124. Riflessjoni fuq Mattew 13: 31-35

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 13: 31-35

image

L-Evanġelju skont San Mattew 13: 31-35

[Mt:13:31] Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu.

[Mt:13:32] Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar ta’ l-ajru jiġu jbejjtu fil-friegħi tagħha.”

[Mt:13:33] Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha.”

[Mt:13:34] Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom,

[Mt:13:35] biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal: “Niftaħ fommi bil-parabboli, nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija sa mit-twaqqif tad-dinja.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

L-eżempju taż-żerriegħa tal-mustarda u tal-ħmira fid-dqiq jgħallmuna ħafna dwar s-Saltna t’Alla. Iż-żerriegħa ċkejkna tal-mustarda tassew tikber f’siġra u tatratta ħafna għasafar li jiġu jnaqqru ż-żerriegħa sewda u ċkejkna li tipproduċi. Is-Saltna t’Alla taħdem bl-istess mod. Tibda b’bidu umli u żgħir fil-qlub tal-bnedmin li huma lesti jilqgħu l-Kelma t’Alla u mbagħad taħdem b’mod li ma jidhirx u titrasformak minn ġewwa.

L-eżempju tal-ħmira hu eżempju qawwi ieħor ta’ din l-istess bidla. Meta l-ħmira tiġi miżjuda mall-għaġna tal-ħobż iseħħ trasformazzjoni u r-riżultat ta’ meta jinħema jidher ċar mill-ħobż tajjeb u bnin li l-bniedem tant jeħtieġ. Is-Saltna t’Alla tipproduċi wkoll it-trasformazzjoni f’dawk li jirċievu l-Ħajja ġdida li joffrilna Ġesu’. Meta aħna nagħtu ħajjitna lil Ġesu’ l-ħajja tagħna tiġi mibdula bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina għax irċevejnieh fil-Magħmudija.

Ħsieb għal Qalbek …

Inti temmen fit-trasformazzjoni li l-Ispirtu s-Santu jwettaq fik kull darba li int tagħmel ħiltek biex tgħix skont it-tgħallim ta’ Kristu u tal-Knisja?

X’qed tagħmel biex tesperjenza din il-bidla fik u tħeġġeġ lill-oħrajn ħalli wkoll huma jinbidlu f’dak li jrid minna l-Ispirtu s-Santu?

Temmen tassew li hu jrid minnek il-qdusija tiegħek?

Itlob …

Mulej imlieni bl-Ispirtu s-Santu u għamilni aktar nixbah lill-Imgħallem tiegħi Sidi Ġesu’ permezz ta’ dik il-qdusija li trid tara fija. Żid il-ħeġġa tiegħi għas-Saltna tiegħek u nissel fija xewqa qaddisa li jiena ngħix biex nogħġbok u nagħtik glorja. Ammen.