60. Riflessjoni fuq Mark 6: 45-52

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 6, 45-52

Jesus-Walks-on-Water-GettyImages-590131742-58c1b8905f9b58af5c19e492

L-Evanġelju skont San Mark 6: 45-52

[Mk:6:45] Fdak iż-żmien, wara li Ġesu kien għadu kien għamel il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, minnufih ġagħal id-dixxipli tiegħu jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru x-xatt l-ieħor qablu, lejn Betsajda, sakemm hu jibgħat in-nies.

[Mk:6:46] Wara li sellmilhom u ħalliehom, tala’ fuq l-għoljiet biex jitlob.

[Mk:6:47] Xħin sar filgħaxija d-dgħajsa kienet għadha f’nofs il-baħar, u hu waħdu l-art.

[Mk:6:48] Kif rahom jitħabtu jaqdfu, għax kellhom ir-riħ għal wiċċhom, għal xi r-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar, u ried jgħaddihom.

[Mk:6:49] Huma rawh miexi fuq il-baħar u stħajjluh xi fantażma, u qabdu jgħajjtu,

[Mk:6:50] għax ilkoll tbeżżgħu kif rawh. Iżda hu minnufih kellimhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn.”

[Mk:6:51] Mbagħad tala’ ħdejhom fid-dgħajsa, u r-riħ waqaf. U komplew tnixxfu fihom infushom bil-għaġeb,

[Mk:6:52] għax il-miraklu tal-ħobż ma kinux fehmuh, imma moħħhom kien magħluq.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-Mulej jidher distanti meta aħna fil-bżonn?

Kien Ġesu’ nnifsu li bagħat lid-dixxipli fuq id-dgħajsa. Meta kienu qed jaffaċċjaw il-maltemp, minkejja li hu ma kienx magħhom fid-dgħajsa, kien qiegħed iħarishom permezz tat-talb tiegħu. Meta ntebaħ li kienu jinkwetaw għax ħasbu li se jitilfu ħajjithom, hu resaq lejhom fuq l-baħar u nħasdu x’ħin rawh!

Fir-rakkont tal-istess ġrajja, l-Evanġelista San Mattew jgħidilna li lil Pietru Ġesu’ stiednu jimxi sa ħdejh fuq il-baħar, imma malli dan ra li r-riħ kien qawwi beża’, naqsitu l-fidi u kien se jegħreq! Ġesu’ minnufih medd idu u qabdu u qallu: ‘Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?’ Din insibuha f’Mattew Kap 14 vers 31.

Ħsieb għal Qalbek …

Inti tfittex lill-Mulej meta tkun għaddej minn diffikultajiet u sfidi? Il-Mulej dejjem jieħu ħsiebna b’mod speċjali f’mumenti ta’ tentazzjoni u diffikulta’.

Int tafda fil-Mulej li hu lest jagħtik il-qawwa u l-għajnuna li teħtieġ? Ġesu’ jassigurana li ma għandix għalfejn nibżgħu jekk nafdaw fih u fl-imħabba kbira li hu għandu għalina.

Meta l-maltemp u l-provi jheddu li jegħrquk, inti kif twieġeb? Twieġeb bil-fidi u tama fl-imħabba, l-għajnuna u l-preżenza t’Alla miegħek?

Itlob …

Mulej, għinni nafda dejjem u qatt ma niddubita fil-preżenza u l-qawwa tiegħek li tgħenni. Fil-mumenti ta’ dubji u dgħjufija, ħalli li jien niggranfa miegħek kif għamel Pietru.

Għażiża Marija, itlob miegħi u għalija ħalli l-fidi tiegħi titqawwa dejjem iżjed u nkun nista’ nimxi ‘l quddiem bla ma nikser lejn il-lemin jew lejn ix-xellug, imma nżomm dejjem ħarsti fuq Ibnek l-għażiż sa ma nasal għandu. Ammen.