8. Adorazzjoni għall-Qdusija tas-Saċerdoti

Dokument PDF jew WORD ta’ din l-Adorazzjoni.

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Riflessjonijiet u Talb li jistgħu jintużaw waqt Adorazzjoni Ewkaristika.

adoration-bougies-ostensoir

Espożizzjoni tas-Santissmu Sagrament
Kant tal-Bidu: Jien Nadurak bil-Qima

Jien nadurak bil-qima Alla li tinsab
Moħbi hawn quddiemi taħt dawn ix-xbihat,
Lilek qalbi kollha hawn f’riġlejk nagħtik;
Meta naħseb fuqek, ħsiebi nitlef fik.

L-għajn l-idejn it-tomgħa, lilek ma jħossux,
Iżda biss b’li smajna għala ma nemmnux?
Nemmen, li qalilna l-Iben tal-Mulej.
Xejn mhu iżjed minnu, mill-kliem tal-Feddej.

O Ġesu’ hekk twajjeb, Pelikan Qaddis,
Safi int lil qalbi b’demmek il-għażiż;
Li b’qatra biss minnu, O Ġesu’ maħbub,
Tista’ d-dinja kollha tnaddaf minn kull dnub.

O Ġesu’ li nilmħek, f’dal misteru kbir,
Dan li qed nitolbok kemm nixtiequ jsir;
Li kif nara lilek bid-dawl tat-twemmin,
Niġi ħdejk fil-glorja, O Ġesu’ ħanin.

Intenzjoni:
Illum se nagħmlu l-Adorazzjoni tas-Saċerdozju ta’ Ġesu’
Se naduraw lil Ġesu’ bħala s-Saċerdot il-Kbir, is-Saċerdot Etern; u għalhekk jixraq li din l-Adorazzjoni noffruha għall-bżonnijiet u għall-qdusija tas-Saċerdoti kollha madwar id-dinja, imma b’mod speċjali għas-Saċerdoti li jaħdmu fil-gżejjer tagħna.
Viżta lil Ġesu’ Sagarmentat
Kemm nixtieq li ninvistak,
O Ġesu’ Sagramentat,
F’kull artal fejn tinsab waħdek
Minn kulħadd abbandunat.

Kemm nixtieq li tant qlub kelli
Ta’ kemm huma lejk ingrati,
U ta’ dawk li ma jagħarfukx,
Biex tant qlub lilek kont nagħti.

Imma għaliex qalb waħda tajtni,
Kollha lilek jien nagħtiha,
Bħala vittma tal-imħabba
Tant għalihom, kemm għalija.

Mill-imqaddes Tabernaklu
Deh Ġesu’, qatt la tinsieni
Fidi u tama kattar fija
U bin-nar ta’ mħabbtek imlieni.

O Ġesu’ fuq ħsibijieti,
Fuq kull xewqa tal-qalb tiegħi,
Xerred deh, il-barka tiegħek,
B’mod li tibqa’ dejjem miegħi.

Att ta’ Fidi
Mulej, aħna nemmnu li inti tinsab fostna għaliex Inti s-Saċerdot il-Kbir li qabel ma offrejt Ġismek u Demmek fuq is-Salib tajt is-setgħa lis-Saċerdoti tiegħek fl-aħħar Ċena biex huma jġeddu b’tifkira tal-Passjoni Tiegħek dan il-Misteru… Misteru ta’ Fidi… Misteru ta’ Mħabba. Mulej, aħna nemmnu fik. Inti s-Saċerdot il-Kbir; u bħala tali, Int l-Medjatur bejn Alla l-Missier u l-Bnedmin.

Inti toffri kontinwament għalina lill-Missier dawk l-atti ta’ Adorazzjoni, ta’ Ringrazzjamenti, ta’ Talb u ta’ Tpattija li waħidhom biss għandhom valur infinit quddiem Alla Missierek… għar-raġuni li Inti, għalkemm bħala Saċerdot qed toffrihom bħala Bniedem, il-Vittma hija Inti stess u Inti l-Iben t’Alla. Għalhekk inti biss tista’ tissodisfa l-Ġustizzja t’Alla denjament… u b’hekk Alla mill-ġdid juri l-Ħniena Tiegħu u jagħtina l-maħfra tad-dnubiet.

