Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 4: 1-20
L-Evanġelju skont San Mark 4: 1-20
[Mk:4:1] F’dak iż-żmien, Ġesu raġa’ beda jgħallem ħdejn il-baħar, u nġabret madwaru kotra kbira, hekk li kellu jitla’ bilqiegħda f’dgħajsa fuq il-baħar, u n-nies kollha l-art matul ix-xatt.
[Mk:4:2] U qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli, u fit-tagħlim tiegħu qalilhom:
[Mk:4:3] “Isimgħu. Darba kien hemm bidwi u ħareġ jiżra’.
[Mk:4:4] Ġara li hu u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu fil-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha.
[Mk:4:5] Oħrajn waqgħu f’art kollha blat fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda;
[Mk:4:6] meta mbagħad telgħet ix-xemx, nħarqu u nixfu, billi ma kellhomx għeruq.
[Mk:4:7] Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk u x-xewk kiber u ħanaqhom, u frott ma għamlux.
[Mk:4:8] Oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott; u l-frott kiber u tkattar, u min għamel tletin, min sittin, u min mija.”
[Mk:4:9] U qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”
[Mk:4:10] Meta kien waħdu, dawk ta’ madwaru flimkien mat-Tnax resqu jitolbuh ifissrilhom il-parabboli.
[Mk:4:11] U hu qalilhom: “Lilkom ingħata l-misteru tas-Saltna ta’ Alla, imma l-oħrajn, li huma barra, ikollhom kollox bil-parabboli,
[Mk:4:12] ħalli jħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux, li ma jbiddlux ħajjithom u jaqilgħu l-maħfra.”
[Mk:4:13] “Din il-parabbola m’intomx tifhmuha?” qalilhom.”Mela kif se tifhmu l-parabboli l-oħra kollha?
[Mk:4:14] Dak li l-bidwi jiżra’ hija l-kelma.
[Mk:4:15] Dawk ta’ matul il-mogħdija, fejn inżergħet il-kelma, huma dawk li malli jisimgħuha, jersaq ix-Xitan u jaħtfilhom il-kelma li nżergħet f’qalbhom.
[Mk:4:16] Dawk li jinżergħu f’art kollha blat huma dawk li meta jisimgħu l-kelma, minnufih jilqgħuha bil-ferħ,
[Mk:4:17] imma għeruq ma jkollhomx, u għalhekk ftit idumu; meta mbagħad jiġi fuqhom l-għawġ, jew isibu min iħabbathom minħabba l-kelma, malajr jitfixklu.
[Mk:4:18] L-oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu l-kelma,
[Mk:4:19] iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja, ir-rabta mal-ġid ta’ l-art, u l-ġibda għal ħwejjeġ oħra, jidħlu fihom u joħonqulhom il-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott.
[Mk:4:20] Dawk imbagħad li jinżergħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma, jilqgħuha, u jagħmlu l-frott, min tletin, min sittin u min mija.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Kemm tisma’ b’attenzjoni l-Kelma t’Alla?
Alla hu dejjem lest biex ikellem lil kull wieħed u waħda minna u biex ifhemna din l-istess Kelma tiegħu. Il-parabbola ta’ Ġesu’ hi twissija għal dawk li jisimgħu u jxandru l-Kelma tiegħu.
X’jagħmilna indifferenti u traskurati għall-Kelma t’Alla?
L-inkwiet żejjed għal bosta affarijiet. Dan jista’ jiddistrattana minn dak li hu tassew importanti u li jiswa. Li nħallu l-moħħ u l-qalb tagħna jiġu kkunsmati b’affarijiet materjali. Hawn faċilment nitaqqlu u anke nehdew b’affarijiet li mhumiex t-teżor etern li hu Alla nnifsu.
Ħsieb għal Qalbek …
Il-Kelma t’Alla tqabbad l-għeruq fil-qalb tagħna meta, aħna jkollna qalb lesta li tirċevieha. Qalb doċli li lesta tisma’ dak li Alla għandu xi jgħid. Il-ħsad huwa żgur. Filwaqt li xi żerriegħa se taqa’ fil-mogħdija jew fejn hemm ftit ħamrija u qatt ma tikber, anke wkoll fejn hemm ix-xewk li mbagħad jifgaha madankollu l-ħsad jasal ukoll. Iż-żerriegħa li taqa’ f’art tajba fil-qalb li hi lesta tagħti widen se taħsad ħafna frott.
Int lest titgħallem dwar il-verita’ t’Alla?
U ħerqan biex tagħmel minnha ħafna frott ta’ għemejjel tajba?
U tħalli xi ħaġa żżommok milli tinfetaħ kompletament għal din il-Kelma bil-ferħ u bl-ubbidjenza li tiġi mill-fidi?
Itlob …
Mulej, għinni ngħasses u nħares il-Kelma tiegħek li Int ħawwilt fil-qalb tiegħi; ħalli l-ebda dubju jew tentazzjoni ma jżommuni milli nemmen fik u nobdik. Agħtini li nagħmel il-frott b’abbundanza fis-servizz tiegħek u tħalli qatt li jiena nibża’ milli nitkellem fuqek mall-oħrajn u naqsam magħhom l-Aħbar it-Tajba tal-Vanġelu tiegħek. Ammen.