Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 19: 23-30
L-Evanġelju skont San Mattew 19: 23-30
[Mt:19:23] Mbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom li l-għani se jsibha iebsa biex jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet!
[Mt:19:24] Iva, nerġa’ ngħidilkom, eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet.”
[Mt:19:25] Id-dixxipli stagħġbu ħafna meta semgħu dan, u qalu: “Mela min jista’ jsalva?”
[Mt:19:26] Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun; għal Alla kollox jista’ jkun.”
[Mt:19:27] Mbagħad qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?”
[Mt:19:28] Ġesù qalilhom: “Tassew ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja l-ġdida, meta Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael.
[Mt:19:29] U kull min iħalli ‘l daru jew ‘il ħutu jew ‘il missieru jew ‘l ommu jew ‘l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi, jerġa’ jirċievi kollox għal mitt darba iktar, u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem.
[Mt:19:30] U ħafna li huma ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar, u ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ġesu’ kien propju kontra li jkollok il-ġid materjali? U għaliex jidher li fil-punt li jqajjem illum donnu għandu twissija qawwija kontra min hu sinjur u anke kontra dawk li jixtiequ li jkunu sinjuri?
Nafu li Ġesu’ ma kienx kontra l-għana fih innifsu u lanqas kien kontra min kien sinjur. Kellu bosta ħbieb li kienu sinjuri, inkluż dawk li kienu jiġbru t-taxxi. Wieħed minnhom sar anke appostlu. Ġesu’ kien qed jalludi għall-għerf tat-Testment il-qadim li nsibu fil-ktieb tal-Proverbji kapitlu 28 vers 6. ‘Aħjar il-fqir li jgħix bla ħtija mill-għani li jimxi fit-tgħawwiġ.’
L-istess tip ta’ għerf insibuh fis-Salmi. Ġesu’ jidher li qed jgħid li hu kważi impossibli għas-sinjuri li jgħixu bħala ċittadini tas-Saltna t’Alla. Il-ġemel kien ikkunsidrat bħala l-akbar annimal fil-Palestina. L-għajn tal-labra setgħet tiġi interpretata letterlament jew setgħet b’mod figurattiv tiddeskrievi passaġġ dejjaq fil-ħitan tal-belt li kien użat mill-vjaġġaturi meta l-passaġġ il-kbir li kien hemm għall-pubbliku kien jiġi msakkar meta jidlam.
Ħsieb għal Qalbek …
Għaliex Ġesu’ ried jagħmel tant enfasi fuq il-periklu ta’ min jgħix fil-għana?
Dan il-ġid jista’ jagħmilna niddependu fuqu b’mod żbaljat. Il-għana jista’ wkoll iwassalna għal xewqat ħżiena u egoistiċi. Ġesu’ fuq dan il-punt jagħtina l-parabbola tal-għani u ħutu li kienu sinjuri. Is-sinjur li għax ma qdiex lil Alla, u għax kien xħiħ u ma qasamx ġidu mal-fqir Lażżru, spiċċa fl-infern. Din insibuha fl-Evanġelju ta’ San Luqa kapitlu 16 vers 19.
Ġesu’ joffrilna teżor li ma jista’ jiġi kkumparat mal-ebda ħaġa ta’ din id-dinja u li la l-flus ma jistgħu jixtru u lanqas il-ħallelin ma jistgħu jisirqu. Qalbna mistiedna tintrabat ma’ dan l-aqwa Teżor. Il-ġid materjali jista’ jxekkilna f’din id-dinja dement li ma npoġġux l-għassa fuq qlubna u norbtu qalbna biss mat-Teżor veru li hu Alla u s-Saltna tiegħu.
U int fejn qed tpoġġi t-teżor tiegħek?
Fejn tinsab qalbek?
Itlob …
Mulej, int sraqtilna qalbna u ftaħtilna t-teżori tas-sema: kun int biss Mulej it-Teżor u l-għaxqa tiegħi u tħalli xejn xi jżommni milli nagħtik kollox, kulma għandi u kulma jien, kif fuq kollox għamilt int stess miegħi li sirt fqir għalija biex jien insir sinjur bil-għana tiegħek. Ammen.