Mulej, Inti s-Saċerdot Etern u Inti fl-istess ħin il-Vittma u aħna hawnhekk nadurawk bħala Saċerdot u bħala Vittma. Nadurawk bħala s-Saċerdot il-Kbir li dak inhar stess li Inti istitwejt is-Sagrament tal-Imħabba, istitwejt ukoll l-Ordni tas-Saċerdozju, biex dawn is-saċerdoti ħbieb tiegħek ikunu jistgħu, bis-setgħa li tajthom, ikomplu jġeddu sal-aħħar tad-dinja s-Sagrifiċċju tiegħek tas-salib fuq l-altari tagħna. U permezz ta’ dan is-Saċerdozju inti tinsab fostna, għax tħobbna, għax trid tgħix magħna, għax trid tgħix fostna… u minna ma trid xejn ħlief għallinqas li nkunu grati lejn din l-imħabba tiegħek… trid li niġu ftit minuti nagħmlulek kumpanija, nuruk ftit rikonoxxenza… u ngħidulek “Grazzi” għal tant imħabba li wrejtna f’dan is-Sagrament… u ħaġa oħra li tistenna minna hi li npattulek xi ftit għal dawk li mhux biss joffenduk bi dnubiethom imma ma jimpurtahomx minn tant imħabba li wrejtna f’dan is-Sagrament Imqaddes. Għalina u għal dawn ħutna, O Ġesu’, irridu b’xi mod inpattulek u noffrulek l-imħabba ta’ qalbna, żgħira kemm hi żgħira, biex Inti jogħġbok tilqagħha u toffriha flimkien mas-Sagrifiċċju Tiegħek stess għall-bżonnijiet tal-bnedmin kollha, u tal-midinbin kollha… imma llum se nitolbuk b’mod speċjali għal ħutna s-Saċerdoti… biex Int tberikom, tqaddishom u tgħinhom ikunu vittmi miegħek fil-ħajja Saċerdotali tagħhom…” tibqa’ magħhom kif Inti wegħidthom sal-aħħar tas-sekli…

Issaħħaħ lil min hu dgħajjef, tqawwi lil min jaħbat jaqta’ qalbu… tgħinhom fil-Kalvarju Saċerdotali tagħhom, tippurifika lis-Saċerdoti, iddawwalhom… u fil-waqt li tqawwilhom qalbhom tfakkarhom illi huma Saċerdoti għal dejjem skont l-Ordni ta’ Melkisedek u fakkarhom ukoll Ġesu’ lis-Saċerdoti tiegħek li huma għandhom bħala omm l-istess Omm tiegħek Marija, li dejjem lesta li tħarishom… dejjem lesta li tgħinhom… dejjem pronta li tieqaf magħhom fil-bżonnijiet spiritwali li jiltaqgħu magħhom, Hekk ikun.

Minuta Skiet

web3-eucharist-monstrance-adoration-crucifix-exposition-jesus-george-martell-bostoncatholic-cc-by-nd-2-0Qari mill-Profeta Ġeremija (1,4-10)
U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli; “Qabel ma sawwartek fil-ġuf għaraftek, qabel ma ħriġt minn ħdan ommok ikkonsagrajtek. Jien qegħidtek profeta fuq il-ġnus.” Jien weġibt, “Ja Mulej ma nafx nitkellem, għadni żgħir.” U l-Mulej weġibni, “Tgħidx għadni żgħir. Inti tmur kull fejn nibgħatek u tgħid kull ma nordnalek. La tibżax minnhom, għax jiena miegħek biex neħilsek.” U l-Mulej ħareġ idu u messli fommi u qalli l-Mulej, “Ara qegħidtlek kliemi fuq fommok, u ara jiena qegħidtek fuq il-ġnus u s-saltniet, biex taqla’ u ġġarraf, biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel.”

