131. Riflessjoni fuq Mattew 14: 22-36

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 14: 22-36

img_0011

L-Evanġelju skont San Mattew 14: 22-36

[Mt:14:22] U minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies.

[Mt:14:23] Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu;

[Mt:14:24] id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom.

[Mt:14:25] Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar.

[Mt:14:26] Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru.”Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajjtu bil-biża’.

[Mt:14:27] Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn.”

[Mt:14:28] Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.”

[Mt:14:29] “Ejja!” qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù.

[Mt:14:30] Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”

[Mt:14:31] Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira?” qallu,”għaliex iddubitajt?”

[Mt:14:32] Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf.

[Mt:14:33] Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla?”

[Mt:14:34] Qasmu għan-naħa l-oħra u marru fl-art ta’ Ġennesaret.

[Mt:14:35] In-nies ta’ hemm għarfuh, u xerrdu l-aħbar ma’ dawk l-inħawi kollha. Bdew iressqulu quddiemu l-morda kollha

[Mt:14:36] u jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa; u dawk kollha li messewh fiequ.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-Mulej jidher distanti meta aħna fil-bżonn?

Kien Ġesu’ nnifsu li bgħatt lid-dixxipli fuq id-dgħajsa. Meta kienu qed jaffaċċjaw il-maltemp minkejja li hu ma kienx magħhom fid-dgħajsa kien qiegħed iħarishom permezz tat-talb tiegħu. Meta ntebaħ li kienu jinkwetaw għax ħasbu li se jitilfu ħajjithom hu resaq lejhom fuq l-baħar u huma nħasdu x’ħin rawh.

Ħsieb għal Qalbek …

Inti tfittex lill-Mulej meta tkun għaddej minn diffikultajiet u sfidi? Il-Mulej dejjem jieħu ħsiebna b’mod speċjali f’mumenti ta’ tentazzjoni u diffikulta’.

Int tafda fil-Mulej li hu lest jagħtik il-qawwa u l-għajnuna li teħtieġ? Ġesu’ jassigurana li ma għandix għalfejn nibżgħu jekk nafdaw fih u fl-imħabba kbira li hu għandu għalina.

Meta l-maltemp u l-provi jheddu li jniżżluk magħhom u jegħrquk inti kif twieġeb? Twieġeb bil-fidi u tama fl-imħabba, l-għajnuna u l-preżenza t’Alla miegħek?

Itlob …

Mulej, għinni nafda dejjem u qatt ma niddubita fil-preżenza u l-qawwa tiegħek li tgħenni. Fil-mumenti ta’ dubji u dgħjufija, ħalli li jien niggranfa miegħek kif għamel Pietru.

Għażiża Marija, itlob miegħi u għalija ħalli l-fidi tiegħi titqawwa dejjem iżjed u nkun nista’ nimxi ‘l quddiem bla ma nikser lejn il-lemin jew lejn ix-xellug, imma nżomm dejjem ħarsti fuq Ibnek l-għażiż sa ma nasal għandu. Ammen.