Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 17: 1-9
L-Evanġelju skont San Mattew 17: 1-9
[Mt:17:1] Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom,
[Mt:17:2] u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl.
[Mt:17:3] U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu.
[Mt:17:4] Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.”
[Mt:17:5] Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.”
[Mt:17:6] Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’.
[Mt:17:7] Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.”
[Mt:17:8] Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.
[Mt:17:9] Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Inti ppreparat biex tara l-glorja t’Alla?
Alla ħerqan biex jaqsam il-glorja tiegħu miegħek. Nilmħu mill-bogħod din il-glorja meta id-dixxipli raw lil Ġesu’ ttrasfigurat fuq it-Tabor. Ir-rakkont li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb.
Fil-ktieb tal-Eżodu kapitlu 34 vers 29 insibu li meta Mose’, iltaqa’ m’Alla fuq il-muntanja tas-Sinaj il-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejn Alla. U San Pawl fit-tieni ittra tiegħu lill-Korintin kapitlu 3 vers 7 jgħidilna li l-Iżraelin ma setgħux iżommu għajnejhom f’wiċċ Mose’ minħabba fid-dija ta’ wiċċu.
Fir-rakkont tal-lum Ġesu’ jidher fil-glorja mal-kbir mexxej Mose’ dak li permezz tiegħu ngħatat il-liġi lill-poplu t’Alla u ma’ Elija l-aqwa fost il-profeti li ħabbar ħafna dwar il-miġja tal-Messija, fil-preżenza ta’ tlieta mill-appostli għeżież tiegħu.
X’inhu s-sinifikat ta’ din id-dehra misterjuża?
Ġesu’ mar fuq il-muntanja bl-għarfien minn qabel ta’ dak li kellu jgħaddi minnu f’Ġerusalemm. Iċ-ċaħda li kellu jsofri, il-mod kif kien se jiġi mwarrab u l-mewta tas-salib. Probbabilment li Ġesu’ tkellem dwar id-deċiżjoni tiegħu li jmur għall-mewt tas-salib ma’ Mose’ u Elija. Alla l-Missier ukoll tkellem ma’ Ġesu’ u ta’ l-approvazzjoni tiegħu. “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.” Is-sħaba li mliet il-post ta’ din id-dehra ta’ Ġesu’ wettqet il-ħolma tal-Lhud li meta l-Messija jiġi s-sħaba tal-preżenza t’Alla kienet se terġa’ timla t-tempju li jissemma fit-Testment il-Qadim.
Ħsieb għal Qalbek …
Pietru, Ġakbu u Ġwanni kienu xhieda privileġġati tal-glorja ta’ Kristu. Aħna wkoll bħala dixxipli ta’ Kristu msejħa biex inkunu xhieda tal-glorja tiegħu kif insibu fit-tieni ittra lill-Korintin kapitlu 3 vers 18, il-Mulej irid jirrivela l-glorja tiegħu għalina d-dixxipli għeżież tiegħu.
Inti tfittex il-preżenza Tiegħu fik, fl-oħrajn, madwarek u b’mod speċjali fl-Ewkaristija, b’dik il-fidi, ir-rispett u l-qima li jixtieq jara fina l-Mulej?
Itlob …
Mulej, ressaqni lejk u ħallini nara u nesperjenza l-glorja tiegħek. Agħmel li qatt ma niddubita l-imħabba u l-għajnuna tiegħek li jsalvawni. Ammen.