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

Talba:
Mulej Ġesu’, ħares bil-Ħniena tiegħek fuq dawk li jieħdu sehem fis-Saċerdozju tiegħek, biex huma jkunu jixbħuk żommhom fidili Miegħek… Huma m’humiex tad-dinja… iżda int bgħatthom fid-dinja… Żommhom ‘il bogħod mill-ħażen Mulej. Ieqaf ma’ dawk li bi dgħjufija qegħdin jitilfu s-sens tal-Vokazzjoni tagħhom; għinhom biex jirrealizzaw li Inti għażilthom qabel ma huma tnisslu fil-ġuf… li Inti ikkonsagrajthom u li Inti bgħatthom. Ieqaf ma’ dawk li qegħdin jibżgħu mill-piż jew qed jaqgħtu qalbhom fix-xogħol tagħhom. Agħtihom il-grazzja li jagħarfu li Inti qiegħed magħhom u li l-grazzja tiegħek hija biżżejjed għalihom.

Qari mill-Evanġelu ta’ San Luqa ( 10, 1-9)
Il-Mulej qabbad ukoll tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn f’kull belt u post fejn kien se jmur Hu. U qalilhom “il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru, araw qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Tieħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. Fid-dar fejn tidħlu l-ewwel għidu ‘Is-sliem lil din id-dar.” U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le t-tislima tagħkom terġa’ tiġi lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja u kulu u ixorbu milli jkollkom huma għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqgħodux idduru minn familja għall-oħra. Kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom. Fejqu l-morda li jkun hemm u lin-nies għidulhom “Is-Saltna t’Alla waslitilkom.”

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu Ħajr lil Alla

Nitolbu:
Ejjew nitolbu lil Ġesu’ li sejħilhom biex ikunu sieħba miegħu fis-Saċerdozju biex jagħmilhom ministri denji tal-Vanġelu tiegħu.

Invokazzjonijiet:
Inwieġbu: ISMAGĦNA NITOLBUK MULEJ

Mulej, Ġesu’, Int ikkonsagrajthom bħala Saċerdoti biex joffru l-Misterji tiegħek. Agħmel li dak li jiċċelebraw iħalli l-frott fil-ħajja tagħna. Nitolbu…

Mulej Ġesu’, Saċerdot ta’ Paċi u Qdusija li kkonsagrajt il-Ħobż u l-Inbid bħala sinjal tal-offerta tiegħek bħala vittma, agħmel li s-Saċerdoti bil-volonta’ jkunu vittmi wkoll miegħek. Nitolbu…

Mulej Ġesu’, Saċerdot tal-Patt il-Ġdid, li fuq l-altar tas-Salib offrejt lill-Missier is-Sagrifiċċju Perfett, għallem lis-Saċerdoti joffru dan is-sagrifiċċju ta’ ħajjithom miegħek. Nitolbu…

Mulej Ġesu’, agħmel li s-Saċerdoti kollha jkunu mgħallma vera tal-messaġġ tiegħek bil-kelma u bl-eżempju biex huma jġeddu d-dinja skont il-vanġelu tiegħek. Nitolbu…

Mulej Ġesu’, agħmel li huma jkunu rgħajja veri tal-merħla tiegħek biex huma jsaħħuhom bil-grazzja tiegħek li tagħti l-ħajja, idewwu l-qlub maqsuma, ifarrġu lil dawk li jibku u jġibu l-paċi u l-ferħ tiegħek lil kulħadd. Nitolbu…

Mulej Ġesu’ ġedded fihom il-grazzja li ġiet mogħtija lilhom bit-tqegħid fuqhom tal-idejn tal-isqof, sabiex denjament u bi frott iwettqu d-doveri tas-Saċerdozju tagħhom. Nitolbu…

Kant: Lil Ġesu’ Ostja

O Ġesu’ li fiċ-ċkejkna Ostja bajda
Issejħilna biex niġu hawn ħdejk;
Nadurawk, O Sultan maħbub tagħna,
Mixħutin għarkupptejna f’riġlejk.

Rit./ Ħeġġeġ qlubna bil-fjammi ta’ mħabbtek
Li minn qalbek għalina ħerġin;
Sabiex miegħek għal dejjem inkunu
B’imħabbitna, O Ġesu’ marbutin.

L-Anġli tiegħek madwar l-Ostja mqaddsa
Inni sbieħ inkantawlek qegħdin
Aħna magħhom irridu ngħidulek:
“Għalik biss aħna lkoll imħeġġin.”

Rit./ Ħeġġeġ qlubna…

Lilek biss, O Ġesu’, aħna rridu
B’qalbna nħobbu sa nibqgħu ħajjin.
Għax Int biss tħobbna lilna bl-imħabba,
Li tagħmilna għal dejjem henjin.

