Għaliex Ġesu’ ma ġiex fid-dinja fi żminijietna? Kien ikun aktar faċli li nemmnu fiH! Dawk in-nies ta’ żmien Ġesu’ aħjar minna għax rawH u setgħu jmissuH?

15

🌻 Għall-kuntrarju, aħna li rċevejna l-Ispirtu s-Santu li Ġesu’ wegħedna li ser jibgħattilna, għandna aktar għarfien dwar Ġesu’ minn nies li għexu meta kienu fid-dinja. Infatti, dawn ma kienux għadhom irċevew l-Ispirtu s-Santu li xogħolu hu li:

  • jfakkarna t-tagħlim ta’ Ġesu’
  • ikabbar fina l-fidi
  • u jgħinna nfasslu ħajjitna bil-mod kif iridna Ġesu’.

🌻 Prova ta’ dan, għandna kliem Ġesu’ stess meta, qabel ma kien ser jinfired mid-dixxipli qallilhom: 

  • “…ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, l-Ispirtu s-Santu ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom” (Ġwanni 16: 7)

u aktar:

  • “L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.” (Ġwanni 14: 26) 

🌻 Mela Alla uża l-Persuna ta’ Ġesu’ biex iwasslilna l-Kelma tiegħu. Fil-preżent, ma biddilx il-mod ta’ kif iwasslilna l-Kelma tiegħU. Hu għadu u jibqa’ jinqeda b’persuni,

  • bil-Papa,
  • bl-Isqfijiet u s-Saċerdoti magħqudin miegħu
  • u b’kull min hu ta’ xhieda vera għaliH, anki lilna wkoll.

🌻 Għandna wkoll is-Sagrament tal-Ewkaristija (il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ġesù nnifsu) li nistgħu naraw, immissu u nirċievu ġewwa fina.

🌻 Niftakru wkoll fil-kliem li qal Tumas qabel ma ra lil Ġesu’ mqajjem mill-mewt: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx” (Ġwanni 20: 25). U ma ninsewx x’qalu Ġesu’ meta deher: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġwanni 20: 29).

313. Riflessjoni fuq Mark 13: 24-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 13: 24-32

jesus-second-coming

L-Evanġelju skont San Mark 13: 24-32

[Mk:13:24] Fdak iż-żmien, Ġesu qal: “Imma f’dawk il-jiem, wara dawk id-dwejjaq,

[Mk:13:25] il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema,

[Mk:13:26] Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja.

[Mk:13:27] U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

[Mk:13:28] “Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib.

[Mk:13:29] Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb.

[Mk:13:30] Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu.

[Mk:13:31] Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

[Mk:13:32] “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġesu’ juża l-immaġini tas-siġra tat-tin biex jgħallem lid-dixxipli lezzjoni importanti dwar is-sinjali taż-żminijiet?

It-tin kien sors komuni u importanti t’ikel għal Lhud ta’ dak iż-żmien. Din is-siġra kienet tipproduċi frott darbtejn fis-sena fil-Ħarifa u fil-bidu tar-Rebbiegħa. L-ewwel frott kien jidher sewwa sew fl-ewwel jiem wara l-ikla tal-Għid. Il-Lhud kienu jemmnu li l-Messija meta jiġi kellu jkun bejn wieħed u ieħor f’dan iż-żmien li fih iwaqqaf is-Saltna t’Alla fi żmien il-Għid.

Is-sinjali tar-Rebbiegħa huma evidenti għal dawk kollha li jaraw. Bl-istess mod is-sinjali tas-Saltna t’Alla u tal-miġja tiegħu ħa jkunu evidenti fil-qrib tal-ġudizzju. Is-Saltna t’Alla tagħti l-ewwel frott tagħha fil-qlub ta’ dawk li jirċievu bil-qalb il-Kelma t’Alla. Dawk li jafdaw f’Alla u fil-Kelma tiegħu jagħtu frott fis-Saltna tiegħu u x’inhu l-frott ta’ din is-Saltna? Fl-ittra lir-Rumani kapitlu 14 vers 17 insibu li s-Saltna t’Alla hi s-sewwa u l-paċi u l-ferħ fl-Ispirtu s-Santu.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jgħidilna ħaġa li hi ċerta. Din id-dinja kif nafuha llum mhijix se tibqa’ għal dejjem, tasal ukoll fit-tmiem tagħha. Meta Ġesu’ jerġa’ fil-glorja Hu jwassal għall-milja tagħha s-Saltna t’Alla. Imbagħad bħal ma’ jgħidilna il-ktieb tar-Revelazzjonijiet jew inkella tal-Apokalissi: ‘Ikun hemm sema ġdid u art ġdida, fejn il-mewt ma ssaltanx aktar.’ Filwaqt li aħna ma nafux id-data u ż-żmien ta’ meta dan se jiġri, is-sinjali lit-tieni miġja tal-Mulej se tkun fil-qrib, se jkunu evidenti għal dawk li jagħtu kas. Aħna nistgħu nserrħu rasna u noqgħodu fuq il-Kelma t’Alla għaliex Alla hu nnifsu hu ta’ min jafdah. Il-Kelma tiegħu tibqa’ għal dejjem għax hu jimxi magħna b’fedelta’ u jżomm il-wegħdiet tiegħu.

U inti tħares ‘il quddiem bit-tama u l-ferħ li Alla se jwettaq il-wegħdiet kollha li għamlilna?

