Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti.
Ġesu’, Saċerdot etern, agħmilni Saċerdot skont qalbek kif tridni Int, kif tixtieqni l-Knisja, kif jippretendi minni l-poplu t’Alla.
Żommni dejjem pur sal-mewt, żommni fil-grazzja Tiegħek, imlieni bil-virtujiet kollha… Sawwab fuqi s-Seba’ Doni tal-Ispirtu s-Santu ħarisni bil-Barka Tiegħek u agħtini il-perseveranza sal-aħħar, il-qdusija personali, il-frott abbundanti fl-appostolat biex inkun dejjem skont kif titlob id-dinjita’ tas-Saċerdozju tiegħi.
Agħtini l-grazzja biex naqdi lill-Knisja mhux ninqeda biha għall-interessi tiegħi. Eqred fija s-suppervja u nissel fija l-umilta’ u l-ubbidjenza, l-ispirtu ta’ solidarjeta’ u dixxiplina, is-sagrifiċċju u ż-żelu u l-appostolat sal-aħħar nifs ta’ ħajti. Ħarisni mit-tradimenti. Nissel fija orrur lejn is-sagrileġġi u l-iskandli.
Skansani mix-xbiek tal-passjonijiet tiegħi tar-rebgħa, tal-flus, tax-xeħħa, tal-ġibdiet tal-ġisem. Ibgħatli mewta tajba qabel ma jien… naqa’ fid-dnub, nagħmel diżunur lill-Knisja u niskandalizza lill-erwieħ li fija jfittxu Kristu ieħor. Indur lejk, O Verġni Marija, biex illum u dejjem tiddefendini bil-ħerqa tiegħek ta’ omm. U tagħmilni umli, qalbieni u qawwi kif ridt li jkun Don Bosco. Ammen.
Miktuba mis-Serv t’Alla Dun Nazz Camilleri SDB (1906 – 1973)