Rit./ Ħeġġeġ qlubna….

Adorazzjoni u Ringrazzjament
Nadurawk O Ġesu’, u nroddulek ħajr għax bis-sagrifiċċju tiegħek ġibtilna l-maħfra u ħabbibtna mill-ġdid mal-Missier Etern. Sa minn dejjem inti kont predestinat sabiex tkun il-medjatur bejn Alla u l-Bniedem. Il-Missier Alla ried li Ibnu magħmul bniedem int ukoll is-Saċerdot ewlieni bejnu u bejn l-umanita’. O Ġesu’, int ġejt ikkonsagrat sa mill-ewwel mument, meta tnissilt fil-ħdan ta’ Ommok Marija; il-mument tal-Konsagrazzjoni saċerdotali tiegħek kien l-istess mument tal-Inkarnazzjoni. Fil-ħin tal-Inkarnazzjoni Int fhimt tajjeb kemm huwa kbir id-dnub; fhimt kemm kienu dgħajfa t-tpattijiet tal-bnedmin, għaraft ukoll li Alla l-Missier meta tak in-natura umana, ikkonsagrak biex tkun mogħti bħala vittma, u ried li Inti stess tkun is-Saċerdot li toffrilu dan is-sagrifiċċju.

Fl-aħħar Ċena meta kkonsagrajt il-Ħobż u l-Inbid Int ipproklamajt ruħek Saċerdot u offrejt lill-Missier Alla l-istess Ġisem u Demm Tiegħek, taħt ix-xbihat Ewakristiċi. Fl-aħħarnett fuq is-Salib Inti bħala Saċerdot u Vittma ridt iċċarċar sal-inqas qatra ta’ demmek biex tpatti għad-dnubiet tad-dinja. Wara t-Tlugħ tiegħek fis-sema, is-Saċerdozju tiegħek ma ntemmx, iżda komplejt il-ħidma tiegħek bħala qassis il-kbir, fis-sema kif ukoll fl-art; inti tibqa’ dejjem ħaj biex tidħol għalina, (Lhud 7, 25). Inti tkompli ġġedded is-sagrifiċċju tas-Salib, taħfer il-ħtijiet u twassal lil kull bniedem il-ħajja grandjuża tal-grazzja. Ta’ dan kollu li għamilt magħna aħna niżżuk ħajr, O Ġesu’ u nixtiequ niżżuk ħajr għal dejjem fis-Sema, Hekk ikun.

Mument Skiet

2017-1-26-Farrar-AKant: Nadurawk ja Ħobż tas-Sema

Nadurawk ja Ħobż tas-Sema
Frott l-imħabba l-iżjed bnin
Għalik l-Anġli dlonk titniehed
Inti l-hena tal-bnedmin.

Rit./ Nadurawk ja Ħobż tas-Sema
Frott l-imħabba l-iżjed bnin…

Nadurawk ja Ħobż tas-Sema
Frott l-imħabba l-iżjed bnin
Inti s-saħħa tal-qawwija
Inti l-faraġ tad-dgħajfin.

Rit./ Nadurawk ja Ħobż tas-Sema
Frott l-imħabba l-iżjed bnin…

Nadurawk ja Ħobż tas-Sema
Frott l-imħabba l-iżjed bnin
Int il-qawma ta’ min raqad,
Inti l-għaxqa tal-ħajjin.

Rit./ Nadurawk ja Ħobż tas-Sema
Frott l-imħabba l-iżjed bnin…

Nadurawk ja Ħobż tas-Sema
Frott l-imħabba l-iżjed bnin
Jalla d-dinja tagħraf tħobbok,
Fik il-qlub huma henjin.

Rit./ Nadurawk ja Ħobż tas-Sema
Frott l-imħabba l-iżjed bnin…

Att ta’ Tpattija u Talb
O Ġesu’ illum nixtiequ nitolbuk bosta grazzji għas-Saċerdoti li Int għażilt għalik sabiex f’ismek u bis-setgħa li tajthom ikomplu l-ħidma tal-Fidwa Mqaddsa minnek mibdija.

