74. Riflessjoni fuq Mark 3: 13-19

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 3: 13-19

JESUS-Y-DISCIPULOS

L-Evanġelju skont San Mark 3: 13-19

[Mk:3:13] Tela’ fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh,

[Mk:3:14] u għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippridkaw,

[Mk:3:15] u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten.

[Mk:3:16] Għażel mela t-Tnax: Xmun, li tah ukoll l-isem ta’ Pietru,

[Mk:3:17] u Ġakbu ta’ Żebedew, u Ġwanni, ħu Ġakbu, li tahom ukoll l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri wlied ir-ragħad,

[Mk:3:18] u Indrì, u Filippu, u Bartilmew, u Mattew, u Tumas, u Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, u Xmun il-Kanani,

[Mk:3:19] u Ġuda l-Iskarjota, dak li ttradieh.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti taf u tesperjenza l-qawwa tal-Vanġelu f’ħajtek?

Ġesu’ bgħatt lid-dixxipli tiegħu biex ikomplu l-ħidma li hu ried iwettaq biex ixandru l-Kelma t’Alla u jwasslu l-qawwa tiegħu li tfejjaq lil kull min hu mdejjaq, lil kull min hu bla tama u jonqsu l-kuraġġ minħabba kull xorta ta’ tbatija li l-bniedem jgħaddi minna.

Fl-għażla tat-tnax-il appostlu nilmħu karatteristika tipika tal-ħidma t’Alla. Ġesu’ għażel nies ordinarji. Ma kienux professjonalisti lanqas kellhom xi rikezzi jew xi pożizzjoni importanti. Għażilhom minn qalb in-nies komuni li kienu jgħixu ħajja ordinarja. Ma kellhomx xi edukazzjoni speċjali u ma kellhom l-ebda vantaġġi soċjali. Ġesu’ ried nies ordinarji li setgħu jilqgħu s-sejħa tiegħu u jwettquha straordinarjament tajjeb. Huwa għażel lil dawn l-irġiel mhux għal dak li kienu, imma għal dak li kienu jistgħu jsiru taħt id-direzzjoni u l-qawwa tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta l-Mulej isejħilna biex inservuh m’għandniex naħsbu li ma għandna xejn x’noffru. Il-Mulej jilqa’ dak li nies ordinarji bħalna nistgħu noffrulu u jużah għat-tkabbir tas-Saltna tiegħu.

Inti temmen li l-Mulej irid jaħdem permezz tiegħek u fik għall-glorja tiegħu?

Itlob …

Mulej, inti għażiltni biex inkun dixxiplu tiegħek. Ħu u ilqa’ dak kollu li għandi x’noffrilek żgħir kemm hu żgħir għall-glorja t’Ismek. Ammen.