Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 1-15
L-Evanġelju skont San Ġwann 6: 1-15
[Ġw:6:1] Wara dan, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija.
[Ġw:6:2] Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda.
[Ġw:6:3] Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu.
[Ġw:6:4] Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.
[Ġw:6:5] Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”
[Ġw:6:6] Dan qalulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel.
[Ġw:6:7] Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit.”
[Ġw:6:8] Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu:[Ġw:6:9] “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”
[Ġw:6:10] “Qiegħdu n-nies bilqiegħda,” qal Ġesù. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda.
[Ġw:6:11] Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried.
[Ġw:6:12] Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela.”
[Ġw:6:13] Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.
[Ġw:6:14] Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”
[Ġw:6:15] Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Hemm xi ħaġa f’din id-dinja li verament tista’ taqtagħlna l-ġuħ u l-għatx profond li aħna nesperjenzaw?
Folla kbira ta’ nies, inġabru biex jisimgħu lil Ġesu’, bla dubju għax kellhom il-ġuħ għall-Kelma tal-Ħajja. Meta sar filgħaxija d-dixxipli ta’ Ġesu’ riedu jibgħatuhom lura lejn djarhom għax huma ma kellhomx ir-riżorsi biex jitimgħuhom. Huma kkummentaw ukoll, li li kieku kellhom jonfqu l-flus biex jixtru x’jieklu lil dik il-folla kbira kienu jridu jonfqu tal-inqas paga ta’ sitt xhur. Ġesu’, il-Ħobż tal-Ħajja ħa l-ftit li kellhom, ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, u wara li radd ħajr lil Missieru tas-sema, qasmu lil kulħadd sakemm kielu u xebgħu.
Il-Mulej dejjem hekk jimxi magħna. Ikun iridna nagħtuh il-ftit tagħna bil-fidi u l-fiduċja fih li Hu kapaċi jimmultiplikah għall-ġid tal-oħrajn.
Ħsieb għal Qalbek …
Il-miraklu ta’ Ġesu’ li jitma’ l-ħames t’elef raġel, huwa l-uniku wieħed irrakkuntat fl-erba’ Evanġeli.
X’inhu s-sinifikat ta’ dan il-miraklu?
Dan il-miraklu fakkar lill-poplu fil-providenza t’Alla meta temgħahom fid-deżert, meta kienu taħt it-tmexxija ta’ Mose’. Dawn meta qabadhom il-ġuħ Alla bagħatilhom il-manna x’jieklu. Dan l-ikel kien bi tħejjija għall-veru Ħobż li jinżel mis-sema kuljum fuq l-altari tagħna, li hu Ġesu’ nnifsu. Hu l-uniku li jissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħna u min jiekol minn dan, ma jmut qatt imma jgħix b’Ġesu’ għall-eternita’.
Inti tersaq lejn Ġesu’ biex tagħtih il-ftit tiegħek b’fiduċja li hu bih se jibdel il-ħajja tiegħek u tal-oħrajn?
Ġesu’ l-Ħobż Ħaj li jinżel kuljum f’kull Quddiesa li titqaddes jiġi biex ikun il-Ħobż li jgħajjex lilna lkoll.
Qiegħed tersaq b’qalb safja biex tirċievieh jew tħallih jistenna waħdu fit-Tabernaklu tal-Knejjes tagħna?
Itlob …
Mulej, Int tissodisfa x-xewqat l-aktar profondi tal-qlub tagħna billi titmagħna bik innifsek fl-Ewkaristija Mqaddsa. Imlieni bil-gratitudni u agħtini qalb ġeneruża biex nagħmel ħin għalik biex nipprepara bil-Qrar u niġi niltaqa’ miegħek fil-Quddiesa u t-Tqarbina, anki dik ta’ kuljum. Agħmel li nkun ukoll ta’ xhieda għal ta’ madwari biex huma wkoll jiġu jduqu mill-benna li Int biss taf tagħti, l-benna tiegħek innifsek. Ammen.