(Tinqara minn Leader/Saċ/eċċ… dawk preżenti mitlubin li jżommu ħarsithom fuq l-Ewkaristija)
Għażiż ħija/ Oħti,
Jekk inti xi ftit mistħi jew forsi bla skola, ma tafx tikteb ħafna jew taqra tajjeb, ma jimpurtax. Jekk inti ma tafx titlob u forsi tħossok mgħobbi bis-slaleb tal-ħajja, ma jimpurtax. L-aqwa, li inti hawn quddiem Ġesu’ Sagramentat.
Jekk inti forsi żagħżugħ jew żagħżugħa u qed tinkwieta fuq il-futur tiegħek biex ikollok impjieg tajjeb, ma jimpurtax, intelaq f’idejh u ħallih imexxik hu.
Forsi qed tixjieħ, xagħrek bjad u tħossok magħsur minn dak li għaddejt minnu fil-ħajja, ma jimpurtax, ħallih ifarrġek u ntelaq f’idejn Ġesu’ Ewkaristija. Jista’ jkun li qed tħossok b’kuxjenza mħawda u tħoss it-tingiż tad-dnub, taqtax qalbek. Ħares lejh fl-Ewkaristija. Huwa jibqa’ sieket u l-ebda ċanfira ma toħroġ minn fommu. Għandu biss ħarsa ta’ ħlewwa u ta’ mħabba. Xħin trid int bi qrara sinċiera Ġesu’ jserrħek minn dak it-toqol li qed iġġorr. Ħares lejh u żomm għajnejk fuqu tul ħajtek kollha. Ġorru f’qalbek lil Ġesu’ Ostja u ħajtek tieħu xejra oħra.
Int min int, int x’int, għandek x’għandek, ferħan jew imdejjaq, ma jimpurtax basta tfittex lil Ġesu’ fl-Ewkaristija. Ejja spiss hawn quddiem Ġesu’, u meta tkun imħabbat ħafna ejja hawn bil-menti tiegħek.
Għax Ġesu’ huwa ħuk, huwa bniedem bħalek, b’qalb li tħoss u tagħder. Iva, Ġesu’ jimpurtah minnek u jifhmek tajjeb. Huwa jafek aktar milli inti stess taf lilek innifsek. Ġesu’ Ewkaristija huwa wkoll Alla; Alla veru u Alla ħaj. Huwa l-uniku Alla tagħna. Xi darba jew oħra kull maħluq sa jinżel għarkupptejh quddiemu.
Le, xejn ma jimporta jekk inti ikrah jew sabiħ, xiħ jew żagħżugħ. L-importanti li tiġi hawn quddiemu u żżuru spiss. Għax Ġesu’ lilek iħobbok hekk kif int. Iħobbok bid-difetti tiegħek, bin-nuqqasijiet kollha tiegħek. Iva, iħobbok kif int.
Dan tajjeb li tifhmu. Jaċċettak preċiż kif int. Ġesu’ jħobbok u jrid jgħannqek miegħu, jekk tħallih. Għidlu issa stess, “Mulej għannaqni miegħek.”
“Orbotni miegħek. Tħallinix nitbiegħed minnek. Ħenn għalija għax jiena midneb. Ġesu’, nixtieq inħobbok imma ma nafx kif. Kemm nixtieq inferraħlek qalbek. Kompli ħu paċenzja bija u għinni nbiddel ħajti. Iva għinni nikkonverti. Ġesu’, fejjaqni. Fejjaqni għax inħossni maqsum f’ħafna biċċiet. Ma nafx kif għandi nitlob, Mulej.” Ħija, oħti, għidlu li trid lil Ġesu’. Għidlu kemm tixtieq tagħmel ġid u kemm tixtieq tgħin lill-oħrajn. L-importanti li inti hawn quddiem il-Mulej Ġesu’ fl-Ewkaristija. Il-preżenza tiegħek qed tferraħlu qalbu ħafna.
