Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 21: 1-19
L-Evanġelju skont San Ġwann 21: 1-19
[Ġw:21:1] Wara dan, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk:
[Ġw:21:2] Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien,
[Ġw:21:3] u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.” Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll.” Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.
[Ġw:21:4] Fil-għodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù.
[Ġw:21:5] Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?” “Le,” weġbuh.
[Ġw:21:6] Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu.” Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut!
[Ġw:21:7] Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar.
[Ġw:21:8] Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.
[Ġw:21:9] Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż.
[Ġw:21:10] Qalilhom Ġesù: “Newwlu ‘l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu.”
[Ġw:21:11] Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx.
[Ġw:21:12] Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu.” Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-Mulej.
[Ġw:21:13] Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.
[Ġw:21:14] Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
[Ġw:21:15] Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.”
[Ġw:21:16] Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”
[Ġw:21:17] Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’ u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.” Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.
[Ġw:21:18] Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”
[Ġw:21:19] Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Mbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ix-xettiċi li ma jemmnux fil-qawmien ta’ Ġesu’ mill-mewt jgħidu lid-dixxipli raw biss viżjoni ta’ Ġesu’. Il-Vanġeli, imma jagħtuna stampa ċara tar-realta’ tal-qawmien. Ġesu’ ħareġ ‘l barra minn triqtu biex joffri lid-dixxipli tiegħu diversi evidenzi tal-qawmien tiegħu – li hu huwa reali u b’ġisem veru, tad-demm u l-laħam bħal tagħna mhux sempliċi spirtu jew fantażma.
Fit-tielet dehra tiegħu lill-appostli, wara li Ġesu’ wettaq il-qabda mirakoluża tal-ħut, huwa pprepara l-kalazzjon u kiel mad-dixxipli tiegħu.
Il-Mulej Ġesu’ juri lilu nnifsu lil kull wieħed u waħda minna filwaqt li aħna niftħu qlubna biex nirċievu l-Kelma tiegħu. Inti tagħraf il-preżenza tal-Mulej fil-ħajja tiegħek? U tirċievi l-Kelma tiegħu bil-fidi?
Ħsieb għal Qalbek …
Il-Mulej Ġesu’ huwa l-Qawmien u l-Ħajja tagħna. Jekk nitolbuh mill-qalb hu jkabbarna fil-fidi u fil-qawwa tal-qawmien ħalli qatt ma niddubitaw f’Kelmtu jew nitbegħdu mill-preżenza tiegħu.
In-nar tal-imħabba t’Alla jaqbad fil-qalb tiegħek?
Ġwanni l-Evanġelista jgħidilna li Alla huwa mħabba fl-ewwel ittra tiegħu kapitlu 4 vers 16. L-imħabba tiegħu hi bla kundizzjoni, bla limitu u għal dejjem. Hi l-bidu u t-tmiem u hi l-essenza tal-Kristjaneżmu. Hi tressaqna lejn il-qalb t’Alla u tħeġġiġna biex nagħtuh lilna nfusna u ħajjitna stess. Pawlu l-appostlu jgħidilna li l-imħabba t’Alla ġiet imferra’ fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li ngħatalna, f’Rumani kapitlu 5 vers 5.
X’jista’ jkun il-kaġun li aħna nitilfu din l-imħabba?
Ċertament l-indifferenza, in-nuqqas ta’ tama, in-nuqqas ta’ twemmin jew ir-rifjut tal-Kelma t’Alla.
Għaliex Ġesu’ ried tweġiba dwar l-imħabba u l-fedelta’ ta’ Pietru għal tlett darbiet quddiem l-appostli l-oħra? Żgur li kkawżat lil Pietru wġigħ ta’ qalb minħabba li kien ċaħad lil Ġesu’ pubblikament għal tlett darbiet. Issa Pietru mimli dispjaċir u umilta’ b’mod verbali stqarr quddiem kulħadd li kien iħobb lill-Imgħallem tiegħu u kien lest li jservih akkost ta’ kollox.
Meta Ġesu’ staqsieh ‘Inti tħobbni aktar minn dawn?’ seta’ kien qed jipponta lejn id-dgħajjes, ix-xbieki u l-qabda tal-ħut. Seta’ sfida lil Pietru biex jabbanduna x-xogħol tiegħu għal irwol ta’ Ragħaj tal-poplu t’Alla. Ġesu’ seta’ kien qed jipponta lejn id-dixxipli l-oħra u lejn il-ftaħir li bih Pietru kien ftaħar meta qal: ‘Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik; jien ma nitħawwad qatt,’ f’Mattew kapitlu 26 vers 33.
Pietru issa ma jiftaħar b’xejn u lanqas jikkumpara lilu nnifsu mall-oħrajn imma jwieġeb b’mod umli, ‘Int taf li nħobbok, Mulej.’ Il-Mulej isejħilna anke fid-dgħjufijiet u d-dnub tagħna biex nħobbuh fuq kull ħaġa oħra. Xejn ħlief is-suppervja frott id-dnub u d-deċiżjoni ħielsa tagħna ma jista’ jżommna ‘l bogħod mill-imħabba t’Alla li hi rigal bla ħlas u li ma jistħoqqilniex. Qatt ma nistgħu nissuperaw lil Alla fl-imħabba tiegħu. Hu ħabbna l-ewwel u mħabbitna għalih hi t-tweġiba għall-ġenerożita’ u l-ħniena tiegħu immensa.
U inti tħalli l-imħabba t’Alla tibdlek u titrasforma lil qalbek?
Itlob …
Mulej, ħeġġeġ lil qalbi bl-imħabba tiegħek u neħħi minni kull nuqqas ta’ mħabba, ta’ tjieba u ta’ gratitudni.
Għażiża Ommi Marija, għinni nagħraf inwarrab dak kollu li mhux qaddis u dak li mhuwiex skont ir-rieda t’Alla u nfittex nagħżel dejjem dak li jagħtih glorja kif int għamilt tul ħajtek kollha. Ammen.