Kull saċerdot waqt li jiċċelebra l-quddiesa juża din is-setgħa minnek mogħtija u x’ħin itenni “Dan hu Ġismi” “Dan hu l-Kalċi ta’ Demmi”. Inti tiġi preżenti fostna bl-umanita’ u bid-Divinita’ Tiegħek.

Meta fis-Sagrament tal-Qrar itenni l-kelmiet “Jiena nħollok minn dnubietek”, is-Saċerdot bis-setgħa tiegħek jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet u jreġġa’ l-midneb għall-ħajja tal-grazzja.

Bħala sinjal ta’ rikonoxxenza nixtiequ li l-kattoliċi kollha jkollhom rispett lejn is-Saċerdoti u jirrokonoxxuhom bħal l-Mibgħuta tiegħek.

Nitolbuk ukoll għall-Vokazzjonijiet Saċerdotali sabiex ikollna numru biżżejjed ta’ rgħajja li jħarsu u jmexxu l-erwieħ lejn is-Sema pajjiżna.

Fuq kollox imla l-qlub tas-Saċerdoti tiegħek bil-għerf, bil-qawwa u bil-qdusija tal-Ispirtu s-Santu. Agħmel li jxandru t-tagħlim tiegħek ikunu xhieda ħajja tiegħek bi qdusithom.
Missier tagħna kollok ħniena waqt li nroddulek ħajr talli tajtna Saċerdoti biex iqaddsuna nitolbuk li ssaħħaħhom fil-virtujiet tagħhom, tħarishom minn kull deni u twassalhom mal-merħla tagħhom fil-glorja tas-sema, bi Kristu Sidna, Hekk ikun.

Mument Skiet

web3-monstrance-close-sunburst-fotorech-pixabay-cc0-2

Invokazzjonijiet:
Wara kull invokazzjoni nwieġbu, Agħtina, Mulej, Saċerdoti Qaddisa.

Sinjur Alla, għall-unur tiegħek u għall-glorja tiegħek.
Sinjur Alla, biex imexxu r-ruħ tagħna, lejn s-Sema pajjiżna.
Sinjur Alla, biex juru lill-bnedmin il-kobor tal-Ħniena Tiegħek.
Sinjur Alla, biex inisslu fl-erwieħ ix-xewqa għall-ħajja qaddisa.
Sinjur Alla, biex juru lill-bnedmin is-sbuħija ta’ ħajja sagrifikata.
Sinjur Alla, biex ħafna erwieħ jitgħallmu jitbiegħdu mill-ħażen.
Sinjur Alla, biex id-dinja tagħraf is-sbuħija tas-safa.
Sinjur Alla, biex il-qlub tal-insara jinġibdu minn dak li hu qaddis u sabiħ.
Sinjur Alla, biex id-dinja tagħraf il-preżenza tal-Ispirtu tiegħek fostna.

Talba tal-Aħħar
O Ġesu’, Saċerdot Etern, kabbar fil-Knisja tiegħek in-numru tal-aspiranti għas-Saċerdozju u iffurmahom skont id-disinji tal-Qalb tiegħek Santissma. Erġa’ ejja għandna o twajjeb Ġesu’ permezz tas-Saċerdoti tiegħek. Biddilhom fik, agħmilhom strumenti tal-Ħniena Tiegħek, u agħmel li huwa jwettqu, bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek l-opri li Inti stess wettaqt għas-salvazzjoni tad-dinja, Inti li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem, hekk ikun.

Kant tal-Aħħar: O Qalb Ħanina

O Qalb Ħanina, li mill-jasar fdejt
Lill-bnedmin kollha, li bla tarf ħabbejt;
Kebbes fi qlubna, miġburin f’riġlejk,
Bin-nar ta’ mħabbtek, sabiex nersqu lejk.

Ġesu’ ħallina niġu ħdejk fis-skiet,
Biex aħna nieklu mill-Ħobż tas-smewwiet.
Fik biss il-ħajja, fik id-dawl u l-ġid,
Inti ta’ qalbna l-għeżeż Qalb u Sid.

Xi ġmiel, xi ħlewwa, meta fuq l-altar,
Int tistenniena minn ġo dik id-Dar;
O Qalb Ħanina, għid xi tridna ntuk;
Din qalbna ċkejkna, sabiex inħobbuk.

Barka Sagramentali
Ikun Imbierek Alla