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.

[Lq:10:22] Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.”

[Lq:10:23] Mbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom.

[Lq:10:24] Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Tixtieq tkun taf il-ħsibijiet t’Alla?

Ġesu’ jirringrazzja lill-Missier tas-sema talli wera lid-dixxipli l-għerf u l-għarfien tiegħu.

Xi tgħidilna t-talba li talab Ġesu’ dwar Alla u dwarna nfusna?

L-ewwelnett tgħidilna li Alla hu kemm il-Misser kif ukoll il-Mulej tas-sema u l-art, imma fl-istess waqt hu wkoll mimli tjieba, imħabba u jagħti kas tal-ħtiġijiet tagħna wliedu. It-talba ta’ Ġesu’ tinkludi wkoll twissija li s-suppervja tista’ żżomm ‘l bogħod mill-imħabba u l-għarfien t’Alla.

X’jagħmilna b’nuqqas ta’ għarfien u għomja għall-ħwejjeġ ta’ Alla?

Ċertament is-suppervja ta’ meta naħsbu li nafu ħafna, l-indifferenza u l-bruda f’qalbna u r-ras iebsa tagħna li jħallu ‘l Alla u lis-Saltna tiegħu ‘l barra minn ħajjitna.

Ħsieb għal Qalbek …

Is-suppervja hija l-għerq ta’ kull vizzju u l-akbar influwenza tagħna li twassalna biex nidinbu. Hi l-ewwel taħkem il-qalb tagħna tagħmilha kiesħa u indifferenti lejn Alla. Hi wkoll tagħlqilna moħħna għall-verita’ t’Alla f’ħajjitna.

X’inhi s-suppervja?

Hija l-imħabba żbaljata tagħna nnfusna għad-dannu tal-oħrajn u ammirazzjoni eseġerata tat-tagħlim li wieħed għandu u tal-importanza tiegħu nnifsu.

Inti umli biżżejjed li tagħraf ix-xejn tiegħek quddiem Alla u kemm hu jista’ jimliek bl-għerf tiegħu u jgħinnek tikber fl-umilta’ li jixtieq minnek u li togħġbu?

Itlob …

Mulej, agħtini l-umilta’ u s-sempliċita’ bħal tat-tfal. Agħtini wkoll is-safa tal-fidi biex inkun nista’ nżomm ħarsti fuqek mimlija bil-ferħ u l-kunfidenza lejn l-imħabba kollha ħniena tiegħek. Neħħili kull dubju, biża’ u attitudni supperva li jistgħu jfixkluni milli nirċievi l-Kelma tiegħek b’fiduċja u b’sottomissjoni umli lejk. Ammen.

177. Riflessjoni fuq Luqa 10: 1-12

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 1-12

DisciplesTissot.144361670196

L-Evanġelju skont San Luqa 10: 1-12

[Lq:10:1] Fdak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu.

[Lq:10:2] U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.

[Lq:10:3] Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.

[Lq:10:4] Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.

[Lq:10:5] Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Is-sliem lil din id-dar.’

[Lq:10:6] U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom.

[Lq:10:7] Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra.

[Lq:10:8] F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom;

[Lq:10:9] fejjqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.’

[Lq:10:10] Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu,

[Lq:10:11] ‘Sa t-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet.’

[Lq:10:12] Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Dak li kienu rċevew minn għand Ġesu’ jridu jgħadduh lill-oħrajn mingħajr ma jistennew xi ħlas għalih. Riedu juru bl-attitudni tagħhom li l-ewwel interess tagħhom huwa Alla u mhux il-qliegħ materjali. Riedu jservu mingħajr skopijiet ħżiena mimlija bil-karita’ u l-paċi u bis-sempliċita’. Riedu jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq ix-xandir tas-Saltna t’Alla u mhux jiġu mfixkla b’affarijiet t’inqas importanza. Riedu jivvjaġġaw ħfief jieħdu dak li kien l-essenzjal u jħallu warajhom dak li setgħa jiddistrathom biex ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-ħidma tax-xandir tal-Kelma t’Alla. Kellhom jagħmlu dan ix-xogħol mhux għal dak li setgħu jiksbu minnu, imma għal dak li setgħu jagħtu b’xejn lill-oħrajn mingħajr ma jistennew xi privileġġi speċjali jew xi forma ta’ ħlas.