Itlob …

Mulej Ġesu’ agħmel lis-Saltna tiegħek tiġi u li r-rieda tiegħek iseħħ kemm fis-sema hekk ukoll hawn fl-art. Iftaħli l-għajnejn tiegħi tal-fidi ħa nara l-glorja tiegħek f’sa minn din id-dinja stess.

Għażiża ommi Marija, għallimni nżomm ukoll widnejja miftuħa biex jiena nifhem u nobdi l-Kelma t’Ibnek u għenni biex jiena niftaħ il-bieb ta’ qalbi ħalli bħalek jien f’ħajti dejjem nilqa’ lil Ġesu’ bħala r-Re u s-Salvatur tiegħi sa dakinhar li jien miegħu ngawdi fis-sema s-Saltna tiegħu. Ammen.

320. Riflessjoni fuq Mark 10: 2-16

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 10: 2-16

9280bc67ada8fcb99a40a36345ab6961

L-Evanġelju skont San Mark 10: 2-16

[Mk:10:2] F’dak iż-żmien, xi whud mill-Fariżej resqu lejn Gesu, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu.

[Mk:10:3] Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”

[Mk:10:4] Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha.”

[Mk:10:5] Mbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni.

[Mk:10:6] Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.

[Mk:10:7] Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu,

[Mk:10:8] u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.

[Mk:10:9] Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.”

[Mk:10:10] Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan,

[Mk:10:11] u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda;

[Mk:10:12] u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju.”

[Mk:10:13] Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom.

[Mk:10:14] Ġesu’, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla.

[Mk10:15] Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.”

[Mk10:16] Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhi l-intezzjoni t’Alla għall-istat tal-ħajja tagħna kemm jekk miżżewġin kif ukoll jekk mhux miżżewġin?

Ġesu’ jittratta t-tema tad-divorzju billi jieħu lis-semmiegħa tiegħu lura għall-bidu tal-ħolqien u għall-pjan t’Alla għalina l-bnedmin. Fil-ktieb tal-Ġenesi kapitlu 2 versi minn 23 sa 34 naraw l-intezzjoni u l-idejal t’Alla li żewġ persuni li jiżżewġu għandhom isiru tant magħqudin bejniethom b’rabta li ma tinħallx li jsiru ġisem wieħed. Dan l-idejal insibuh f’Adam u Eva – huma ġew maħluqa għal xulxin u għal ħadd aktar. Huma l-mudell u s-simbolu għal dawk kollha li kellhom jiġu warajhom.

Ġesu’ jispjega li Mosè ppermetta d-divorzju b’turija lill-poplu li tilef dak li kien minn dejjem l-idejal. Ġesu’ jgħolli ‘l fuq l-idejal ta’ stat ta’ żwieġ quddiem dawk li huma lesti li jilqgħu u jaċċettaw il-Kmandamenti tiegħu. Bl-istess mod Ġesu’ jpoġġi idejal għoli għal dawk li b’mod liberu jirrinunzjaw għall-istat taż-żwieġ għas-Saltna tas-sema.

Ħsieb għal Qalbek …

Kemm dawk li jiżżewwġu kif ukoll dawk li ma jiżżewwġux u jgħixu għas-servizz aktar mill-qrib tas-Saltna t’Alla b’mod speċjali fil-ħajja kkonsagrata bħala qassisin, patrijiet, sorijiet jew lajċi kkonsagrati għandhom sejħa individwali minn Alla u kollha huma għall-glorja t’Alla.

Il-ħajja tagħna fir-realta’ mhijiex tagħna, imma t’Alla. Hu jagħti l-grazzja u l-qawwa lil dawk li jfittxu li jimxu fit-triq tal-qdusija tiegħu fl-istat tal-ħajja tagħhom.

Tfittex għajnuna mingħand il-bnedmin t’Alla biex tagħraf aħjar x’sejħa għandu għalik? Jew jekk diġa’ qed tgħix din is-sejħa, tfittex għajnuna biex tgħixha bl-aħjar mod u bil-qdusija li jrid jara fik Alla? Iżomm lil xi saċerdot bħala direttur spiritwali tiegħek biex miegħu tiskopri dejjem iżjed kif tgħix il-pjan t’imħabba li Alla fassal għalik?

Itlob …

Mulej Ġesu’, is-sejħa tiegħek biex inkunu qaddisin tiġbor fiha kull stat ta’ ħajja, qaddes il-ħajjiet tagħna  bħala miżżewwġin jew mhux ħalli aħna nkunu nistgħu ngħixu bħala rġiel u nisa li huma kkonsagrati lilek. Agħmel li aħna mhux biss ngħixu u nagħtu xhieda tajba fit-twettiq tal-istat tal-ħajja li ngħixu, imma wkoll li nippromovu ż-żwieġ jew il-ħajja kkonsagrata bħala dik li wieħed jibqa’ fiha b’fedelta’ sal-aħħar ta’ ħajtu hekk kif urejtna int li għandu jkun bit-tagħlim u l-eżempju ta’ ħajtek. Ammen.

319. Riflessjoni fuq Luqa 24: 46-53

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 24: 46-53

Ascension_of_Our_Lord3

L-Evanġelju skont San Luqa 24: 46-53

[Lq:24:46] F’dak iż-żmien: Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,

[Lq:24:47] u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm.

[Lq:24:48] Intom xhud ta’ dan.

[Lq:24:49] U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.”

[Lq:24:50] Mbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ idejh u berikhom.

[Lq:24:51] U ġara li, huwa u jberikhom, nfired minnhom u kien meħud fis-sema.

[Lq:24:52] Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm,

[Lq:24:53] u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int tiddubita għaliex ma tarax?

