99. Riflessjoni fuq Luqa 1: 57-66, 80

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 1: 57-66, 80

fjrok2b5elqnqd8b68gtxcgiqqd8b68gtxcgl

L-Evanġelju skont San Luqa 1: 57-66.80

[Lq:1:57] Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel.

[Lq:1:58] Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha.

[Lq:1:59] Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru,

[Lq:1:60] imma qabżet ommu u qalet: “Le, iżda Ġwanni jkun jismu.”

[Lq:1:61] Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek?”

[Lq:1:62] Mbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih,

[Lq:1:63] u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb.

[Lq:1:64] Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, lsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla.

[Lq:1:65] U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża’, u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha ma’ l-għoljiet kollha tal-Lhudija,

[Lq:1:66] u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu. “

[Lq:1:80] It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Iżrael.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Sorpriż li qed tara dawn il-qraba ta’ Żakkarija u Eliżabetta jikkustinjaw fuq x’isem għandu jingħata lit-tarbija li għadha kemm twieldet? Mhux hekk nagħmlu aħna wkoll?

It-tifel imma ngħata l-isem minn Alla nnifsu u Eliżabetta baqgħet soda fil-fidi tagħha u determinata li tara lil Alla jiġi gglorifikat permezz ta’ din it-tarbija. L-isem ‘Ġwanni’ jfisser ‘il-Mulej għani fil-grazzja.’ Fit-twelid ta’ Ġwanni u fit-twelid ta’ Ġesu’ l-Messija naraw il-grazzja t’Alla tibda tiddi f’dinja mkissra bid-dnub u l-mewt u bla tama. It-twelid mirakuluż ta’ Ġwanni juri l-ħniena u l-grazzja t’Alla li jipprepara lill-poplu tiegħu għall-miġja tal-Mulej u s-Salvatur, il-Kristu.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla jrid jimliena bil-glorja tiegħu l-ġranet kollha ta’ ħajjitna, mit-twelid sal-mewt. U inti, qatt offrejt lil Alla l-ħajja tiegħek flimkien mal-familja tiegħek u kull ma għandek?

Jekk iva, ġedded l-offerta tal-ħajja tiegħek lil Alla filwaqt li tirringrazzjah tal-ħniena u l-grazzja li wera miegħek anke meta int ma ntbaħtx b’dan.

Itlob …

Mulej, int mimli tjieba u ħniena lejna, agħmel li dejjem infittex nagħtik glorja f’dak kollu li naħseb, ngħid u nagħmel. Imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek biex inkun nista’ nagħti xhieda tal-ferħ tal-Evanġelu ma’ dawk ta’ madwari. Ammen.