Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 18: 35-43
L-Evanġelju skont San Luqa 18: 35-43
[Lq:18:35] F’dak iż-żmien, ġara li, Ġesu huwa u riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità.
[Lq:18:36] Dan sama l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x’ġara.
[Lq:18:37] U qalulu li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret.
[Lq:18:38] Hu qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!”
[Lq:18:39] Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”
[Lq:18:40] Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh:
[Lq:18:41] “Xi tridni nagħmillek?””Li nara, Mulej!” wieġbu dak.
[Lq:18:42] U Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek.”
[Lq:18:43] U minnufih beda jara, u baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ġesu’ jpoġġi mistoqsija lit-tallab agħma. ‘Xi tridni nagħmillek?’
Ġesu’ ried jgħaddih minn prova biex iħeġġeġ il-ħerqa u l-fiduċja tiegħu fil-qawwa tiegħu. Il-fidi tiegħu kibret hekk kif huwa wieġeb għall-Kelma ta’ Ġesu’ bit-tama u l-kunfidenza. Ġesu’ tah lura d-dawl kemm dak fiżiku kif ukoll dak spiritwali għar-realta’ tas-Saltna tiegħu.
Il-fidi tiftħilna triq biex naraw il-qawwa tas-Saltna t’Alla u biex f’ħajjitna nesperjenzaw il-preżenza tiegħu li tfejjaqna. Il-kelma ‘ħniena’ letteralment tfisser ‘sobgħa mill-qalb’, imma l-ħniena hi aktar milli wieħed iħoss jew jisgħobbih għall-qada ħażina li jkun fiha ħaddieħor. Il-ħniena tmur ‘l hinn mis-sobgħa li tneħħi s-sofferenza. Persuna ħanina taqsam fil-qagħda mwiergħa u sofferenti ta’ ħaddieħor daqs li kieku kienet tagħha stess.
F’Ġesu’ naraw il-milja tal-ħniena t’Alla u l-qawwa tas-Saltna tiegħu. Qawwa li ssalva mill-mewt u mid-distruzzjoni li taħfer id-dnubiet u li tgħolli t-toqol tal-ħtija u li tfejjaq in-nuqqas ta’ saħħa u teħles lill-oppressi. Ġesu’ qatt ma jirrifjuta li jġib il-ħniena t’Alla lil dawk li l-aktar ifittxuha bil-ħerqa.
Ħsieb għal Qalbek …
Kif nistgħu nfittxu u naqilgħu l-ħniena t’Alla?
Alla jagħti ħniena lil dawk ta’ qalb umli – dawk li jagħrfu l-bżonn tagħhom t’Alla u l-ħniena tiegħu kif ukoll tal-qawwa tal-fejqan. Il-fidi hi don li Alla jagħtina bla ħlas biex tgħinna nagħrfu lil Alla b’mod personali biex nifhmu l-verita’ tiegħu u biex ngħixu fil-qawwa ta’ mħabbtu. Biex il-fidi tkun effettiva trid tkun magħquda mal-fiduċja u l-ubbidjenza, sottomissjoni attiva lejn Alla u rieda soda li tagħmel dak kollu li hu jikkmanda.
Int tagħraf il-bżonn għal Alla? Għal grazzja tiegħu li tfejqek? U tfittex lil Ġesu’ bl-istess mod kif fittxu t-tallab agħma bil-persistenza tal-fidi u b’fiduċja fit-tjieba u l-ħniena tiegħu?
Itlob …
Mulej, għinni nersaq lejk b’kunfidenza u fiduċja fil-qawwa u l-ħniena tiegħek li ssalvani.
Għażiża Marija, Omm tal-ħniena; itlob għalija biex nħalli lil Ibnek jeħlisni mid-dubji u n-nuqqas ta’ twemmin ħalli nersaq lejh b’kunfidenza u nitlob b’insistenza u bil-fidi li jrid jara fija. Għinni Ma biex miegħek b’mod speċjali bit-talba tar-Rużarju, it-talba li fiha nimmeditaw il-misteri tal-Vanġelu, nitlob biex is-Saltna t’Alla sseħħ f’ħajti, f’ta’ madwari u anke biex nintrabat dejjem mar-rieda mqaddsa tiegħu, bl-istess mod kif għamilt inti. Grazzi Ma. Grazzi Ġesu’. Ammen.