242. Riflessjoni fuq Luqa 1: 67-79

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 1: 67-79

zzz

L-Evanġelju skont San Luqa 1: 67-79

[Lq:1:67] Fdak iż-żmien, Żakkarija, missier Ġwanni, mtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid:

[Lq:1:68] “Mbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

[Lq:1:69] u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David qaddej tiegħu,

[Lq:1:70] bħalma wiegħed fl-imgħoddi b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

[Lq:1:71] biex isalvana mill-għedewwa tagħna, u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

[Lq:1:72] B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

[Lq:1:73] fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna: li jagħtina l-grazzja

[Lq:1:74] li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha,

[Lq:1:75] bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.

[Lq:1:76] U int, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-aktar Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu

[Lq:1:77] u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom,

[Lq:1:78] mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa;

[Lq:1:79] u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Meta jitħabbarlek l-Evanġelju, inti timtela bil-ferħ u bit-tama fil-qalb tiegħek?

Meta l-Mulej jiġi biex jeħlisna hu jimliena bl-Ispirtu Qaddis tiegħu, il-għajn ta’ kull ferħ u ta’ kull tama fil-wegħdiet t’Alla. Ispirat mill-Ispirtu s-Santu Żakkarija, missier Ġwanni l-Battista, bierek lill-Mulej u pprofetizza l-pjan tas-Salvazzjoni li hu kien se jwettaq permezz tal-Messija.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla nnifsu ġie jżur u jifdi lill-poplu tiegħu permezz tal-Messija. Din kienet il-missjoni ta’ Ġesu’ li kien mibgħut fid-dinja biex isalva lil dawk li kienu mibjugħa lid-dnub u li kienu taħt id-dnub. Fil-festa tal-Inkarnazzjoni, aħna niċċelebraw dan id-don kbir t’Alla li hu bgħatt lil Ibnu l-waħdieni biex isalvana.

U inti titlob lill-Ispirtu s-Santu biex jispirak?

Titolbu jimliek bil-ferħ u bil-qawwa biex inti xxandar il-messaġġ li Alla ġie tassew isalva l-poplu tiegħu?

U tħallih isalvak fil-ħajja tiegħek jew tibqa’ maqbud fix-xibka tad-dnub?

Itlob …

Mulej, inti wrejt ħniena u grazzja mal-poplu tiegħek. Imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek ħalli jien inkun xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju għal dawk kollha ta’ madwari.

Għażiża Marija, int li int it-Tempju tal-Ispirtu s-Santu li fik l-Ispirtu t’Alla sab l-għamara tiegħu, għenna ħalli flimkien miegħek aħna nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jġeddidna, iġedded il-ħajja tagħna, iġedded il-familji tagħna u jġedded lil dawk kollha li jiftħu qalbhom għaliH. Grazzi Ma. Ammen.