Il-Mulej jagħmel lilu nnifsu preżenti għalina bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hu jagħtina d-don tal-Fidi biex aħna nagħarfuh personalment u biex nifhmu l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu.

Inti temmen f’Kelmtu u tfittex li tisimgħu jkellmek?

Temmen fil-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija?

Temmen li Hu jkun jistenniek fit-Tabernakli sieket?

Ħsieb għal Qalbek …

It-tluq u l-axxenzjoni ta’ Ġesu’ lejn is-Sema kienet kemm tmiem, kif ukoll il-bidu għad-dixxipli tiegħu. Filwaqt li kienet tmiem tal-preżenza fiżika ta’ Ġesu’ mal-għeżież dixxipli tiegħu, immarkat il-bidu tal-preżenza ta’ Ġesu’ magħhom b’mod ġdid. Ġesu’ wegħedhom li kien se jibqa’ magħhom dejjem sal-aħħar taż-żmien. Issa bħala l-Mulej u s-Salvatur imqajjem mill-mewt u gglorifikat tela’ u qiegħed in-naħa tal-lemin tal-Missier fis-Sema, Ġesu’ wiegħed li jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu li kien se jikkonsagrahom bil-qawwa tiegħu fil-festa ta’ Pentekoste, l-istess bħalma Ġesu’ kien ikkonsagrat għall-ministeru tiegħu fix-xmara Ġordan.

Meta l-Mulej Ġesu’ telaq b’mod fiżiku minn mall-appostli ma ħallihomx imnikktin jew iddisprati, anzi huma kienu mimlija bil-ferħ u b’antiċipazzjoni kbira għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

L-aħħar kliem ta’ Ġesu’ lill-Appostli jipponta lejn il-missjoni tas-salvazzjoni tiegħu u lejn il-missjoni tagħhom li jkunu xhieda tal-mewt u l-qawmien tiegħu li bihom salvana u jxandru l-Aħbar it-Tajba ta’ salvazzjoni lid-dinja kollha. Il-ħidma tagħhom hi li jxandru l-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni mhux biss lill-poplu t’Iżrael imma lin-nazzjonijiet kollha. L-imħabba t’Alla u d-don tas-salvazzjoni mhux biss għal ftit minn nies jew għal nazzjon wieħed biss, imma hi għan-nies tad-dinja kollha u ta’ kull żmien. Hi għal dawk kollha li jaċċettawha. L-Evanġelju hu l-Qawwa t’Alla, il-qawwa li taħfer id-dnubiet, li tfejjaq, li teħles mill-ħażen u l-oppressjoni u li ġġedded il-ħajja.

Inti temmen fil-qawwa tal-Evanġelju?

Ġesu’ ma fdax ix-xandir tal-Evanġelju u s-Sagramenti għall-fejqan u l-liberazzjoni f’idejn il-Knisja permezz tas-saċerdoti biss, imma fdah ukoll lil kull min kien se jemmen. Ġesu’ mqajjem mill-mewt jagħti din il-kariga kbira lil kull membru fil-Knisja. Kull min jemmen għandu sehem minn din il-ħidma glorjuża li jkun messaġġier tal-Bxara t-Tajba u ambaxxatur għal Kristu l-uniku Salvatur tad-dinja.

Aħna ma tħallejnix waħedna f’din il-biċċa xogħol għax il-Mulej innifsu jaħdem fina u permezz tagħna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Illum, aħna nesperjenzaw Pentekoste ġdid filwaqt li l-Mulej iferra’ l-Ispirtu fuq il-poplu tiegħu l-Knisja biex iġġeddidha, issaħħaħha bħala l-Ġisem tiegħu u biex jibniha ħalli taqdi ministeru effettiv u missjoni madwar id-dinja kollha.

U inti tagħti xhieda quddiem l-oħrajn tal-ferħ tal-Evanġelju u tat-tama tal-qawmien għall-ħajja?

Itlob …

Mulej Ġesu’, permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, Int timliena bi spirtu ta’ tifħir u ta’ ferħ li ebda prova ta’ din id-dinja ma jeħdulu postu, imliena bil-ferħ tal-qawmien u għinna ngħixu ħajja ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lejk u għall-glorja tiegħek.

Għażiża Marija, Omm il-Knisja, itlob magħna għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu li ġġedded il-Knisja, tfejjaqha, issaħħaħha, u tibqa’ tibgħatha biex kull wieħed u waħda minna nkunu tassew xhieda quddiem kulħadd bla distinzzjoni tal-Evanġelju, afdat lilna minn Ġesu’ Ibnek. Ammen.

318. Riflessjoni fuq Luqa 21: 25-28, 34-36

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 21: 25-28, 34-36

Sign of the Son of man 700W

L-Evanġelju skont San Luqa 21, 25-28, 34-36

[Lq:21:25] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta’ l-imwieġ;

[Lq:21:26] in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

[Lq:21:27] Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira.

[Lq:21:28] Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.”

[Lq:21:34] “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda.

[Lq:21:35] Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha.

[Lq:21:36] Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti temmen li d-dinja kif nafuha llum se tispiċċa hekk kif Ġesu’ qalilna?

