11. Infakkru fil-qosor żewġ Avvenimenti Prinċipali li l-aktar jolqtuna

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Riflessjonijiet u Talb li jistgħu jintużaw waqt Adorazzjoni Ewkaristika.

st_andre_john-paul_iiL-Ewwel:

Il-Messaġġ tal-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II lis-Saċerdoti fil-Kungress Internazzjonali tas-Saċerdoti li seħħ fil-Gżejjer tagħna bejn it-18 u 23 t’Ottubru 2004, meta fil-21 t’Ottubru fil-11 ta’ filgħodu permezz tas-satellita ingħaqad mas-Saċerdoti miġburin f’Dar il-Mediterran tal-Konferenzi u li kienu ġejjin minn madwar 90 pajjiż. Il-messaġġ kien ċar u qawwi: “Il-Knisja għandha bżonn ta’ Saċerdoti qaddisa li min-naħa tagħhom ikunu dawk li jiffrumaw qaddisin għall-millennju l-ġdid.”

“Il-Mulej qed jistedinkom, għeżież Saċerdoti, biex tkunu qabel xejn appostli permezz tal-qdusija ta’ ħajjitkom. Huwa dmir tagħkom li twasslu kullimkien il-qawwa tal-kelma tal-verita’ tal-Vanġelu, li biss tista’ tibdel fil-profond il-qalb tal-bniedem u tagħtih il-paċi.

 “Għeżież Saċerdoti, jekk intom tħallu lilkom infuskom li tiġu maħtufa minn Kristu bħall-Appostlu Pawlu, allura anki intom tkun f’qagħda li tħabbru fit-toroq tad-dinja l-ħniena bla qies tal-Missier tagħna tas-Sema, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħarfu l-verita’ (1 Tim 2, 4) Allura intom issiru għalliema kredibbli tal-ħajja evanġelika u profeti tat-tama.

“Fid-dinja li tinsab bla sabar, mifruda, milquta mill-vjolenza u l-gwerer, hawn min jistaqsi jekk għadux possibbli li wieħed jitkellem dwar it-tama. Iżda propju f’dan il-mument huwa indispensabbli li wieħed jippreżenta bil-kuraġġ it-tama vera u sħiħa tal-bniedem, li hija Kristu Ġesu’.

“Il-Mudell tas-sema, li għandha dejjem tkun l-ispirazzjoni tagħkom, hija l-Verġni Mbierka. Kien lill-Anġlu Gabriel li t-tfajla umli ta’ Nażaret uriet id-disponibilta’ sħiħa tagħha sabiex twettaq ir-rieda t’Alla meta qalet, “hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek.” (Lq 1, 38)

“Dik l-iva, tal-bidu hija kompliet twettaqha f’kull mument ta’ ħajjitha sal-Kalvarju meta waqt li Ġesu’ kien qed imut, huwa afdaha lil Ġwanni: “Ekku Ommok” (Ġw 19, 27). Minn dak il-jum Marija saret omm dawk kollha li jemmnu, imma b’mod speċjali ommkom, għeżież Saċerdoti, sabiex tkun tista’ takkumpanjakom matul it-triq kull ġurnata ta’ ħajjitkom.

“Fittxuha dejjem fil-ministeru tagħkom. Il-Verġni Marija tgħinkom biex twasslu liż-żgħar u liż-żgħażagħ, lill-familji u lill-morda, lill-imprendituri u lill-ħaddiema, lill-intellettwali u lill-politiċi, fi kliem ieħor lill-umanita’ kollha, il-frott imbierek tal-ġuf tagħha, is-Salvatur li ġie mislub u li qam mill-mewt. Jalla kulħadd jilqgħu, iħobbu u jibqa’ fidil lejh sat-tmiem.

“Lil kulħadd nagħti l-barka kollha mħabba tiegħi.”

veritatis splendorIt-Tieni: L-Ittra ta’ San Ġwanni Pawlu II

L-Ittra Appostolika għas-sena tal-Ewkaristija “ Mane Nobiscum Domine” (Ibqa’ Magħna Mulej)

Sejħa lill-Knisja Kollha biex tikkontempla u tadura l-Ewkaristija

Il-Papa fetaħ din is-Sena Ewkaristika b’ċelebrazzjoni solenni fil-Bażilika ta’ San Pietru fis-17 t’Ottubru. Se nġibu fir-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Papa fil-konklużżjoni tal-Ittra Appostolika.

