Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 17: 14-20
L-Evanġelju skont San Mattew 17: 14-20
[Mt:17:14] Meta reġgħu ġew ħdejn in-nies, resaq fuqu wieħed raġel niżel għarkubbtejh quddiemu u qallu:
[Mt:17:15] “Mulej, ikollok ħniena minn ibni, għax marid b’tal-qamar u qiegħed ibati ħafna; għax sikwit jaqa’ jew fin-nar jew fl-ilma.
[Mt:17:16] Ġibtu lid-dixxipli tiegħek, iżda ma setgħux ifejjquh.”
[Mt:17:17] Wieġeb Ġesù u qal: “Ja nies bla fidi u ħżiena, kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn.”
[Mt:17:18] Mbagħad Ġesù hedded bis-sħiħ lix-xitan, u dan ħareġ minnu, u minn dak il-ħin stess it-tifel fieq.
[Mt:17:19] Wara mbagħad id-dixxipli resqu lejn Ġesù għalihom weħidhom u qalulu: “L-għala aħna ma rnexxilniex inkeċċuh?”
[Mt:17:20] U hu qalilhom: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom! Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja, ‘Warrab minn hawn u mur hemm’, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’tip ta’ fidi jistenna minna l-Mulej b’mod speċjali meta, affaċċati ma’ kuntrarju u provi?
Meta tara li kellek xi falliment f’ħajtek għax l-affarijiet ma jkunux marru kif xtaqt, ma tistax ma tħosskx diżappuntat. Fl-inċident li kellhom id-dixxipli ta’ Ġesu’ fir-rakkont tal-Evanġelju tallum naraw li ma rrnexxilhomx ifejqu tifel b’mard tal-qamar. Ir-rispons li jagħtihom Ġesu’ jidher iebes imma fir-realta’ huwa mimli bl-imħabba u l-mogħdrija.
Ħsieb għal Qalbek …
Nerġgħu naraw għal darb’oħra lil Ġesu’ jiġbed l-attenzjoni tad-dixxipli dwar in-nuqqas ta’ fidi tagħhom biex jgħinu lil dan it-tifel u lil missieru. Ġesu’ b’kelma waħda jkeċċi l-ispirtu ħażin mit-tifel u jikkmandah biex ma jerġax jaħkmu aktar.
Ġesu’ jgħid lid-dixxipli li huma setgħu jċaqalqu l-muntanji li kieku kellhom il-fidi f’Alla. L-espressjoni ċċaqlaq il-muntanji għal Lhud kienet tfisser tneħħi d-diffikultajiet. Jekk aħna nitolbu bil-fidi u b’ċertezza li se naqilgħu dak li nkunu qegħdin nitolbu, Alla jagħtina dak li nkunu neħtieġu biex nirbħu fuq id-diffikultajiet u l-ostakli.
Meta inti taffaċċa provi u diżappunti kif taġixxi? Twieġeb bil-fidi u l-fiduċja f’Ġesu’?
Itlob …
Mulej Ġesu’ għenni fin-nuqqas ta’ fidi tiegħi. Kabbar il-fidi u l-fiduċja tiegħi fil-qawwa tiegħek li ssalvani. Agħtini li nkun kunfidenti u perseveranti b’mod speċjali fit-talb tiegħi quddiemek u għenni nwassal l-imħabba u l-verita’ tiegħek li tfejjaq għand dawk li Inti tlaqqani magħhom. Ammen.