Ġesu’ jwissi lil dawk li kienu joqgħodu f’Ġerusalemm dwar id-distruzzjoni tagħha minħabba li hi rrifjutat il-Vanġelu. Ġesu’ jitkellem ukoll dwar il-ġudizzju fl-aħħar tad-dinja. Huwa biss il-agħma spiritwali li jżommna milli nagħrfu s-sinjali ovji tad-diżastru li ġej f’jum il-ġudizzju għal dawk li rrifjutaw li jagħtu widen għall-Kelma t’Alla li ssalvana u għall-grazzja tiegħu. Ġesu’ kien onest b’mod komplet u qal lid-dixxipli dak li kellhom iħallsu biex jimxu warajh. Minkejja li l-prezz huwa kbir, hu wiegħed li qatt ma jitlaqhom waħedhom imma li jkun dejjem magħhom fiż-żmien tat-tribulazzjonijiet. Il-qaddisin u l-martri li għaddew minn turmenti u anke minn mewt, għamlu l-ħabsijiet tagħhom Tempju ta’ tifħir minn fejn kienu jfaħħru lil Alla u l-irbit tagħhom tron għall-glorja t’Alla. Huma kienu jafu li l-preżenza ta’ Kristu fosthom kienet dejjem f’kull ċirkustanza magħhom biex isalvahom. Ġesu’ joffrilna s-sigurta’ meta aħna affaċċati mat-theddid ta’ din id-dinja. F’Luqa kapitlu 21 vers 18 Ġesu’ jgħid: ‘Lanqas xagħarha minn raskom ma tintilef.’ Id-dixxiplu li jimxi wara Kristu jista’ jitlef ġismu , imma mhux ruħu.

L-akbar don li għalih għandna nkunu grati u li għandna nirringrazzjaw lil Alla tiegħu, hu s-Salvazzjoni u l-Adozzjoni tagħna bħala wliedu. Għandna nirringrazzjawh għaliex it-tama hi kollha fil-ġenna u fil-wegħda li Ġesu’ għad jerġa’ jiġi biex jistabbilixxi b’mod sħiħ is-Saltna tiegħu tal-paċi u tas-sewwa.

Ġesu’ jitkellem dwar it-tieni miġja tiegħu bħala fatt magħruf, bħala avveniment ċert li għandna nistennew li jseħħ. Din l-miġja se tkun immarkata b’sinjali li kulħadd se jagħraf. Sinjali li se jwerwru lil dawk li ma jkunux ippreparati u jimlew bil-għaġeb ‘il dawk li jkunu lesti biex jiltaqgħu mal-Mulej. Meta l-Mulej jerġa’ jiġi, hu jistabbilixxi l-ġustizzja u s-sewwa u jagħti l-ħlas mistħoqq lil kull min qdieh tajjeb. Il-ġudizzju tiegħu huwa sinjal ta’ tama għal dawk li jafdaw fih.

U inti tittama f’Alla u fil-wegħda tiegħu li jerġa’ jiġi u jistabbilixxi s-Saltna tiegħu fuq l-art kollha?

Ħsieb għal Qalbek …

Hemm xi ħaġa f’ħajtek li żżommok lura milli tirċievi l-ferħ u l-liberta’ li l-Mulej joffrilek?

Alla jrid li qlubna jkunu għalih u għas-Saltna tiegħu, imma qlubna ġieli jkunu mtaqqla bil-ħafna preokkupazzjonijiet u bid-dnub. Ġesu’ joffrilna l-liberta’ vera, il-liberta’ mill-qawwa tad-dnub u mill-ħela. Il-ħela tagħna nfusna fuq affarijiet li mhumiex neċċessarji u li jbegħduna minn Alla. Ġesu’ joffrilna l-liberta’ mill-qawwa tal-vizzji u mill-iskjavitu’ tal-passjonijiet tagħna. Milli nagħmlu l-ikel, ix-xorb u affarijiet oħra bħala sidien tagħna minflok bħala qaddejja tagħna u Ġesu’ joffrilna l-liberta’ mill-qawwa tal-ansjetajiet u tal-inkwiet żejjed li jipparalizzawna. Li nkunu mimlijin bil-biża’ minflok inkunu mħeġġa bl-imħabba t’Alla.

Ġesu’ jwissina dwar it-tentazzjoni li aħna naqgħu lura, li nitbegħdu mit-triq jew li norqdu l-irqadt spiritwali. Huwa vera faċli li aħna ninqabdu nkunu mheddija f’ħafna affarijiet tal-mument preżenti u li nitaqqlu b’ħafna inkwiet. Il-Mulej jaf bin-nuqqasijiet u bl-isforzi tagħna kollha u jagħtina l-grazzja biex aħna nġorru s-slaleb tagħna u nimxu warajh fit-triq tal-qdusija. Imma hemm ħaġa waħda li Hu ma jittollerax, l-indifferenza jew li nkunu passivi meta aħna għandna nfittxuh b’qalbna kollha, u l-attitudni tagħna li aħna ma nagħtux kas jew li ma nagħmlu xejn. Alla jistenna ħafna mingħandna, jistenna dak li aħna ma nistgħux nagħmlu mingħajr l-għajnuna tiegħu. Il-grazzja tiegħu hi biżżejjed. Hu jistenna minna li nkunu attenti għall-miġja tiegħu f’kull ħin. Li nitolbu b’mod speċjali għall-qawwa u biex nipperseveraw fil-fidi. Li ngħaddu minn provi li jiġuna u li naħarbu kull tentazzjoni tad-dnub speċjalment tal-apostasija, jiġifieri li aħna niċħdu lil Kristu minħabba l-biża’ jew is-suppervja. Alla huwa dejjem lest li jimliena bil-grazzja u bil-qawwa tiegħu.

U qalbek tixxennaq għal Alla jew hija mtaqqla b’ħafna affarijiet oħra?

