DEVOZZJONI EWKARISTIKA TAL-QADDISIN
Il-qaddisin tal-Knisja b’xi mod jew ieħor kollha esprimew id-devozzjoni tagħhom lejn l-Ewkaristija. San Alfonzu de Ligouri jgħid hekk: “Il-wisq maħbub Redentur tagħna fl-aħħar lejl ta’ ħajtu billi kien jaf illi l-mument wisq mistenni għalih kien wasal biex imut għall-maħbubin tiegħu ma xtaqx iħallina weħidna f’dan il-wied tad-dmugħ; iżda biex ma jinfiridx minna bil-mewt ħallielna lilu nnifsu bħala ikel fis-Sagrament tal-Altar, u hekk ried jurina li meta tana dan ir-rigal ta’ siwi nfinit uriena l-imħabba kbira li għandu għalina.”
San Pietru t’Alcantara jurina dan l-istess ħsieb meta jikteb:
“L-ebda lsien ma jista’ jesprimi l-imħabba kbira li Ġesu’ għandu lejn kull ruħ. Għalhekk biex ma ninsewhx, qabel ma ħalla din id-dinja, Hu ħalla f’idejn l-għarusa tiegħu l-Knisja s-Santissimu Sagrament fejn hu jinsab preżenti… biex hekk inżommu ħajja t-tifkira tiegħu.”
Santa Maria Madalena de Pazzi tikteb hekk:
“Sinjur, inti tinsab verament preżenti taħt l-Ispeċi Sagramentali daqs kemm int tinsab fis-Sema fuq il-lemin tal-Missier. Minħabba li jien nista’ ngawdi u nippossiedi dan il-għaġeb kbir jien ma nixtieq xejn aktar.”
Santa Tereża t’Avila tikteb hekk:
“Kif qatt nista’ jien midinba fqajra, li min jaf kemm -il darba offendejtek, nissogra nersaq lejk kieku kelli narak fil-Majesta’ kollha tiegħek? Iżda taħt l-Ispeċi tal-Ħobż hu faċli li navvinċinak bħal ma kieku navviċina re ta’ din l-art li jaħbi lilu nnifsu u hekk inkellmu mingħajr ċerimonji. Kieku ma kellekx taħbi lilek innifsek Sinjur, min kien jissogra javviċinak fost daqshekk bruda, għera u imperfezzjonijiet?
San Franġisk t’Assisi kellu qima kbira lejn l-Ewkaristija u għamel minn kollox biex jaraha tikber f’dawk ta’ madwaru. U hekk naraw ir-reverenza li kellu lejn is-saċerdoti. Kien igħid illi kieku kellu jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ anġlu u saċerdot, l-ewwel li kien jagħmel kien li jbus id is-saċerdot, dik l-id li laqgħet fiha l-Ġisem u d-Demm tal-Feddej, u wara jsellem lill-anġlu.
San Franġisk de Sales ikompli jgħid; “Imkien iżjed is-Salvatur tagħna ma wera lilu nnifsu hekk ġentili u kollu mħabba milli f’dan is-Sagrament fejn nistgħu ngħidu li hu ċekken lilu nnifsu u nħeba taħt l-Ispeċi tal-Ħobż biex ikun jista’ jidħol fir-ruħ tagħna u jgħaqqad lilu nnifsu mal-qlub tal-għeżież tiegħu.”