203. Riflessjoni fuq Luqa 16: 1-8

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 16: 1-8

bendahara-yang-tidak-jujur-aa

L-Evanġelju skont San Luqa 16: 1-8

[Lq:16:1] Qal ukoll lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu.

 [Lq:16:2] Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont ta’ l-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi.’

[Lq:16:3] L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi.

[Lq:16:4] Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, nsib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.’

[Lq:16:5] U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’ staqsa lill-ewwel wieħed.

[Lq:16:6] ‘Mitt barmil żejt,’ wieġbu dak. ‘Oħroġ il-karti tiegħek,’ qallu l-amministratur, ‘oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.’

[Lq:16:7] Lil ieħor staqsieh, ‘U int, kemm għandek tagħti?’ ‘Mitt xkora qamħ,’ wieġbu. Qallu, ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.’

[Lq:16:8] U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif inhu mqabbel il-flus bi qligħ diżonest mall-ħajja eterna?

Ġesu’ jħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex jimxu fuq il-passi tal-amministratur diżonest li għamel użu mill-flus b’mod ġeneruż biex jagħmel ħbieb għalih innifsu. Din il-parabbola nsibuha f’San Luqa kapitlu 16 versi minn 1 sa 9. Dawk li b’xi mod qed jirċievu xi ġid mingħandek isiru l-ħbieb tiegħek għaliex int qed tkun ħanin magħhom fil-mumenti fejn l-aktar li huma fil-bżonn bl-istess mod kif Alla hu ħanin miegħek meta inti fil-bżonn tal-maħfra u l-għajnuna tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu l-għadu tal-ġenerożita’?

Hi r-rebgħa, il-kilba eseġerata għas-sigurta’ personali. Alla hu ġeneruż u jissuperana lkoll fl-abbundanza tad-doni tiegħu għalina.

Int skoprejt il-ferħ u l-liberta’ ta’ min hu ġeneruż m’Alla u mal-oħrajn u ta’ min juża bil-għaqal il-ġid li Alla jipprovdielu?

Itlob …

Mulej, ħeġġiġli qalbi bin-nar ta’ mħabbtek ħalli nkun devot lejk b’mod totali fuq kull ħaġa oħra.

Marija, ommi xempju ta’ kull virtu’ u xebba kollok għaqal, għallimni nħaddem il-ġid materjali li ġie misluf lili b’għaqal u b’ġenerożita’ għall-glorja t’Alla u għall-ġid tal-proxxmu. Ammen.

.