Itlob …

Mulej, imliena b’tant u tant affarijiet tajba li jiġu minnek. Imla lil qalbi bl-imħabba, bil-paċi, bil-ferħ u bis-sewwa tas-Saltna tiegħek.

Għażiża Marija, omm ħelwa tiegħi; itlob miegħi u għalija biex qalbi titħeġġeġ bin-nar tal-Ispirtu s-Santu ħalli jien nixxennaq dejjem iżjed għas-Saltna t’Ibnek u għall-miġja tiegħu fl-aħħar jum. Ammen.

317. Riflessjoni fuq Luqa 20: 27-38

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 20: 27-38

luke-20-38-he-is-not-god-of-the-dead-what-is-proper-to-humans-st-pacian-24-nov-2018

L-Evanġelju skont San Luqa 20: 27-38

[Lq:20:27] F’dak iż-żmien, resqu fuq Ġesu’ xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh:

[Lq:20:28] “Mgħallem,” qalulu,”Mosè ħallielna miktub, ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.’

[Lq:20:29] Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal.

[Lq:20:30] It-tieni wieħed,

[Lq:20:31] u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal.

[Lq:20:32] Fl-aħħar mietet il-mara wkoll.

[Lq:20:33] Issa din, fil-qawmien ta’ l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha.”

[Lq:20:34] Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu;

[Lq:20:35] imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu.

[Lq:20:36] Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet.

[Lq:20:37] U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla ta’ l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb.

[Lq:20:38] Issa hu m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hi ħajtek marbuta ma’ din id-dinja jew mal-eternita’?

Is-Sadduċej kellhom problema kbira. Ma setgħux iniżżlu r-realta’ tal-ġenna għax għalihom kienet għola minn dak li setgħu jaraw taħt għajnejhom. U aħna m’aħniex bħalhom ħafna drabi?

Aħna ma nagħrfux ir-realtajiet spiritwali biex nippruvaw nagħmlu l-ġenna f’immaġini ta’ din id-dinja. Is-Sadduċej marru għand Ġesu’ biex jippruvawh bil-mistoqsija tagħhom biex jagħmlu l-qawmien mill-imwiet jidher redikolu. Is-Sadduċej b’differenza tal-Fariżej ma kienux jemmnu fl-immortalita’, la fl-anġli u lanqas fl-ispirti ħżiena. Ir-reliġjon tagħhom kienet letteralment ibbażata fuq immaġini terrena tal-ġenna. Ġesu’ fit-tweġiba tiegħu ttratta l-fatt tal-qawmien mill-imwiet. L-Iskrittura nnifisha tagħtina prova tagħha f’Eżodu kapitlu 3 vers 6. Meta Alla immanifesta l-preżenza tiegħu lil Mosè fl-għollieq jaqbad, il-Mulej qallu li hu Alla t’Abraham, Iżakk u Ġakobb. Hu juri li l-patrijarki li mietu mijiet ta’ snin qabel kienu għadhom ħajjin f’Alla. Ġesu’ jirbaħ l-argument tagħhom billi jurihom li Alla huwa Alla ħaj ta’ nies Ħajjin.

Alla kien il-ħabib t’Abraham, Iżakk u Ġakobb meta kienu ħajjin. Din il-ħbieberija ma setgħetx tispiċċa mall-mewt. Bħalma jgħid Salm 73 versi minn 23 sa 24. “Imma jiena dejjem miegħek, inti żżommni minn idi l-leminija, skont il-ħsieb tiegħek tmexxini, imbagħad fis-sebħ tilqgħani.” Il-prova aħħarija tal-qawmien tal-Mulej Ġesu’ mill-mewt hi r-rebħa fuq il-mewt meta ħareġ mill-qabar.

Qabel ma’ Ġesu’ qajjem lil Lażżru mill-mewt hu stqarr: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja min jemmen fija mqar jekk imut jgħix u min jgħix u jemmen fija dan ma jmut qatt.”

Temmnu inti dan? fi Ġwanni kapitlu 11 vers 25. Ġesu’ jistaqsi lilna l-istess mistoqsija u int xi twieġbu? Temmen fil-qawmien u fil-ħajja eterna li hu Hu nnifsu?

Ħsieb għal Qalbek …

L-Ispirtu s-Santu jirrivelana l-veritajiet eterni tal-imħabba infinita’ t’Alla u l-ħajja li hu jixtieq jaqsam magħna għall-eternita’. Pawlu l-appostlu jistqarr hu u jikkwota mill-profeta Iżaija kapitlu 64 vers 4 u kapitlu 65 vers 17. “La għajn qatt ma rat, la widna qatt ma semgħet u lanqas qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem dak li Alla pprepara għal dawk li jħobbuh.” Alla rrivelana dan permezz tal-Ispirtu s-Santu kif insibu fl-ewwel ittra lill-Korintin kapitlu 2 versi 9 sa 10.

Il-wegħda tal-ġenna, il-barka eterna u l-ħajja li ma tintemmx m’Alla mimli mħabba hi aktar milli nistgħu nobsru ta’ bnedmin li aħna. Għadna biss kemm bdejna nduqu l-ewwel frott ta’ din il-ħajja.

U inti tgħix din il-ħajja bil-ferħ u t-tama għall-ħajja taż-żmien li ġej?