Il-faqar tal-ispirtu jeħlisna mill-kilba u l-preokkupazzjoni fuq dak li għandu jkollna u joħloq fina spazju għall-providenza t’Alla. Il-Mulej irid li d-dixxipli tiegħu jkunu dipendenti fuqu u mhux fuqhom infushom. It-tieni Ġesu’ qal: ‘Il-ħaddiem ħaqqu ħobżu.’ Hawn naraw verita’ doppja. Il-ħaddiem t’Alla m’għandux ikun ipreokkupat fuq l-affarijiet materjali, imma l-poplu t’Alla m’għandu qatt jonqos milli fid-dover tiegħu jagħti lill-ħaddiem t’Alla dak li għandu bżonn biex jgħix.

Inti titlob għall-ħidma tax-xandir tal-Evanġelju u tissaportja bir-riżorsi materjali tiegħek?

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jtemm l-istruzzjonijiet tiegħu bi twissija. Jekk in-nies tirrifjuta l-istedina t’Alla jkunu jġibu l-kundanna fuqhom infushom. Meta Alla jagħtina l-Kelma tiegħu din hemm magħha responsabbiltajiet kbar li nwieġbu għaliha. L-indifferenza m’għandix postha hawn. Bil-mod kif inwieġbu għall-Kelma jew aħna favur jew kontra Alla. Alla jagħtina l-Kelma tiegħu ħalli aħna jkollna l-ħajja fih. Hu jrid jaħdem fina u permezz tagħna għall-glorja tiegħu. Alla jaqsam il-Kelma tiegħu magħna u jibgħatna biex inxandruha b’konvinzjoni u b’sempliċita’ lill-oħrajn.

Int tagħti xhieda tal-verita’ u l-ferħ tal-Vanġelu bil-kliem u bl-eżempju tiegħek quddiem dawk ta’ madwarek?

Itlob …

Mulej agħmel li l-ferħ u l-verita’ tal-Vanġelu jitrasforma lil ħajti ħalli jien nagħti xhieda tiegħek ma’ dawk ta’ madwari. Agħtini li nxandar il-verita’ u d-dawl tiegħek kull fejn immur. Ammen.

175. Riflessjoni fuq Luqa 9: 46-50

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 46-50

Who-Is-the-Greatest

L-Evanġelju skont San Luqa 9:46-50

[Lq:9:46] F’dak iż-żmien, qamet kwistjoni bejn id-dixxipli dwar min kien l-akbar fosthom.

[Lq:9:47] Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu,

[Lq:9:48] u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir.”

[Lq:9:49] Qabeż Ġwanni u qallu: “Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f’ismek, u ridna nżommuh, għax hu m’huwiex wieħed minn tagħna.”

[Lq:9:50] Imma Ġesù qallu: “La żżommuhx, għax min m’huwiex kontra tagħkom, huwa magħkom.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Sorpriż lid-dixxipli ta’ Ġesu’ kienu qed jiddiskutu fuq min hu l-akbar fosthom?

U aħna mhux hekk nagħmlu wkoll?

Il-kilba għall-glorja u l-kobor donnhom għandhom l-għeruq fina. Ġesu’ jagħmel ġest drammatiku billi jpoġġi tfajjel ċkejken qribu biex juri lid-dixxipli min tassew hu kbir fis-Saltna tas-smewwiet. X’jista’ jgħallimna dan it-tfajjel ċkejken fuq il-kobor?

It-tfal fl-imgħoddi ma kellhomx drittijiet, pożizzjoni jew privilleġġi tagħhom. Kienu soċjalment fil-pożizzjoni tal-aħħar u fis-servizz tal-ġenituri tagħhom bl-istess mod kif kienu l-qaddejja fid-djar.

Ħsieb għal Qalbek…

X’inhu s-sinifikat tal-ġest li għamel Ġesu’?

