Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 13: 33-37
L-Evanġelju skont San Mark 13: 33-37
[Mk:13:33] “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt.
[Mk:13:34] Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.
[Mk:13:35] Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux fil-għaxija, jew f’nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ,
[Mk:13:36] li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.
[Mk:13:37] U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Għaliex Ġesu’ jqabbel lilu nnifsu ma’ ħalliel li jiġi billejl?
L-istorja li jirrakkuntalna Ġesu’ fil-Vanġelu tallum turina l-bżonn li nkunu dejjem ipreparati biex malli jiġi Hu, il-Mulej f’ħin bla waqt u jsibna għala rieda ma nistħux minnu minħabba dak li jsibna mheddijin bih. Għalhekk min naħa tagħna jeħtieġ li aħna nkunu għassa ma’ ruħna biex kull waqt inżommuha mbegħda mill-perikli u mid-dlam tad-dnub li jwassalha għad-distruzzjoni.
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ jtemm it-tgħallim tiegħu dwar kemm wieħed għandu jagħmel sahra fuq ruħu b’parabbola oħra dwar il-ġudizzju li titratta Sid u l-qaddej tiegħu. Din hi simili għall-istorja ta’ qabilha. Hemm ukoll l-element ta’ sorpriża. Is-Sid jirritorna f’daqqa waħda d-dar f’ħin bla waqt. Huwa jippremja lill-qaddej minnhom għall-fedelta’ tiegħu għax sab li kien jaqdih u jwettaq kulma hu kien imqabbad.
Is-Sid jikkastiga lill-qaddej l-ieħor li ġab ruħu ħażin. Dan il-qaddej ma kienx biss irresponsabbli, imma kien ta’ spiss jiskarta x-xogħol u jberbaq flus Sidu fix-xalar mall-ħbieb. Dan tal-aħħar abbuża wkoll minn sħabu l-ħaddiema fiżikament u bi vjolenza probabbilment biex iġgħalhom jagħmlu x-xogħol li kien imqabbad jagħmel hu. Is-Sid mhux biss jitfgħu ‘l barra fl-agħar post possibli fil-ħabs ta’ bla tmiem fejn hemm biss turmenti u miżerja jiġifieri fl-infern imma wkoll itellfu l-post tiegħu tax-xogħol.
L-istess Alla li hu ġust jippremja bi privileġġi, bi promozzjonijiet u unuri kbar lil dawk li jaqduh b’fedelta’ u jikkastiga lil dawk infidili lejh minħabba l-għażż u l-abbużi tagħhom billi jtellifhom posthom b’diżunuri u b’ħabs etern.
Li kieku f’dan il-jum kellu jiġi l-Mulej bħal ħalliel għandek biex jitolbok kont ta’ kif qed taqdih b’ħajtek isibek ipreparat?
Itlob …
Mulej int sraqtli qalbi għalik. Agħmilha qawwija u soda fil-fidi u t-tama u ġeneruża fl-imħabba ħalli f’kull waqt ta’ ħajti f’din l-art inkun nogħġbok.
Marija, Omm għażiża għenni nishar fit-talb flimkien miegħek bħalma għent lill-ewwel dixxipli t’Ibnek jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Għallimni biex bħalek nogħġob lil Alla f’kull ħin u f’kull waqt, b’kulma naħseb, b’kulma ngħid u b’kulma nwettaq b’ħajti. Ammen.