Itlob …

Ħa jpoġġi idejh fuq għajnejna l-Mulej Ġesu’ nnifsu ħalli aħna wkoll nibdew naraw dak li ma jidhirx bl-għajnejn tal-ġisem. Ħa jiftaħ dawk l-għajnejn li huma kkonċernati mhux fuq din id-dinja preżenti, imma fuq li għad irid jiġi. Ħa jiftaħ il-viżjoni tal-qalb ħalli aħna bħal Marija u tant qaddisin oħra nħarsu lejn Alla bl-ispirtu permezz tal-istess Mulej Ġesu’ Kristu li l-glorja u l-qawwa tiegħu jibqgħu għal dejjem ta’ dejjem.

Marija, itlob magħna għal dan kif tlabt mad-dixxipli fiċ-Ċenaklu. Grazzi ta’ dan. Ammen.

316. Riflessjoni fuq Luqa 19: 28-40

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 19: 28-40

PalmSunday-58e280f35f9b58ef7e94e120

L-Evanġelju skont San Luqa 19: 28-40

[Lq:19:28] Fdak iż-żmien, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.

[Lq:19:29] U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu

[Lq:19:30] u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, ssibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh.

[Lq:19:31] Jekk xi ħadd jistaqsikom għalfejn qegħdin tħolluh, għidulu li l-Mulej għandu bżonnu.”

[Lq:19:32] Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom.

[Lq:19:33] Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?”

[Lq:19:34] U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu.”

[Lq:19:35] Mbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu.

[Lq:19:36] Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq.

[Lq:19:37] Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla ta’ l- Għolja taż- Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw,

[Lq:19:38] u bdew jgħidu: “Mbierek is-Sultan li ġej fisem il-Mulej! Sliem fis-sema, u glorja fl-għoli tas-smewwiet!”

[Lq:19:39] Xi wħud mill-Fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek?”

[Lq:19:40] Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġesu’ mar Ġerusalemm filwaqt li kien jaf b’ċertezza x’kien qed jistennieh hemmhekk, tradiment, rifjut u tisliba. In-nies ta’ Ġerusalemm madanakollu kienu lesti biex jagħtuh it-tislima li kien jixraqlu Re Messjaniku. Ftit kienu qegħdin jagħrfu x’kienet se tiswielu lil dan ir-re biex isaltan bi mħabba qaddisa u b’ġustizzja fir-renju tiegħu. Id-daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm riekeb fuq felu ta’ ħmara wettqet il-profezija Messjanika ta’ Żakkarija li nsibu f’kapitlu 9 vers 9.

“Ifraħ kemm tiflaħ Bint Sijon, għajjat bil-ferħ Bin Ġersualemm. Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmara, fuq felu ta’ ħmara.”

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jidħol Ġerusalemm umli u ġwejjed bħala r-Re Messjaniku li jġib ir-rebħa u l-paċi lill-poplu kollu. Dik ir-rebħa u l-paċi kienu se jkunu mwettqa b’mod permanenti fis-salib u fil-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’ li kienu se jseħħu fi ftit jiem fi żmien il-festa tal-Għid. F’Salm 24 insibu passaġġ profetiku ieħor li hu l-eku ta’ din il-purċissjoni trijonfali tar-Re tal-Glorja.

“Intrefgħu bibien, infetħu intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-Glorja.”

Ġesu’ Kristu ġie biex iġibilna s-Saltna t’Alla. Hu hu l-veru Re li joffrilna l-paċi, il-ferħ u l-ħajja ta’ dejjem lilna li rridu nilqgħu u naċċettaw is-Saltna tiegħu.

U f’qalbek ir-Re tal-Glorja jsib il-bibien miftuħa li jilqgħuh ħalli jsaltan fik? Fil-ħitan tad-dar spiritwali tiegħek jinstema’ l-eku ta’ tifħir u ta’ glorja lejn Ġesu’ s-Sultan?

Itlob …

Mulej Ġesu’ Kristu kun dejjem int ir-Re tal-qalb tiegħi u dak li tikkmanda ġewwa dari.

Marija Sultana tas-sema u l-art u omm ir-Re divin, ħalli lil qalbi timtela b’dik il-paċi li wegħdna Ibnek ħalli f’ħajti nsib il-vera ferħ fil-preżenza tiegħu  bħala Sidi u tiegħek bħala Omm u Sultana, issa u għaż-żmien li ma jintemm qatt. Ammen.

315. Riflessjoni fuq Luqa 17: 5-10

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 17: 5-10

mullberry-tree

L-Evanġelju skont San Luqa 17: 5-10

[Lq:17:5] F’dak iż-żmien, l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi.”

[Lq:17:6] Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar,’ u hi kienet tisma’ minnkom.

[Lq:17:7] “Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu? ‘Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel’?

[Lq:17:8] jew, ‘Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int’?

[Lq:17:9] Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu?

[Lq:17:10] Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kull ma tkunu ordnati, għidu, ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.'”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tagħti mill-aħjar minkejja l-prezz li għandek tħallas? U aħna m’aħniex bħall-qaddej tal-parabbola ta’ Ġesu’ li nistennew ħlas immedjat tal-ġurnata tax-xogħol tagħna?

Kemm hi inġusta għas-Sid li jiġi sfurzat li jagħti dak illi wieħed ma jistħoqqlux. U aħna ma nagħmlux l-istess meta nkunu assertivi biex nieħdu dawk li aħna nsejħulhom id-drittijiet tagħna? U ngħidu: ‘jien nagħti biss xogħoli u xejn iżjed.’

Imma min se jissodisfa s-sejħat tal-imħabba?

