125. Riflessjoni fuq Mattew 13: 36-43

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 13: 36-43

p-13-24-43

L-Evanġelju skont San Mattew 13: 36-43

[Mt:13:36] Mbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa.”

[Mt:13:37] U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem.

[Mt:13:38] L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin,

[Mt:13:39] u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli.

[Mt:13:40] Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja.

[Mt:13:41] Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen,

[Mt:13:42] u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

[Mt:13:43] Mbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma’!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int malajr tiġġudika?

Bil-parabbola tallum Ġesu’ jgħallimna biex inkunu paċenzjużi u ma niġġudikawx qabel il-waqt. Ġesu’ jwissina wkoll dwar l-għadu tagħna li qiegħed dejjem hemm biex b’ħiltu kollha jipprova jiddisturġi ż-żerriegħa t-tajba tal-Kelma t’Alla qabel ma’ din tista’ tagħti l-frott. Kemm it-tajjeb kif ukoll il-ħażin jistgħu jiġu mħawla f’qalbna bħal żerriegħa żgħar li jinbtu u meta jasal il-waqt jagħtu l-frott tajjeb jew ħażin. Aħna nagħmlu l-għassa fuqna nnfusna biex il-ħażin ma jqabadx għeruq fil-qlub tagħna u jħassarna.

Ħsieb għal Qalbek …

F’jum il-ġudizzju kull wieħed u waħda minna jaħsad dak li jkun żergħa f’din il-ħajja. Dawk li jiżirgħu t-tajjeb se jiddu fis-Saltna ta’ Missierhom. Se jitfgħu dik l-istess dija li tirrifletti s-sbuħija, il-ferħ u l-milja tal-imħabba t’Alla fihom.

Inti tħalli li l-imħabba ta’ Kristu ssaltan f’qalbek u fl-għemmejjel kollha tiegħek?

Itlob …

Mulej agħmel li l-imħabba tiegħek tikkunsmani, ssaltan f’qalbi u titrasforma lil ħajti ħalli jiena niżra’ dak biss li hu s-sewwa u t-tajjeb. Dak li jixraqlu l-ġieħ u dak li jogħġob lilek. Ammen.