63. Riflessjoni fuq Ġwanni 3: 22-30

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 3: 22-30

1102014614_univ_lsr_xl

L-Evanġelju skont San Ġwann 3: 22-30

[Ġw:3:22] F’dak iż-żmien, Ġesù mar mad-dixxipli tiegħu fl-art tal-Lhudija, u baqa’ hemm magħhom jgħammed.

[Ġw:3:23] Ġwanni wkoll kien qiegħed jgħammed f’Għajnun, qrib Salim, għax f’dik in-naħa kien hemm ħafna ilma; u n-nies kienet tiġi biex titgħammed.

[Ġw:3:24] Sa issa lil Ġwanni kienu għadhom ma tefgħuhx fil-ħabs.

[Ġw:3:25] Ġara mela li d-dixxipli ta’ Ġwanni tlewwmu ma’ wieħed Lhudi fuq ir-rit tal-purifikazzjoni,

[Ġw:3:26] u ġew għand Ġwanni jgħidulu: “Rabbi, kien hemm raġel miegħek in-naħa l-oħra tal-Ġordan, dak li int xhedt għalih. Issa, ara, hu qiegħed jgħammed, u kulħadd sejjer għandu.”

[Ġw:3:27] Ġwanni weġibhom: “Ħadd ma jista’ jirċievi xi ħaġa jekk ma tingħatalux mis-sema.

[Ġw:3:28] Intom stess tistgħu tixhdu li jiena għedtilkom li ‘jien m’iniex il-Messija,’ imma biss li ‘jien kont mibgħut qablu.’

[Ġw:3:29] Dak li għandu l-għarusa huwa l-għarus; imma l-ħabib ta’ l-għarus, li jkun ħdejh u jisimgħu, jifraħ ħafna meta jisma’ leħen l-għarus. U dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet.

[Ġw:3:30] Jenħtieġ jikber hu u niċkien jiena.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Mela dawk li kienu assoċċjati ma’ Ġwanni l-Battista gergru minħabba l-fatt lin-nies issa kienet qed tmur għand Ġesu’, Ġwanni fl-umilta’ karatteristika tiegħu stqarr li hu ma kienx il-Messija, imma biss il-messaġġier li jipprepara t-triq għalih. Ġwanni jiddeskrievi l-Messija bħala l-Għarus u huwa bħala l-ħabib tal-Għarus. L-immaġini taż-żwieġ u l-festa tat-tieġ hija wżata matul l-Iskrittura kollha biex tiddeskrievi l-ferħ tal-poplu t’Alla jiġifieri tal-Knisja meqjusa bħala l-Għarusa tiegħu. Bħalma l-għarus jifraħ bl-għarusa tiegħu hekk ukoll Alla jifraħ bik. Hekk insibu fil-ktieb t’Iżaija l-profeta Kap 62 vers 5.

Ġwanni, aġixxa bħala l-‘Best Man’ fl-arranġamenti għat-tieġ biex ikun jista’ jipprepara l-festa tat-tieġ t’Alla mall-poplu tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġwanni u d-dixxipli tiegħu ferħu li l-għarus ġie għall-għarusa tiegħu l-Knisja biex ikun jista’ jħejjija għall-festa tat-tieġ. Insibu t-twettiq ta’ dan f’Ġerusalemm il-ġdida fil-festa tat-tieġ tal-Ħaruf u tal-għarusa tiegħu. Dan nistgħu nsibuh fil-ktieb tal-Apokalissi jew tar-Rivelazzjonijiet Kapitli 21 sa 22.

U inti tħares il-quddiem b’anteċipazzjoni ferrieħa għat-twettiq tal-pjan t’Alla għall-poplu tiegħu fl-aħħar taż-żminijiet?

Itlob …

Mulej Ġesu’, għinni nżomm ħarsti fuq s-Saltna tiegħek u nitlob ħerqan u b’tama ferrieħa għal dak il-jum meta l-poplu tiegħek ikun magħqud b’mod komplet miegħek fit-tieġ tas-Saltna tas-sema.

Għażiża Ommi Marija, Int li Alla kien għalik il-ferħ u l-ħajja kollha tiegħek, agħtini l-għajnuna tat-talb tiegħek biex jien f’ħajti ma nħalli xejn li jista’ jfixkilni milli nagħti lili nnifsi kollni kemm jien lil Ibnek permezz tiegħek. Ammen.