Ġesu’, uża din il-parabbola ta’ dan il-qaddej li għamel dmiru biex jispjega li aħna qatt ma nistgħu npoġġu lil Alla bħala debitur tagħna jew nistqarru li Alla għandu xi ħaġa x’jagħtina. Aħna għandna nqisu lilna nfusna bħala qaddejja t’Alla hekk kif Ġesu’ qal għalih innifsu. ‘Jien ma ġejtx biex inkun moqdi, imma biex naqdi.’ Dan insibuh f’Mattew kapitlu 20 vers 28. Is-servizz tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu it-tnejn fuq bażi volontarja u huma azzjoni libera ta’ dover qaddis tagħna. Wieħed jista’ jkun volontier fis-servizz pubbliku jew jiddefendi lil pajjiżu bħala suldat. Bl-istess mod Alla jistenna minna li nagħtuh il-qima u t-tifħir li jistħoqqlu. Hu bil-ferħ jaċċetta din ir-rieda tagħna ħielsa li noffru ħajjitna għalih u għas-servizz tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Dak li jagħmel l-offerti tagħna mogħġuba quddiem Alla hija l-imħabba li biha aħna nesprimu din l-għotja tagħna. Min iħobb vera jagħmel dan b’sagrifiċċju, b’ġenerożita’ u mingħajr egoiżmu.

Kif nistgħu aħna nħobbu lill-oħrajn mingħajr egoiżmu u mingħajr kundizzjoni?

Alla nnifsu huwa Mħabba u jimla l-qalb tagħna b’dik l-imħabba li biha aħna nagħtu t-tajjeb tagħna għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Jekk aħna nħobbu lil xulxin, Alla jgħammar fina u l-imħabba tiegħu ssib il-milja tagħha fina. Alla jonora lill-qaddej fidil li jħobb b’ġenerożita’. Huwa lest biex dejjem jagħti l-għajnuna u jaħdem permezz tagħna u għall-glorja tiegħu. Aħna għandna nżommu f’moħħna, illi minkejja kollox, Alla qatt ma huwa midjun lejna. L-imħabba tiegħu tqanqalna biex aħna nagħtuh l-aħjar u meta aħna nkunu għamilna mill-aħjar, aħna nkunu għamilna biss dmirna. Aħna qatt ma nistgħu naqbżu lil Alla fil-ġenerożita’ tiegħu lejna.

U lilek l-imħabba t’Alla tqanqlek biex tagħtih servizz mill-aħjar?

Itlob …

Mulej, imlieli lil qalbi bl-imħabba, bil-gratitudni u bil-ġenerożita’. Agħmilni qaddej fidil u żelanti tiegħek.

Għażiża Marija, Omm maħbuba tiegħi, agħmel li jien noffri ħajti b’ġenerożita’ għas-servizz tiegħek, t’Ibnek u tal-oħrajn bl-istess mod kif intom b’ġenerożita’ kbira sservu lili b’imħabba. Ammen.

314. Riflessjoni fuq Luqa 16: 1-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 16: 1-13

shrewd-manager

L-Evanġelju skont San Luqa 16: 1-13

[Lq:16:1] F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu.

[Lq:16:2] Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont ta’ l-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi.’

[Lq:16:3] L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi.

[Lq:16:4] Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, nsib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.’

[Lq:16:5] U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’ staqsa lill-ewwel wieħed.

[Lq:16:6] ‘Mitt barmil żejt,’ wieġbu dak. ‘Oħroġ il-karti tiegħek,’ qallu l-amministratur, ‘oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.’

[Lq:16:7] Lil ieħor staqsieh, ‘U int, kemm għandek tagħti?’ ‘Mitt xkora qamħ,’ wieġbu. Qallu, ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.’

[Lq:16:8] U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom.

[Lq:16:9] U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.

[Lq:16:10] Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna.

[Lq:16:11] Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru?

[Lq:16:12] U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom?

[Lq:16:13] Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif inhu mqabbel il-flus bi qligħ diżonest mall-ħajja eterna?

Ġesu’ jħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex jimxu fuq il-passi tal-amministratur diżonest li għamel użu mill-flus b’mod ġeneruż biex jagħmel ħbieb għalih innifsu. Din il-parabbola nsibuha f’San Luqa kapitlu 16 versi minn 1 sa 9. Dawk li b’xi mod qed jirċievu xi ġid mingħandek isiru l-ħbieb tiegħek għaliex int qed tkun ħanin magħhom fil-mumenti fejn l-aktar li huma fil-bżonn bl-istess mod kif Alla hu ħanin miegħek meta inti fil-bżonn tal-maħfra u l-għajnuna tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu l-għadu tal-ġenerożita’?

Hi r-rebgħa, il-kilba eseġerata għas-sigurta’ personali. Alla hu ġeneruż u jissuperana lkoll fl-abbundanza tad-doni tiegħu għalina.

Int skoprejt il-ferħ u l-liberta’ ta’ min hu ġeneruż m’Alla u mal-oħrajn u ta’ min juża bil-għaqal il-ġid li Alla jipprovdielu?

Itlob …

Mulej, ħeġġiġli qalbi bin-nar ta’ mħabbtek ħalli nkun devot lejk b’mod totali fuq kull ħaġa oħra.

Marija, ommi xempju ta’ kull virtu’ u xebba kollok għaqal, għallimni nħaddem il-ġid materjali li ġie misluf lili b’għaqal u b’ġenerożita’ għall-glorja t’Alla u għall-ġid tal-proxxmu. Ammen.

312. Riflessjoni fuq Luqa 15: 1-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 15: 1-32

lost-lamb-art-lds-425852-print

L-Evanġelju skont San Luqa 15: 1-32

[Lq:15:1] F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħu lil Ġesu’.

[Lq:15:2] U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom?”

