191. Riflessjoni fuq Luqa 12: 39-48

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 12: 39-48

Luke 12 39-48

L-Evanġelju skont San Luqa 12: 39-48

[Lq:12:39] F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal: “Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru.

[Lq:12:40] Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”

[Lq:12:41] “Mulej,” qallu Pietru,”din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”

[Lq:12:42] Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel?

[Lq:12:43] Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.

[Lq:12:44] Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.

[Lq:12:45] Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor;

[Lq:12:46] sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m’humiex fidili.

[Lq:12:47] U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’.

[Lq:12:48] Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jista’ jgħidlna l-eżempju tal-ħalliel li jiġi bil-lejl dwar is-Saltna t’Alla?

Ġesu’ kien iħobb jirrakkonta l-istejjer. Ħafna minnhom kienu jispiċċaw b’tibdil drammatiku fiċ-ċirkustanzi li wieħed ma jistennihomx.

Tista’ timmaġina l-ħalliel javża lil vittma minn qabel meta jkun se jisraqha?

Għandna nkunu sorpriżi li naraw ħalliel jaħrab b’teżor kbir li ma sabx min kien qiegħed jagħmel għassa fuqu? X’tgħidilna din dwar it-teżor li Alla fdalna?

Meta Alla joffrilna s-Saltna hu jagħtina teżor bla qies kif juru wkoll il-parabbola tat-teżor moħbi fl-għalqa u dik tad-drakma li kienet tiswa ħafna f’Mattew kapitlu 13 versi minn 44 sa 46.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu dan it-teżor ta’ valur bla limitu?

Il-Mulej innifsu hu t-teżor tagħna u s-saltna li joffrilna hi Saltna ta’ paċi ta’ ferħ u ta’ ġustizzja kif insibu f’Rumani kapitlu 4 vers 17. Il-Mulej joffrilna relazzjoni miegħu bħala wliedu kif ukoll il-wegħda tal-ħajja eterna. Dan it-teżor hu ta’ valur wisq akbar minn kull teżor li jista’ qatt ikollna f’din id-dinja u dan hu aktar sigur, imma huwa possibli li nitilfu dan it-teżor jekk ma nagħmlux għassa fuq dak li ġie fdat f’idejna minn Alla.

U t-teżor tiegħek huwa fis-sigur? Huwa Ġesu’? Jekk illum Ġesu’ jitolbok kont ta’ dan it-teżor li fdalek, se jsibek preparat biex tidħol għal dejjem fis-Saltna tiegħu; iġifieri fil-ġenna?

Itlob …

Sinjur Alla, agħmel li nkun għaqli fil-mod kif jien neżerċita r-responsabbiltajiet tiegħi ħa nkun nogħġbok f’kollox.

Għażiża Marija, int li int it-Tron tal-għerf itlob għalija u miegħi biex inkabbar fija d-don tal-għerf u tal-prudenza mogħtija lili mill-Ispirtu s-Santu ħalli nagħmel użu tajjeb tad-doni, tal-ħin u tar-riżorsi li ġejt fdatha bihom. Ammen.