2. Il-Miraklu ta’ Bolsena – Orvieto, Italja

Verżjoni Vidjo: Il-Miraklu ta’ Bolsena – Orvieto, Italja

IMG_5135IL-MIRAKLU TA’ BOLSENA – ORVIETO, ITALJA
1263

Fl-1263 saċerdot Ġermaniż, Pelti ta’ Praga, waqaf f’Bolsena waqt li kien fuq pellegrinaġġ lejn Ruma. Kien saċerdot twajjeb, imma kien isibha diffiċli biex jemmen li Kristu kien tassew preżenti fl-Ostja kkonsagrata. Waqt li kien qiegħed iqaddes fuq il-qabar ta’ Santa Kristina (li nsibuh fil-knisja msemmija għal din il-martri) bilkemm kien għadu lissen il-kliem tal-Konsagrazzjoni li d-demm beda nieżel mill-Ostja kkonsagrata u ċarċar ma’ idejh għal fuq l-artal u l-korporal.

Is-saċerdot malajr infixel. Għall-ewwel ipprova jaħbi d-demm, imma imbagħad waqqaf il-quddiesa u talab biex jeħduh fil-belt viċin ta’ Orvieto fejn dak iż-żmien kien joqgħod il-Papa Urbanu IV.

Il-Papa sema’ r-rakkont tas-saċerdot u ħafirlu. Hu bagħat rappreżentanti tiegħu biex malajr jagħmlu l-investigazzjoni. Meta l-fatti kollha ġew aċċettati huwa ordna lill-isqof tad-djoċesi biex jiġbor f’Orvieto l-Ostja u l-korporal imċappas bit-tbajja tad-demm. Il-Papa flimkien ma’ l-arċisqfijiet, kardinali u dinjitarji oħra tal-knisja ltaqa’ mal-purċissjoni u fost pompa kbira ta’ relikwji tpoġġew fil-katidral. Il-korporal tal-għażel li fuqu jidhru l-qtar tad-demm għadu sallum miżmum bil-qima u esebit fil-Katidral ta’ Orvieto.

orvieto eucharistic miracle

Jingħad illi l-Papa Urbanu IV imqanqal minn dan il-miraklu talab lil San Tumas d’Aquinu biex jikkomponi Quddiesa Proprja u Uffiċċju li jonoraw l-Ewakristija Mqaddsa bħala l-Ġisem ta’ Kristu. Sena wara li sar il-miraklu, f’Awwissu 1264, il-Papa Urbanu IV introduċa l-kompożizzjoni ta’ San Tumas u permezz ta’ bolla papali istitwixxa l-festa ta’ Corpus Christi.

Ħafna pellegrini u turisti wara li jkunu żaru l-Katidral ta’ Orvieto jivvjaġġaw sal-knisja ta’ Santa Kristina f’Bolsena biex jaraw il-post fejn sar il-miraklu. Min-naħa ta’ fuq tal-knisja wieħed jista’ jidħol fil-Kappella tal-Miraklu fejn igħidu illi t-tbajja li hemm fuq il-madum tal-art huma dawk tad-demm li qattar mill-Ostja Mirakuluża. L-artal tal-miraklu, li fuqu tinsab tribuna sa mis-seklu 9, illum insibuh fil-grotta ta’ Santa Kristina. Viċin tiegħu insibu statwa tal-istess qaddisa.

F’Awwissu tal-1964, nhar is-700 anniversarju mit-twaqqif tal-festa ta’ Corpus Christi l-Papa San Pawlu VI ċċelebra quddiesa fuq l-artal fejn il-korporal imqaddes huwa miżmum f’niċċa tad-deheb ġewwa l-Katidral ta’ Orvieto. (Il-qdusija Tiegħu l-Papa mar Orvieto permezz tal-helicopter; kien l-ewwel Papa fl-istorja li għamel użu minn dan il-mezz ta’ trasport).

Franci29

Tnax-il sena wara l-istess Papa mar Bolsena u minn hemm kellem, permezz tat-televiżjoni, lill-41 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li dak iż-żmien kien qiegħed jagħlaq l-attivitajiet tiegħu ġewwa Filadelfja. Waqt id-diskors tiegħu l-Papa San Pawlu VI irrefera għall-Ewkaristija bħala “… misteru kbir u bla tarf.”

English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/bolsena.html

Alternative Reading: https://www.basilicasantacristina.it/index.php/en/the-eucharistic-miracle

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Corporal_of_Bolsena

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.