69. Riflessjoni fuq Mark 2: 1-12

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 2: 1-12

Jesus-heals-the-man-sick-with-palsy

L-Evanġelju skont San Mark 2: 1-2

[Mk:2:1] F’dak iż-żmien, Ġesu meta wara xi ġranet daħal Kafarnahum, in-nies semgħet li kien id-dar.

[Mk:2:2] U nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-kelma.

[Mk:2:3] U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies.

[Mk:2:4] Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta’ fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ.

[Mk:2:5] Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: “Ibni, dnubietek maħfura.”

[Mk:2:6] Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f’qalbhom bdew jgħidu:

[Mk:2:7] “Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?”

[Mk:2:8] Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x’kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom?

[Mk:2:9] X’inhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ, ‘Dnubietek maħfura’, jew tgħidlu, ‘Qum u aqbad friexek u imxi’?

[Mk:2:10] Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art,” qal lill-mifluġ,

[Mk:2:11] “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.”

[Mk:2:12] Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ‘il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jipparalizza l-moħħ u l-qalb u jibblokka l-qawwa t’Alla li tfejjaqna? Id-dnub u n-nuqqas ta’ maħfra bla dubju. Id-dnub jipparalizzana aktar milli tista’ tagħmel dan kull marda fiżika li nistgħu nimirdu biha. Id-dnub hu l-ħidma tas-saltna tad-dlam u jżommna marbuta u lsiera tiegħu għall-eternita’.

Hemm biss soluzzjoni waħda u din hi l-fejqan u l-qawwa ta’ Ġesu’ li jnaddafna permezz tal-maħfra tiegħu. Il-mod kif Ġesu’ kien jitratta lill-midinbin kien jiskomda lll-għalliema reliġjużi ta’ żmien Ġesu’. Meta mifluġ inġieb għand Ġesu’ minħabba l-fidi li kellhom f’Ġesu’ l-ħbieb tiegħu, Ġesu’ għamel xi ħaġa li ħadd ma kien qed jobsorha.

Hu l-ewwel ħafer id-dnubiet ta’ dan ir-raġel. Il-kittieba qiesu din bħala dawgħa għax huma fehmu li Alla biss kellu l-awtorita’ li jaħfer id-dnubiet u jħoll raġel jew mara mit-toqol tal-ħtija. Ġesu’ ħaddem għalih awtorita’ li Alla biss setgħa jeżerċita.  Ġesu’ mhux biss ta’ prova li l-awtorita’ tiegħu kienet ġejja minn Alla. Huwa wera wkoll il-qawwa kbira tal-ħniena u l-imħabba t’Alla li ssalva billi fejjaq lill-mifluġ f’ġismu. Ir-raġel kien ipparalizzat mhux biss fiżikament imma wkoll spiritwalment. Ġesu’ ħelsu mit-toqol tal-ħtija u saħħu f’ġismu wkoll.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Mulej dejjem lest biex ifejjaqna f’moħħna, f’ġisimna u f’ruħna. Il-grazzja tiegħu teħlisna mill-qawwa tad-dnub u mill-jasar tax-xewqat, tal-passjonijiet u l-vizzjijiet ħżiena.

X’qed tħalli li jżommok milli tilqa’ l-qawwa ta’ Ġesu’ li jrid ifejjqek?

Itlob …

Agħmel Mulej li l-qawwa tal-fejqan tiegħek tmiss kull rokna fil-ħajja tiegħi, ħsibijieti l-aktar moħbija, ix-xewqat, l-attitudnijiet u l-memorji kollha tiegħi. Aħfirli nuqqasijieti u bbdilni bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu permezz tas-saċerdoti fis-Sagrament tal-Qrar ħalli nimxi b’kunfidenza fit-triq tal-verita’ u s-sewwa tiegħek. Ammen.