🌻 Qabel il-miġja ta’ Ġesu’, il-mejtin kienu jinżammu fix-Sheol (Limbu) biex meta jasal iż-żmien ikunu ġġudikati minnU. Wara li Ġesu’ miet u qam mill-mewt, kull bniedem li jmut jiġi ġġudikat minnU malli jmut. Fil-ġudizzju jidher biċ-ċar dak kollu li kienet il-ħajja ta’ dak l-individwu u l-konsegwenzi kollha li ikkawża kemm bl-imħabba u kemm meta m’obdiex il-kuxjenza. Dak l-individwu mbagħad jidħol fl-istat permanenti tal-Ġenna jew l-Infern. Nemmnu li Alla, lil dawk li huma destinati għall-Ġenna, l-ewwel isaffihom u jwassalhom għall-perfezzjoni (jekk ikunu jeħtieġu) permezz ta’ Purgatorju.
🌻 Il-funeral nisrani huwa wkoll ċelebrazzjoni għax jiċċelebra l-ħajja ta’ dejjem u r-rebħa ta’ min għex u miet fi Kristu. Jiċċelebra l-Qawmien kemm ta’ Ġesu’ u kemm ta’ min miet. Għalhekk jinxtegħel il-Blandun. Qabel ma jindifnu l-fdalijiet, l-ewwel jitbierku bl-ilma mbierek biex jiġi mfakkar li l-persuna kienet tgħammdet u għexet fi Kristu u jiġu wkoll inċensati biex jiġi muri li l-persuna għad tirċievi ġisem glorjuż fil-qawmien ġenerali mill-imwiet.