Ġesu’ jgħolli tfajjel ċkejken fil-preżenza tad-dixxipli tiegħu billi jpoġġieh f’pożizzjoni privilleġġjata t’unur fuq il-lemin tiegħu. Hija użanza anki llum li tpoġġi lill-mistieden speċjali tiegħek fuq in-naħa tal-lemin tal-persuna importanti. Min hu l-akbar fis-Saltna t’Alla? Dawk li huma umli u ta’ qalb ħelwa li minflok jesiġu b’konvinzzjoni d-drittijiet tagħhom, bil-liberta’ jiżvujtaw lilhom infushom mis-suppervja u mill-glorja li jfittxu għalihom infushom billi jieħdu l-aħħar post dak ta’ qaddej jew dak tat-tfal.

Xi jfisser għalik li jkollok stima lejn it-tfal?

Inti tagħti eżempju tajjeb lit-tfal?

Jistgħu jżommu lilek bħala mudell fil-ħajja tagħhom?

Itlob…

Mulej, għallimni t-triq tal-umilta’ u tas-sempliċita’ tal-qalb ħalli jiena nsib il-ferħ veru fik. Agħmel li d-dawl tiegħek jiddi permezz tiegħi ħalli l-oħrajn jaraw il-verita’ u l-imħabba tiegħek u jsibu t-tama u l-paċi fik biss. Ammen.

174. Riflessjoni fuq Mattew 21: 28-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 21: 28-32

slide_1

L-Evanġelju skont San Mattew 21: 28-32

[Mt:21:28] Fdak iż-żmien Ġesu qal: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu, ‘Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli.’

[Mt:21:29] U dak qallu, ‘Ma rridx.’ Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar.

[Mt:21:30] Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. ‘Arani sejjer, sidi,’ qallu dan, u ma mar xejn.

[Mt:21:31] Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?””L-ewwel wieħed,” weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla.

[Mt:21:32] Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sa l-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għal liema tip ta’ futur qiegħed tipprepara?

Ġesu’ jinkoraġġina biex aħna naħsbu, biex naħsbu dwar il-konsegwenzi tal-għażliet tagħna, speċjalment dawk l-għażliet u d-deċiżjonijiet li se jaffetwaw mhux biss din il-ħajja, imma l-eternita’ li għad tiġi.

Id-deċiżjonijiet li aħna nagħmlu se jaffetwaw u se joħolqu l-futur tagħna. Kemm il-futur f’din id-dinja, kif ukoll il-ħajja taż-żmien li ġej. Ġesu’ jgħidilna storja sempliċi ta’ żewġ ulied li kienu imperfetti biex jurina t-triqat tas-Saltna t’Alla. Il-Missier kien jipprovdi kollox għal uliedu, l-ikel, post fejn joqgħodu u kulma kellhom bżonn. Kulma l-missier kellu kien tagħhom ukoll. Il-missier kien ukoll iħallashom tajjeb tal-ħidma li kienu jwettqu fil-għalqa tad-dwieli tiegħu. Kulma stenna minnhom kien li juru gratitudni, lealta’ u unur għal dak li kien jagħmel għalihom permezz tal-ħidma tagħhom. L-iben li kien ribelluż qal lil missieru f’wiċċu li hu ma riedx jagħmel dan ix-xogħol imma wara biddel ħsiebu u mar jagħmel dak li kien ikmandah missieru.

Ħsieb għal Qalbek …

L-iben l-ieħor li kien jidher li kien l-iben it-tajjeb, qal lil missieru li kien se jagħmel dan ix-xogħol iżda mbagħad ma għamlu xejn. Għażel li jogħġob lilu nnifsu milli jwettaq ir-rieda tal-missier. Issa min hu tassew l-iben it-tajjeb? It-tnejn m’obdewx lil missierhom imma wieħed iddispjaċieh imbagħad wettaq dak li xtaq il-missier u l-ieħor deher minn barra li kien tajjeb, imma fir-realta’ ma wettaqx dak li ried minnu l-missier. Għalhekk l-intenzjonijiet tajba mhumiex biżżejjed. Dak li jwiegħed xi ħaġa u mbagħad ma jwettaqhiex, ma jiswielu xejn quddiem Alla.

