Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 6: 1-6
L-Evanġelju skont San Mark 6: 1-6
[Mk:6:1] F’dak iż-żmien, Ġesu mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu.
[Mk:6:2] Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh ?
[Mk:6:3] Dan m’huwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet m’humiex hawn magħna?” U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.
[Mk:6:4] Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess.”
[Mk:6:5] U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom;
[Mk:6:6] u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Inti tikkritikahom lill-oħrajn b’mod speċjali lil dawk l-aktar qrib tiegħek?
L-aktar nies li jikkritikawna b’mod sever huma ħafna drabi dawk l-aktar familjari magħna, xi ħadd jiġi minna jew ġirien li magħhom naqsmu ħajjitna. Ġesu’ ġie affaċjat ma’ prova iebsa meta mar lura fil-belt ta’ pajjiżu f’Nazaret mhux sempliċiment bħala iben il-mastrudaxxa, imma issa bħala mgħallem imdawwar bid-dixxipli.
Kienet użanza għal Ġesu’ li jmur is-sinagoga kull nhar ta’ Sibt, il-jum qaddis tal-Lhud, u meta kien imissu kien jaqra mill-Iskrittura. In-nies ta’ beltu semgħuh b’attenzjoni kbira f’din l-okkażjoni għax kienu semgħu dwar il-mirakli li kien għamel fi bliet oħra.
X’sinjal kien se jagħmel f’beltu stess?
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ ħasadhom biċ-ċanfira li tahom meta qalhom li ebda profeta jew qaddej t’Alla ma hu miġjuh qalb niesu. In-nies ta’ Nazaret ħadu għalihom b’dan l-aġir u ma riedux jisimgħu x’kellu x’jgħidilhom. Huma ddisprezzaw it-tagħlim tiegħu għax hu kien bin ħaddiem, mastrudaxxa sempliċi ħaddiem tal-id u għalhekk iddisprezzawh minħabba l-familja tiegħu.
Kemm drabi l-familjarita’ twassal għal nuqqas ta’ rispett żbaljat fl-oħrajn. Ġesu’ ma seta’ jagħmel l-ebda manifestazzjoni tal-qawwa tiegħu hawn fosthom għax qalbhom kienet iebsa u magħluqa bin-nuqqas ta’ twemmin fih. Jekk in-nies flimkien jaslu jobgħodu u jirrifjutaw li jifhmu, allura ma jaraw xejn ħlief il-punt tagħhom u ma jaslux li jħobbu u jaċċettaw lill-oħrajn.
U inti malajr tieħu għalik u toffendi ruħek minħabba l-oħrajn?
Itlob …
Mulej Ġesu’, Inti ġejt hawn fostna biex tiftħilna għajnejna permezz tal-verita’ tiegħek, agħmel li jien nirċievi l-qawwa tal-Ispirtu Qaddis tiegħek biex f’ħajti nkun dejjem miftuħa għal Kelmtek u agħmel li jiena nagħraf u napprezza d-doni tiegħek fl-oħrajn.
Għażiża Marija, Omm ħelwa tiegħi, agħmel li qalbi tkun bħal tiegħek u bħal t’Ibnek li ma tħarsu lejn wiċċ ħadd imma tħobbu u tgħinu lil kulħadd. Ammen.