Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 20: 20-28
L-Evanġelju skont San Mattew 20: 20-28
[Mt:20:20] Mbagħad resqet lejh omm ulied Żebedew flimkien ma’ wliedha, u nxteħtet quddiemu titolbu xi ħaġa.
[Mt:20:21] “Xi trid?” staqsieha. U hi qaltlu: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek.”
[Mt:20:22] U Ġesù wieġeb: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbuh il-kalċi li se jkolli nixrob jien?””Għandna,” qalulu.
[Mt:20:23] “Il-kalċi tiegħi,” qalilhom, “tixorbuh, iva, imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom hi mħejjija minn Missieri.”
[Mt:20:24] L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa.
[Mt:20:25] Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa.
[Mt:20:26] Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom,
[Mt:20:27] u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom.
[Mt:20:28] Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ġesu’ għamel xi ħaġa li wieħed ma jistennihiex. Hu għaqqad l-awtorita’ mas-servizz u s-sagrifiċċju. L-offerta tal-ħajja tiegħek għall-benefiċċju tal-oħrajn. L-awtorita’ mingħajr l-imħabba b’sagrifiċċju hi brutali u egositika. Il-kalċi li kellu f’moħħu Ġesu’ kien wieħed qares u li jinvolvi s-salib.
Ħsieb għal Qalbek …
X’tip ta’ kalċi għandu f’moħħu l-Mulej għalina?
Għal uħud mill-appostli dan il-kalċi kien jikkonsisti f’sofferenza fiżika u t-taqbida ħarxa tal-martirju. Imma għal ħafna minna jikkonsisti fir-rutina twila tal-ħajja nisranija, fid-doveri, fis-sagrifiċċji li tirrikjedi, diżappunti, taqbid u tentazzjonijiet.
In-nisrani jrid ikun lest li jħalli ħajtu fil-martirju u jkun lest li jmut għalih innifsu kuljum fis-sagrifiċċji żgħar u kbar li jkun hemm bżonn jagħmel.
Inti li lest li tagħmel dan u li sservi lill-oħrajn fuq l-istess passi u eżempju tal-Imgħallem tagħna Ġesu’?
Itlob …
Mulej Ġesu’, agħmilni qaddej fis-Saltna tiegħek. Qaddej li jaf iħobb u jservi lilek u lill-oħrajn aktar milli jfittex milli jkun maħbub u servut mill-oħrajn. Ħeġġeġ lil qalbi bin-nar Divin tiegħek, ħalli nkun nista’ nagħti minni nnifsi b’ġenerożita’ u nservi lil kulħadd bil-ferħ, bi mħabba għalik. Ammen.