Alla jixtieq li qalbna tinbidel mill-qiegħ u li aħna nixhdu mhux biss bil-kliem u bl-intenzjoni, iżda bl-għemil ir-rispett li għandna lejn Alla. Alla joffrilna teżori kbar: il-paċi, il-ferħ u l-ħajja tiegħu. Hu jistedinna biex ningħaqdu fis-Saltna miegħu minn issa u għal dejjem fl-eternita’. Iżda aħna nistgħu nitilfu dan it-teżor billi nirrifjutaw il-grazzja t’Alla li hu joffrilna kontinwament – il-grazzja li aħna nimxu u ngħixu fil-verita’ u s-sewwa tiegħu.

U int għandek rispett għal Alla tas-Sema, għal Missierek, u twettaq ir-rieda tiegħu fil-ħajja tiegħek?

Itlob …

Mulej Ġesu’, biddel lil qalbi ħalli l-unika xewqa tiegħi tkun dik li nogħġob lilek.

Għażiża Marija, omm ħelwa tiegħi fik inpoġġi t-tama tiegħi. Nitolbok biex inti tgħinni bit-talb qawwi tiegħek ħalli nuri rispett lejn ir-rieda t’Alla, ħalli jkolli l-qawwa, il-ferħ u l-perseveranza biex inwettaq il-missjoni li l-Mulej irid minni b’qalb kbira  u sal-aħħar. Ammen.

173. Riflessjoni fuq Luqa 9: 43-45

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 43-45

Jesus-Predicts-His-Death-a-Third-Time1

L-Evanġelju skont San Luqa 9: 43-45

[Lq:9:43] F’dak il-jum, meta kulħadd kien qiegħed jistagħġeb b’kull ma kien qiegħed jagħmel, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu:

[Lq:9:44] “Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin.”

[Lq:9:45] Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa’ mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int għaraft il-majesta’ t’Alla?

Meta aħna nagħtu ġieħ jew nitrattaw b’dinjita’ lil xi ħadd, aħna qed nagħrfu l-kobor ta’ dik il-persuna u nuru r-rispett tagħna lejha. Il-mirakli ta’ Ġesu’ rrevelawlna l-majesta’ t’Alla u kienu turija tal-grazzja u l-ħniena tiegħu b’mod speċjali lejn in-nies sempliċi u umli. Imma bil-mirakli Ġesu’ ried ukoll jagħtina twissija profetika: ma nistgħux naqsmu fil-glorja m’Alla mingħajr is-salib.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ pprofetizza ċ-ċaħda u s-salib li kellu jgħaddi minnhom hu. Imma din it-tħabbira ma għamlet l-ebda sens għad-dixxipli għaliex ma kellhiex x’taqsam mall-idea li fasslu huma dwar il-Messija u bdew jibżgħu jistaqsu aktar dwarha. Bħal meta persuna tirrifjuta li ssaqsi aktar lit-tabib għax tibża’ minn xi verdett ħażin, huma wkoll ma riedux isiru jafu aktar. Kemm drabi aħna wkoll nirrifjutaw dak li ma rridux naraw! Smajna kemm-il darba l-Kelma t’Alla u nafu l-konsegwenzi ta’ meta naċċettawha jew nirrifjutawha.

Imma aħna nikkommettu rwieħna b’mod totali lejha? U ngħixu skont din il-Kelma? Itlob lill-Mulej biex jurik il-majesta’ tiegħu ħalli, inti tikber fil-qima tiegħek lejh u f’rispett qaddis lejn Kelmtu.

Itlob …

Mulej, bis-salib tiegħek inti salvajt id-dinja u rbaħt fuq id-dnub u l-mewt. Agħtini l-grazzja li ma nonqosx li nara l-glorja u r-rebħa tiegħek fis-Salib.

Għażiża Ommi Marija, għinni biex bħalek jiena nikkonforma lil ħajti għar-rieda t’Alla u li nirsisti biex navvanza fit-triq tal-qdusija wara Ibnek u fil-kumpanija tiegħek. Ammen.