La tinsiex li Ġesu’ dejjem hawn u qiegħed hawn jistenniek. Jistenna billejl u bi nhar. Bħall-marid marbut fis-sodda jistenna lil min iżuru. Hekk ukoll Ġesu’ jistenniena mmorru ftit ħdejh. Ara ma taħsibx li int jew jien qegħdin hawn quddiemu b’kumbinazzjoni. Xejn minn dan! Dan privileġġ speċjali. Din grazzja sabiħa għal ruħek. Hawn quddiemna jinsab l-pont li jgħaqqad lilek ma’ Alla. M’hemmx triq oħra lejn il-ġenna: ĠESU’. Permezz tiegħu tingħaqad mat-Trinita’ Qaddisa. Ġesu’ huwa l-pont bejn Alla u l-bniedem. U lilek iħobbok… iħobbok kif int.
Għalkemm forsi inti taħseb li m’int kapaċi għalxejn, lilek iħobbok u jinteressa ruħu fik. Lili u lilek jafna tajjeb. Jafna sew. M’għandekx x’taħbilu. Ara li tkun sinċiera miegħu. Hu żgur li jħobbok, imma inti tħobbu? Iddaħħlu f’ħajtek il-ħin kollu? Taħseb xejn fih? Matul il-ġurnata tgħidlu xi kultant “Ġesu’ inħobbok?” Hu jridek, iżda… inti tridu? Tipprova tisma’ aktar fuqu? Taqra kultant xi ħaġa li tiġbdek lejh? U lil ommu Marija tħobbha xejn? Titlobha xejn biex issir tħobb aktar lil binha Ġesu’?”
Ibda issa, illum stess. Ikkonvinċi ruħek li mingħajru m’int xejn. Mingħajru hemm biss vojt u mrar. Iebsa l-ħajja għal kulħadd. Iżda għandek ħabib, anzi, l-aqwa ħabib li kapaċi jifhmek mill-ewwel. Ersaq lejh. Fittxu spiss. Iftaħ qalbek miegħu u mhux ma’ xi ħadd ieħor li forsi mbagħad imur jgħid fuqek minn wara dahrek!
“Ejjew għandi intom li tinsabu mtaqqlin u mħassbin u jien inserraħkom,” qalilna Ġesu’. Żgur li mhux se jidħak bina. Kulħadd jista’ jidħak bina, xi darba jew oħra, iżda mhux Ġesu’, li hu l-istess Alla.
“Jiena nibqa’ magħkom sal-aħħar tad-dinja,” qalilna l-Imgħallem. X’garanzija din! “Jiena magħkom sal-aħħar tad-dinja.” Xi kliem sabiħ dan! X’ferħ tħoss meta tħalli dawn il-kelmiet jinfdu lil moħħok, lil qalbek, u lil ruħek.
Ġesu’ magħna l-ħin kollu, fl-ikrah u fis-sabiħ tal-ħajja. Veru li xi drabi bħal donnu jinħeba u tħossok waħdek mitluq minn kulħadd. Iżda la darba Ġesu’ qalilna li hu sa jkun dejjem magħna, żgur li mhux sa jidħak bina. Kif tista’ tiddubita l-kelma ta’ Ġesu’?
Grazzi, Ġesu’, talli tħobbni hekk kif jien. Int taċċettani kull ħin u dejjem. Inti taċċettani bid-difetti kollha tiegħi. Int l-akbar teżor tiegħi. Grazzi mill-qalb, Ġesu’ Ewkaristija, li xħin irrid, niġi u niftaħ qalbi miegħek u int isserraħni.
Infaħħrek u mbierkek, Mulej Alla tiegħi. Kabbar fija l-fidi. Għarrafni lilek innifsek. Ixħet id-dawl ta’ wiċċek fuqi, Mulej. Ġennini għal warajk. Imlieli moħħi, qalbi u s-sensi kollha tiegħi. Tħallini qatt ninfired minnek. Agħmel, Ġesu’, li int ikollok l-aqwa post f’ħajti.
Grazzi, Ġesu’.
Grazzi mill-qalb, Ġesu’ Ewkaristija.
Berikni, Mulej.
Ammen.
Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.