[Lq:15:3] U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:

[Lq:15:4] “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?

[Lq:15:5] U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh,

[Lq:15:6] imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.’

[Lq:15:7] Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.

[Lq:15:8] “Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha!

[Lq:15:9] U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.’

[Lq:15:10] Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.”

[Lq:15:11] Qalilhom ukoll: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.

[Lq:15:12] Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid.

[Lq:15:13] Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajjra.

[Lq:15:14] Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn.

[Lq:15:15] U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer.

[Lq:15:16] Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

[Lq:15:17] Mbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’ , u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!

[Lq:15:18] Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;

[Lq:15:19] ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’

[Lq:15:20] Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.

[Lq:15:21] ‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’

[Lq:15:22] Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh!

[Lq:15:23] Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa,

[Lq:15:24] għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U għamlu festa.

[Lq:15:25] “Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin.

[Lq:15:26] Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien.

[Lq:15:27] ‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.’

[Lq:15:28] Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol.

[Lq:15:29] ‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi!

[Lq:15:30] Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’

[Lq:15:31] ‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek.

[Lq:15:32] Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.'”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-parabbola tal-missier u żewġ uliedu hija l-itwal waħda li nsibu fil-Vanġeli.

X’inhu l-punt ċentrali tal-istorja?

Huwa l-kuntrast bejn l-iben ubbidjenti u dak diżubbidjenti? Jew bejn kif il-missier jitratta l-iben li kien mitluf u l-mod kif il-missier jiġi ttrattat minn ibnu l-kbir?

Ġesu’ jikkuntrasta l-imħabba u l-ħniena kbira tal-missier mar-rifjut aħrax tal-iben il-kbir lejn ħuh li kien żbalja u lejn il-festin li l-missier ferħan jagħmel għal ibnu li reġa’ lura niedem. Filwaqt li l-iben li żbalja kien ħela l-flus ta’ missieru, missieru xorta baqa’ jżomm imħabba sħiħa għal ibnu. L-iben waqt li kien ‘il bogħod minn missieru tgħallem ħafna dwaru nnifsu u rrealizza li missieru kien tah imħabba li hu kien għadu ma rreċiprokax. Kien għadu jrid jitgħallem dwar il-fond tal-imħabba ta’ missieru għalih.

L-umiljazzjoni kbira li sab ruħu fiha meta lanqas seta’ jitma’ lilu nnifsu bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer u r-riflessjoni tiegħu ta’ dak kollu li kien tilef waslitu għas-sobgħa u d-deċiżjoni li jiddikjara lilu nnifsu ħati u midneb quddiem missieru. Filwaqt li ttama li jirrikonċilja ruħu ma’ missieru, hu qatt ma seta’ jimmaġina li din ir-relazzjoni se tissewwa b’tiġdid u għaqda sħiħa u kompluta.

Il-missier ma kellux bżonn jgħid kliem ta’ maħfra lil ibnu. L-azzjonijiet tiegħu kienu jitkellmu b’mod aktar qawwi u ċar. Il-libsa rejali, iċ-ċurkett, l-ikla u l-festa jissimbolizzaw ħajja ġdida, safja, t’unur u ferrieħa għal kull min jirritorna lejn Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

It-tifel li waqa’ fil-ħażen ma setax imur lura lejn il-ġnien tal-innoċenza, imma hu ġie milqugħ u mogħti lura l-unur u d-dinjita’ t’iben. Il-bidla tal-għaġeb tal-iben li waqa’ fl-iżball mill-miżerja u l-ħtija għat-tiġdid u l-ħajja ġdida hi espressa fl-istampa li l-istorja tpoġġi quddiemna. Il-lingwaġġ tal-qawmien mill-imwiet u t-twelid għal ħajja ġdida mill-mewt spiritwali li kienet tinsab fih ir-ruħ tiegħu huma espressi b’mod ċar fil-parabbola ta’ Ġesu’. Din il-parabbola tikkuntrasta wkoll il-ħniena u l-oppost tagħha n-nuqqas ta’ maħfra. Il-missier li lilu l-iben kien naqas kien qiegħed jaħfer imma l-iben il-kbir li lilu ma naqaslu xejn irrifjuta li jaħfer.

In-nuqqas ta’ maħfra tiegħu tinbidel f’suppervja u l-korla tiegħu twassal biex jinqata’ u jiżola ruħu mill-komunita’ tal-midinbin maħfura. F’din il-parabbola Ġesu’ jagħti stampa ċara t’Alla u ta’ kif inhu Alla. Alla hu tassew ħanin aktar minna. Hu ma jitlifx it-tama u ma jaqtax qalbu minna meta aħna nitbegħdu minnu, anzi jifraħ meta jsib lil dawk li jkunu mitlufa u jwassalhom lura d-dar.

U inti, tesperjenza l-ferħ tal-indiema u t-tiġdid tar-relazzjoni tiegħek m’Alla l-Missier bħala ibnu jew bintu?

Tagħmel użu tajjeb u frekwenti mis-Sagrament tal-Qrar li jirrikonċiljak m’Alla Missierek permezz tas-saċerdot?

Itlob …

Mulej, agħmel li qatt ma niddubita mill-Imħabba tiegħek u lanqas inkun passiva jew nieħu “forgranted” il-ħniena li Inti turi miegħi.

Marija Omm ħanina, itlob miegħi u għalija biex qalbi timtela dejjem iżjed bl-imħabba t’Alla li titrasformani biex jien ukoll nuri ħniena mal-proxxmu tiegħi, bl-istess mod li Inti u Ibnek turu ħniena bla limiti miegħi. Ammen.