Il-Papa qal li s-Sena tal-Ewkaristija għandha tkun għal kulħadd okkażjoni prezzjuża biex jagħraf aktar it-teżor uniku li Kristu fada lill-Knisja tiegħu. Għandha tkun stimolu għal ċelebrazzjoni aktar imħeġġa u sinċiera, li minnha titnissel ħajja nisranija ttrasformata bl-imħabba. Il-Papa osserva li jistgħu jitħejjew ħafna attivitajiet skont il-ġudizzju tal-isqfijiet. Huwa qal li mhuwiex jitlob li jsiru affarijiet starordinarji, imma l-inizjattivi jkollhom il-marka ta’ spiritwalita’ profonda, jekk il-frott ta’ din is-sena jkun biss dak li jagħti ħajja ġdida liċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd fil-komunitajiet Nsara kollha u li jżid l-Adorazzjoni Ewkaristika barra mill-quddiesa, din is-sena tkun kisbet riżultati importanti. Imma hija ħaġa tajba, kompla l-Papa li nimmiraw fil-għoli u ma nikkuntentawx b’affarijiet medjokri, għaliex nafu li nistgħu norbtu dejjem fuq l-għajnuna t’Alla.

Il-Papa indirizza direttament lid-diversi taqsimiet tal-Poplu t’Alla.

Lilkom, għeżież ħuti fl-Episkopat, nafda din is-sena, żgur li tilqgħu s-sejħa tiegħi bil-ħeġġa appostolika tagħkom kollha.

Lilkom Saċerdoti, li kuljum tirrepetu l-kliem tal-Konsagrazzjoni u intom xhieda u ħabbara tal-Miraklu kbir tal-Imħabba li jseħħ f’idejkom, ħallu l-grazzja ta’ din is-sena speċjali tqanqalkom biex tiċċelebraw kuljum il-Quddiesa bil-ferħ u l-ħeġġa tal-ewwel darba, u toqogħdu titolbu bil-qalb quddiem it-Tabernaklu.

Lilkom, Djakni, li intom imdaħħla mill-qrib fil-ministeru tal-kelma u fis-servizz tal-Altar, ħa tkun sena ta’ grazzja għalikom. Anke, intom, letturi, akkolti, u ministri starordinarji tat-Tqarbin, agħarfu sewwa d-don li ngħatalkom bid-dmirijiet afdati lilkom għaċ-ċelebrazzjoni denja tal-Ewkaristija.

B’mod partikolari ndur lejkom, Saċerdoti Futuri, fil-ħajja tas-Seminarju fittxu li tesperjenzaw kemm hu ħelu mhux biss li tipparteċipaw kuljum fil-quddiesa, imma wkoll li ddumu fid-djalogu ma’ Ġesu’ Ewkaristija.

Intom, irġiel u nisa kkonsagrati, imsejħin mill-istess konsagrazzjoni tagħkom għal kontemplazzjoni aktar fit-tul, ftakru li Ġesu’ fit-Tabernaklu jistenniekom ħdejh biex jimla lil qalbkom b’dik l-esperjenza intima tal-ħbiberija tiegħu, li hi biss tagħti sens u timla lil ħajjitkom.

Intom ilkoll fidili, skopru mill-ġdid id-don tal-Ewkaristija bħala dawl u qawwa għall-ħajja tagħkom ta’ kuljum fid-dinja, fix-xogħol tagħkom u fis-sitwazzjonijiet l-aktar differenti. Skopruh fuq kollox biex tgħixu bis-sħiħ is-sbuħija u l-missjoni tal-familja.

Nistenna ħafna minnkom, żgħażagħ, filwaqt li nġeddilkom l-appuntament għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Cologne. It-tema magħżula – “Ġejna nqimuh” (Mt. 2, 2) – hija adattata ħafna biex tissuġerilkom il-mod kif għandkom tgħixu din is-Sena Ewkaristika. Ġibu għall-laqgħa ma’ Ġesu’, moħbi taħt ix-xbihat Ewkaristiċi, l-entużjażmu kollu ta’ l-eta’ tagħkom, tat-tama tagħkom u tal-kapaċita’ tagħkom li tħobbu.

image33L-Għajn tal-Ħajja tal-Knisja

Il-Papa qal li għandna quddiem għajnejna l-eżempji tal-qaddisin, li fl-Ewkaristija sabu n-nutriment għall-mixja tal-perfezzjoni tagħhom. Kemm -il darba huma xerrdu dmugħ ta’ kommozzjoni quddiem misteru hekk kbir u għexu sigħat indeskrivibbli ta’ ferħ quddiem is-Sagrament tal-Altar. Tgħinna fuq kollox l-Imqaddsa Verġni Marija. “Il-Knisja, hi u tħares lejn Marija bħala mudell tagħha, tħoss li hija msejħa biex issir tixbahha wkoll fir-rabta tagħha ma’ dan il-misteru Mqaddes.” (Ecclesia de Eucharistia, 53). Il-Ħobż Ewakristiku li nirċievu hu l-ġisem immakulat tal-Iben.

Il-Papa esprima x-xewqa li, f’din is-Sena ta’ Grazzja, il-Knisja, megħjuna minn Marija, issib ħeġġa ġdida għall-missjoni tagħha u tagħraf dejjem aktar fl-Ewkaristija l-Għajn u l-Quċċata tal-ħajja kollha tagħha.